Żjara fiċ-Ċentru ta’ Akkumpanjament u Integrazzjoni Soċjali ‘Maison Bakhita’. Vjaġġ Appostoliku tal-Papa Ljun XIV fi Franza

VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU IL-PAPA LJUN XIV

FI FRANZA

U ŻJARA LILL-ORGANIZZAZZJONI TAL-ĠNUS MAGĦQUDA

UNESCO

25-28 TA’ SETTEMBRU, 2026

ŻJARA FIĊ-ĊENTRU TA’ AKKUMPANJAMENT U INTEGRAZZJONI SOĊJALI MAISON BAKHITA

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV

Maison Bakhita (Pariġi)

Is-Sibt, 26 ta’ Settembru, 2026

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Jien kuntent li qed nibda din it-tieni ġurnata tiegħi f’Pariġi, magħkom, f’dar li tagħti xhieda lill-belt kollha li l-laqgħa u l-għajxien flimkien bid-dinjità u l-paċi hi ħaġa possibbli. Irrodd ħajr lill-Arċidjoċesi ta’ Pariġi, lis-Sorijiet skalabrinjani u lill-operaturi kollha flimkien mal-volontarji li jżommu dan il-post ħaj u huma ta’ servizz għal min hawnhekk isib akkoljenza, min jisimgħu, formazzjoni u ħbiberija. Ngħid grazzi partikolari lil dawk li qasmu l-esperjenzi tagħhom magħna.

Iċ-Ċentru tagħkom, ċentru ta‘ akkumpanjament u integrazzjoni soċjali, li jġib isem Santa Bakhita, jixprunana biex nagħrfu l-irwol fundamentali tan-nisa fil-bini ta’ ċiviltà tal-imħabba, alternattiva għall-kultura li tfarrak u tifred il-komunitajiet u li lill-bliet tmarradhom bis-solitudni. Ħarsa mill-qrib turina li l-istorja tal-Knisja u tal-umanità ma nkitbitx minn min deher rebbieħ, minn min jimponi ruħu u jokkupa l-ispazju, imma minn min “jagħmel spazju”, jibda proċessi ta’ paċi, jiġġenera l-fiduċja u jinkoraġġixxi l-ħajja. Dawn mhumiex sempliċi sentimenti, iżda deċiżjonijiet u investiment kontra l-kurrent, li qiegħdin nifhmu dejjem aħjar kemm huma rilevanti pubblikament u kif huma wegħda għall-ġejjieni. Santa Bakhita timpenjana biex naraw dak li ma jidhirx, biex nirhanu lil min spiċċa skjav tal-ekonomija u l-kultura, biex nagħtu ġieħ lid-dinjità infinita ta’ ħutna kollha, li permezz tagħhom Ġesù qed iħabbat fuq biebna.

Għeżież, “ir-realtà hi li għall-insara l-foqra mhumiex kategrija soċjoloġika, iżda l-istess laħam ta’ Kristu. Infatti mhx biżżejjed li b’mod ġenerali nillimitaw ruħna li nartikolaw id-duttrina tal-inkarnazzjoni ta’ Alla; iżda biex nidħlu verament f’dal-misteru, hemm bżonn nispeċifikaw li l-Mulej sar laħam, għandu l-ġuħ, l-għatx, marid, ikkalzrat” (Eż. App. Dilexi te, 110). Kristu fqir u msallab iħalli lilu nnifsu jiġi milħuq u maħbub permezz ta’ dawn l-irġiel u nisa li jsejħulna biex noħorġu minna nfusna u nieħdu s-sogru tal-karità.

Ħuti, l-intwizzjoni l-aktar importanti li tispira l-impenn tagħkom, tirrigwarda l-bdil tad-doni li jiġġedded f’kull laqgħa. Ħadd mhu daqshekk fqir li m’għandu xejn x’jagħti; ħadd mhu daqshekk sinjur li m’għandux bżonn jirċievi xi ħaġa. Hemm il-ħajja bl-abbundanza fejn il-limitu ta’ kull persuna jinfetaħ għall-preżenza misterjuża tal-oħrajn, li fihom hemm l-Ieħor, per eċċellenza, Alla tal-ħajja, biex joqrob lejhom. Dan ma jinnegax it-toqol li d-dnub daħħal fl-istorja, iżda jgħinna biex ma nibqgħux ilsiera tiegħu. Aħna nħabbru li r-redenzjoni hi possibbli, diġà bdiet, għadha għaddejja u tinvolvi lilna lkoll bħala membri ħajjin tal-Ġisem ta’ Kristu.

U ma ninsewx li “L-għajn ma tistax tgħid lill-id: “Jiena ma għandix bżonnok,” anqas ir-ras ma tgħid lis-saqajn: ma għandix bżonnkom. Mhux hekk biss, imma l-membri tal-ġisem li jidhru l-aktar dgħajfa, huma l-aktar meħtieġa” (1 Kor 12,21-22). Dan hu kliem San Pawl lill-insara ta’ Korintu, waħda mill-metropoli l-aktar għonja u dinamika ta’ żmienu. Hemmhekk l-Evanġelju ntlaqa’ minn persuni ta’ sfondi u klassijiet soċjali diversi, fosthom bosta foqra u lsiera (cfr 1Kor 1,26-29), bħalma hawn uħud fostkom illum. “Iżda Alla – ikompli jikteb l-Appostlu – bena l-ġisem b’mod li żejjen b’aktar ġieħ lil dawk li jeħtiġuh l-aktar. B’hekk ma jkunx hemm firda fil-ġisem, imma l-membri kollha jaħsbu f’xulxin”(1Kor 12,24-25).

Għalhekk, irroddilkom ħajr għall-ħidma tagħkom, flimkien mal-persuni kollha li, fi Franza kollha, jagħtu das-servizz f’istituzzjonijiet simili. Komplu agħtu xhieda tal-attenzjoni li tagħtu lil xulxin, li bl-ttenzjoni fraterna, bil-proġetti ta’ formazzjoni, bid-djalogu mal-belt, jeleva l-ispirtu u jumanizza d-dinja. Jinterċedu għalikom Santa Bakhita u x-xhieda l-kbar tal-karità li sawru l-preżenza tal-Knisja fi Franza, speċjalment fi żminijiet ta’ bidliet u taqlib. Grazzi! Il-Mulej iberikkom

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading