Laqgħa mal-Isqfijiet tal-Konferenza Episkopali ta’ Franza. Vjaġġ Appostoliku fi Franza mill-Papa Ljun XIV

VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA LJUN XIV

FI FRANZA

25-28 TA’ SETTEMBRU, 2026

LAQGĦA MAL-ISQFIJIET TAL-KONFERENZA EPISKOPALI TA’ FRANZA

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV

Emiċiklu “Sainte-Bernadette” tas-Santwarju tal-Madonna ta’ Lourdes

Il-Ħadd, 27 ta’ Settembru, 2026

Eminenza, Eċċellenzi,

jien hieni li qed niltaqa’ magħkom għeżież ħuti fl-Episkopat, f’dan il-post imbierek mis-Sema, żewġ passi bogħod mill-grotta fejn il-Verġni Marija dehret li Santa Bernadette u fejn intom tiltaqgħu spiss għal-Laqgħat Plenarji tagħkom. B’din l-għażla turu ċar ir-rieda tagħkom li lill-Knisja ta’ Franza tqegħduha taħt il-protezzjoni ta’ Omm Alla, il-Verġni Immakulata, biex tmexxiha b’aktar ċertezza skont ir-rieda tal-Mulej. Infatti, m’hemmx mod aħjar biex tasal għand Ġesù milli permezz ta’ Marija. Kull ħaġa fiha twassalna għand Binha.

B’hekk intom tibqgħu ġġeddu l-wirt li rċevejtu minn missirijietkom fil-fidi, sa mill-eqdem żmien tal-evanġelizzazzjoni ta’ pajjiżkom. Il-kult ta’ Omm Alla ħawwel għeruqu fil-fond, tant li m’għaddhiex wisq żmien qabel ma’ Franza kienet deskritta bħala “s-Saltna ta’ Marija” (Piju XI, Enċ. Galliam Ecclesiam filiam primogenitam, 2 ta’ Marzu, 1922). Dir-rabta pivileġġjata bejn in-nazzjon tagħkom u l-Verġni Mqaddsa kienet mistqarra b’mod singolari meta fl-10 ta’ Frar, 1638, Franza kienet ġiet ikkonsagrata lilha, kif stajt nara lbieraħ waqt rappreżentazzjoni sabiħa fil-Katidral ta’ Notre-Dame f’Pariġi. U l-predeċessur tiegħi Piju XI, imnebbaħ minn dil-wegħda, iddikjara lill-Madonna Mtellgħa s-Sema, Patruna ta’ Franza (cfr ibid.).

Dil-mixja twila ta’ fiduċja u tenerezza ma’ Marija, mistqarra b’tant devozzjonijiet u tant imkejjen li jġibu isimha, b’tant suppliki mismugħa – spiss bid-dmugħ – , b’Santwarji u pellegrinaġġi, Katidrali, lil hinn minn kull ostaklu, għadha tkun xhieda ta’ fidi ħajja tal-poplu t’Alla afdat f’idejkom. Quddiem l-isfidi enormi ta’ żmienna, inħeġġiġkom, għeżież ħuti, biex tagħtu prova ta’ kuraġġ u kreattività missjunarja. Tħallux l-iżbalji, l-inkoerenzi u lanqas il-waqgħat li ttimbraw l-istorja ta’ dal-poplu f’mixja, jaqtgħulkom qalbkom. Bil-kuraġġ kollu għarfu l-iżbalji b’imħabba għall-Verità u b’determinazzjoni, intom u ddewwu l-ġrieħi bil-karità tar-Ragħaj it-Tajjeb, li jaf in-nagħaġ tiegħu u jsejħilhom kollha b’isimihom. Tkebbsu għalhekk bit-tama u qatt tgħejjew tħabbru l-Evanġelju!

L-istorja tal-Knisja fi Franza hi għanja, immensament għanja. Hi sabiħa u għammiela; u importanti. Inżommu dan f’moħħna biex nibnu l-ġejjiieni tal-komunitajiet tagħkom, kif ukoll dak ta’ pajjiżkom. Il-Knisja għenet, u saħansitra kkontribwiet fil-bini gradwali tan-nazzjon tagħkom; sal-lum hi għadha parti integranti mill-kultura tiegħu, mill-identità tiegħu u mill-vokazzjoni tiegħu fid-dinja. Din hi r-raġuni għala għandha d-dritt kollu li tieħu sehem fid-dibattitu pubbliku fi Franza; min-natura tagħha hi għandha awtorevolezza profetika. Minkejja li mhux dejjem tinftiehem, madankollu sehemha dejjem mistenni. Minkejja li mhux dejjem tingħata widen, partikolarment fi kwistjonijiet essenzjali li jolqtu s-sisien taċ-ċiviltà, xorta waħda leħinha hu neċessarju; tiddubitawx minn dan! Jien konxju mid-determinazzjoni tagħkom u l-kuraġġ li għandkom – urejtu dan ċar fid-dibattitu reċenti dwar it-tmiem tal-ħajja – u nħeġġiġkom biex tipperseveraw, flimkien mal-bnedmin kollha ta’ rieda tajba li jiddefednu l-istess valuri.

Bħalissa qed tgħixu f’kuntest ta’ lajċità partikolari ħafna, frott ta’ storja mqallba, illum paċifikata, li iżda, għandha tippermetti lill-Knisja taqdi l-missjoni tagħha. Il-fatt li l-ekwilibriju milħuq bit-tbatija ftit ftit qed jidħlu d-dubji dwaru, kif qed jiġri f’postijiet oħra fid-dinja tal-punent, m’għandux iġagħalkom tirrassenjaw ruħkom. Nistedinkom tishru biex tiddefendu l-libertà u d-dritt tal-Knisja li tevanġelizza, teduka għal-libertà vera u tipprattika l-kult pubblikament, sabiex b’mod li jidher, il-karità tibqa’ titħaddem f’isem Ġesù Kristu.

Il-Papa Franġisku, fl-okkażjoni tal-ftuħ mill-ġdid tal-Katidral ta’ Notre-Dame de Paris, kien kitbilkom: “Nistieden lill-imgħammdin kollha li bil-ferħ se jidħlu f’dal-Katidral, biex iħossu kburija leġittima u jerġgħu jiksbu mill-ġdid il-fidi tagħhom (…). Din id-dar, mgħammra minn Missierna tas-Sema, hi tagħkom: intom il-ġebel ħaj tagħha. Dawk li ġew qabilkom fil-fidi bnewha għalikom” (Messaġġ fl-okkażjoni tal-ftuħ mill-ġdid ta’ Notre-Dame de Paris, 21 ta’ Novembru, 2024). Li tħeġġu lill-imgħammdin jerġgħu jiksbu mill-ġdid il-fidi tagħhom hi parti mill-missjoni tar-Ragħajja bl-għan tat-tiġdid tal-Knisja fi Franza.

Dak li l-Mulej żejjinkom bih, lilkom kattoliċi ta’ Franza, l-ewwel Bint tal-Knisja, hu verament raġuni biex nirringrazzawh bla heda: katina bla waqfien ta’ qdusija li tasal sal-lum: arti, letteratura u xjenzi jwarrdu mħeġġin mill-fidi u mill-ħidma tal-Ispirtu s-Santu; maturazzjoni irreversibbli tal-valur inaljenabbli tal-persuna umana, tad-dinjità tagħha u tal-ħtieġa li jitħarsu d-drittijiet u l-libertajiet tagħha; bla ma ninsew iż-żelu missjunarju formidabbli li wassal il-frott sal-ibgħad trufijiet tad-dinja. Iva, Ġesù takom ħafna… u f’imħabbtu jrid ikompli jgħanikom bid-doni tiegħu…

Din hi r-raġuni għala b’ħarstu ‘l quddiem il-Papa Franġisku żied jgħid ma’ dak li kkwotajt qabel: “Jalla t-twelid ġdid ta’ din il-knisja ammirevoli ikun sinjal profetiku tat-tiġdid tal-Knisja fi Franza” (ibid.). Jiena wkoll nemmen li dan hu żmien li fih ħafna mill-kontemporanji tagħna qed jistennew li jisimgħu jidwi l-messaġġ mimli tama tal-Evanġelju, u jaraw jiddi quddiem għajnejhom id-dawl ta’ Kristu Rxoxt. Il-messaġġ ta’ paċi li l-għajn tiegħu hi Ġesù hu mistenni daqskemm aħna konxji, fi Franza u fil-bqija tal-Punent, mill-polarizzazzjoni li tħasseb, mill-fratellanza li qed tnin flimkien mal-kordjalità u l-kwalità tal-ħajja soċjali, kif ukoll minħabba ż-żjieda tal-vjolenza, tad-diżugwaljanzi u tal-faqar. Quddiem dawn l-isfidi, id-diżillużjoni u d-diżorjentament jieħdu post il-wegħdiet foloz ta’ dinja li fiha Alla hu assenti, relegat għall-ħajja privata, u fejn l-għajnuna tal-grazzja tiegħu titqies inutli “għall-bini tal-belt”. B’dankollu Ġesù wissa bla tlaqliq lid-dixxipli tiegħu: “mingħajri ma tagħmlu xejn” (Ġw 15,5).

Iż-żgħażagħ, b’mod partikolari għandhom aspiraazzjonijiet kbar. Huma mħassbin minħabba d-dinja li se jirtu, ansjużi minħabba l-futur, lesti biex jimpenjaw ruħhom bil-kuraġġ u l-ġenerożità għal dak kollu li hu sabiħ, veru u tajjeb. Uruhom it-triq tal-Evanġelju: l-unika triq żgura, minkejja li hi esiġenti ħafna, li ħalliet ħafna frott f’din l-art Franċiża. Ilbieraħ f’Pariġi evokajna s-sinjal inkoraġġjanti tal-Katekumenat, li fil-biċċa l-kbira tiegħu jinvolvi aduti żgħażagħ. Hi grazzja u ferħ għall-poplu t’Alla kollu. Importanti li tieħdu ħsieb u takkumpanjaw dil-grazzja, partikolarment permezz tal-akkoljenza taż-żgħażagħ f’komunitajiet vivaċi li jipprattikaw il-karità u jgħixu s-solidarjetà, kif ukoll permezz ta’ tagħlim solidu tad-duttrina radikat fil-Kelma t’Alla li jippermettilhom jaffrontaw l-oġġezzjonijiet u d-dubji.

Biex dan it-tiġdid tat-tama jseħħ, fil-qafas ta’ impuls missjunajru ġdid fi Franza, li nawgura ħafna li jseħħ, hemm programm wieħed, dejjem l-istess: li Ġesù jsir magħruf u maħbub b’mod awtentiku, b’passjoni… mhux darba iżda darba wara oħra… Fil-kuntest attwali, sibtu quddiemkom xi sfidi importanti.

L-edukazzjoni hi tal-akbar importanza. Ta’ min ifaħħar l-inizjattiva li fil-laqgħat tagħkom tidħlu fil-fond ta’ dan is-suġġett. L-edukazzjoni hi missjoni parikolarment vasta, tolqot ħafna oqsma tal-ħajja. Nixtieq sempliċiment immiss is-suġġett tal-edukazzjoni Kattolika, li l-“karattru distintiv” tagħha qed jitqiegħed f’dubju fiż-żminijiet tal-lum. Hi ħaġa pożittiva li l-istituti tat-tagħlim kattoliku jkunu miftuħin ukoll għal min mhux tal-istess fidi tagħna. Din l-akkoljenza ġeneruża u ta’ rispett lejn il-libertà tal-kuxjenza ta’ kull individwu tħalli frott kbir għal kulħadd, kemm għas-soċjetà kif ukoll għall-Knisja nfisha. Madankollu, it-tagħlim kattoliku bl-ebda mod ma jista’ jitbiegħed mill-proġett edukattiv tiegħu, proġett imsejjes fuq Kristu u jimmmira lejn żvilupp integrali tal-persuna umana fid-dimensjonijiet kollha tagħha: spiritwali, kulturali, morali u soċjali. Għalhekk, ħadd m’għandu jibqa’ sorpriż bl-opportunitajiet offruti f’kull istituzzjoni kattolika biex wieħed jiltaqa’ ma’ Ġesù Kristu u jisma’ l-Kelma tiegħu. Barra minn hekk, l-ebda student m’għandu qatt iħossu mwarrab fil-klassi tiegħu stess sempliċiment għax jemmen f’Ġesù.

F’dawn l-aħħar snin, indirizzajtu b’determinazzjoni l-pjaga ta’ wġigħ tal-abbuż fuq il-minuri, imwettaq minn membri tal-kleru jew fi ħdan kuntest ekkleżjali. Ħadtu passi kuraġġużi biex tiffaċċjaw din is-sitwazzjoni, permezz tas-smigħ, it-tfittxija għall-verità, il-ġustizzja, il-maħfra, it-tiswija u impenn sħiħ biex titrawwem kultura ta’ prevenzjoni u protezzjoni kontra reati kriminali bħal dawn. Irroddilkom ħajr għal dak kollu li għamiltu. Jien konxju li xi ċirkustanzi kienu diffiċli ħafna għall-Konferenza Episkopali tagħkom. Hemm bżonn tibqgħu mexjin fit-triq li qbadtu, u tishru bla heda. Fl-istess ħin il-kleru tagħkom għandu bżonn min iwieżnu u jinkoraġġih; jiena naf li intom ittuh attenzjoni paterna. Biex jitqanqlu aktar vokazzjonijiet saċerdotali, is-saċerdot għandu jkun mixtieq, milqgħuh, maħbub u l-identità tiegħu – imfassla fuq Kristu bħala mudell – għandha tkun ċara u tinftiehem sew mill-Poplu t’Alla kollu, għall-ferħ tal-Evanġelju u s-servizz tal-missjoni tiegħu.

Inħoss ukoll li huwa importanti nsemmi t-tnaqqis ta’ swied il-qalb fil-vokazzjonijiet għall-ħajja konsagrata, b’mod partikolari għall-ħajja kontemplattiva. Sirt naf b’niket dwar l-għeluq, reċenti jew imminenti, ta’ komunitajiet monastiċi antiki u prestiġjużi li kellhom influwenza kbira fuq l-istorja. Li wieħed jiddedika ħajtu biex jimxi wara Ġesù fi triq tant impenjattiva jirrikjedi, minbarra l-ħidma tal-grazzja, ġenerożità speċjali, għeruq sodi fil-fidi, ħajja interjuri intensa, u qrubija privileġġata lejh. Sitwazzjonijiet bħal dawn jinstabu l-aktar fi ħdan il-familji nsara, li jistħoqqilhom l-akbar attenzjoni u appoġġ. It-tisħiħ u l-għeruq tal-ħajja tal-fidi fil-familji huma bla dubju ċ-ċavetta li tgħin biex jiġu solvuti ħafna mill-kriżijiet li l-Knisja u s-soċjetajiet tagħna qed jiffaċċjaw bħalissa. Filfatt, hu fi ħdan il-familja li wieħed jitgħallem kif jgħix f’komunità, ir-rispett lejn l-oħrajn, li jaċċetta d-diversità, l-appoġġ reċiproku, il-ġenerożità, l-għotja bla egoiżmu, u l-ispirtu ta’ sagrifiċċju. Forsi din hija l-isfida ewlenija li rridu niffaċċjaw: li Ġesù jgħammar b’mod sħiħ fil-familji kattoliċi ta’ Franza u jdawwalhom bil-preżenza tiegħu!

Minbarra dawn il-problemi, hemm sfida oħra li tista’ tkun ta’ tħassib għall-futur: l-isfida tal-għaqda. Rigward dan, ħalluni nfakkar kemm hu essenzjali li d-dixxipli ta’ Ġesù jkunu magħqudin fl-imħabba, proprju kif Hu talab lill-Missier: “biex ilkoll ikunu ħaġa waħda […], ħalli d-dinja temmen li int bgħattni” (Ġw 17, 21). Il-Knisja fi Franza hija merħla żgħira li għandha tgħaqqad il-forzi għall-missjoni tagħha. Il-firdiet ideoloġiċi jirrendu x-xhieda tagħha bla effett. Matul l-istorja tal-Knisja dejjem kien hemm it-tensjonijiet, iżda huwa proprju meta dawn jitfaċċaw li nistgħu napprezzaw ferm aktar id-don tal-unità. Din mhix uniformità ċatta; pjuttost, tiżgura li kull sensibbiltà awtentikament kattolika, b’mod naturali, issib konverġenza fi stqarrija komuni tal-fidi, permezz tal-ubbidjenza lejn ir-ragħajja leġittimi u, b’mod partikolari, lejn is-Suċċessur ta’ Pietru, il-“prinċipju u l-pedament perpetwu u viżibbli tal-unità tal-fidi u tal-komunjoni” (Konċ. Ekum. Vatikan II, Kostituzzjoni dommatika “Lumen gentium”, 18). Hi unità dinamika mantnuta mit-Tradizzjoni tal-Knisja, ibda mill-Missirijiet sal-Konċilju Vatikan II, u l-Maġisteru postkonċiljari. Barra minn hekk, hi tistgħana bid-djalogu reċiproku, li jibda mill-fidi, fuq stil sinodali li dawn l-aħħar żminijiet qed infittxu li nidħlu aktar fil-fond tiegħu.

Għeżież ħuti, il-Knisja fi Franza hi ħafna għal qalb il-Papa. Kemm nixtieq nittrażmettilkom is-sentimenti ta’ entużjażmu u tama li jqanqluni meta naħseb fikom!

Il-Poplu t’Alla li jinsab fi Franza, għani b’komunitajiet vivaċi, fraterni u miftuħin għad-dinja; għani b’żgħożija ħerqana u impenjata f’ħafna inizjattivi; għani wkoll b’wirt li jsostnih imma li fl-istess ħin jimpenjah, jiena ċert li għad ikompli b’ħeġġa akbar il-missjoni li jħabbar u jkattar l-imħabba għal Ġesù* sabiex id-dinja jkollha l-ħajja.

Jiena u nqiegħed din l-Assemblea, il-komunitajiet djoċesani u pajjiżkom taħt il-protezzjoni tas-Sinjura tagħna ta’ Lourdes, bil-ferħ intikom il-Barka Appostolika. Grazzi!

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading