Jurina r-realtà kif inhi. Omelija mill-Isqof Joseph Galea Curmi

Il-Ġimgħa, 13 ta’ Novembru 2026: Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joseph Galea Curmi fil-Ġimgħa tat-tnejn u tletin ġimgħa matul is-sena. Kappella tal-Kurja, Floriana.

Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joseph Galea Curmi

Naħseb li tolqotna d-differenza, il-kuntrast, li naraw bejn il-kliem li smajna eżatt qabel l-Evanġelju minn Ġesù, u dak li jgħid fl-Evanġelju. Dan għaliex, fl-Akklamazzjoni ta’ qabel l-Evanġelju, għedna: “Qawwu qalbkom u erfgħu raskom, għax il-fidwa tagħkom hi fil-qrib” (Lq 21:28). Imma fl-Evanġelju, fil-kliem ta’ Ġesù, l-enfasi qiegħed fuq “qeridhom ilkoll” (Lq 17:27.29). Minn banda qed jgħidilna nqawwu qalbna, u mill-banda l-oħra qed jgħid fuq il-qerda. Għaliex dan il-kuntrast?

L-ewwel ħaġa li ninnutaw fil-kliem ta’ Ġesù fl-Evanġelju hu kif qed jitkellem fuq il-ħtieġa li ma nkunux aljenati fil-ħajja, moħħna f’dak li hu sekondarju b’mod li nitilfu dak li hu l-aktar importanti. Meta Ġesù jsemmi żmien Noè jew żmien Lot, dak li jsemmi mhumiex affarijiet ħżiena. Jgħid li fi żmien Noè, “kienu jieklu, jixorbu, jiżżewġu u jżewġu” (Lq 17:27). X’hemm ħażin f’dan? Kieku qal: kienu jieklu u jiffangaw, jixorbu u jkunu fis-sakra, qed jgħid fuq affarijiet ħżiena. Imma li tiekol u tixrob, tiżżewweġ u żżewweġ x’fiha? U l-istess meta jsemmi żmien Lot, jgħid: “kienu jieklu, jixorbu, jixtru, ibigħu, iħawlu, jibnu” (Lq 17:28). X’hemm ħażin f’dan? Kieku tgħid: kienu jbigħu imma jqarrqu fil-bejgħ, diżonesti, tifhimha; jew flok iħawlu, jeqirdu l-ambjent, jew jibnu bl-addoċċ, b’mod li jħassru l-ħolqien ta’ Alla, qed jgħid fuq xi affarijiet ħżiena. Imma hawnhekk mhux qed jgħid fuq xi ħaġa ħażina!

Għalhekk il-messaġġ ta’ Ġesù mhuwiex: dawn huma affarijiet ħżiena li int trid tevita – bħalma kien hemm f’mumenti oħra dak li jgħid Ġesù. Għax Ġesù jitkellem fuq l-onestà, fuq li aħna nirrispettaw il-ħolqien ta’ Alla, u tant affarijiet oħra – jitkellem Ġesù. Imma hawnhekk qed jgħid fuq kif l-istess affarijiet tajbin tal-ħajja, jekk ma noqogħdux attenti, jistgħu jaljenawna, u ma jħallunex naħsbu fuq dak li hu l-iktar importanti. Jiġifieri mhux fuq kif se nagħmlu dil-ħaġa u l-oħra, u l-oħra wara xulxin, imma fuq kif se ngħixu verament il-ħajja tagħna b’rabta ma’ Alla u mal-oħrajn, b’imħabba sħiħa lejn Alla u lejn l-oħrajn.

Għalhekk, meta jsemmi dawn, qed jgħid: oqogħdu attenti li ma tgħixux f’aljenazzjoni – li kienet fi żmienu, u llum hi ħafna wkoll din it-tentazzjoni li aħna nkunu sejrin minn ħaġa għal oħra għal oħra għal oħra, f’affarijiet li fihom infushom mhumiex ħżiena, imma mbagħad ninsew lil Alla, ninsew anke r-rabta tagħna miegħu, li l-ġid ġej minnu, ninsew dan kollu. Ninsew it-talb, per eżempju, u l-quddiesa. Kemm jiġri dan, ħa ninżlu fil-prattika. Ikun hemm min, b’intenzjoni tajba, jgħid: ħa ninvolvi lill-familja kollha tiegħi f’affarijiet tajbin, bħalma huma, per eżempju, l-isports, bħall-futbol. Kemm hi ħaġa sabiħa! Imma mbagħad ma jsibx ħin għall-quddiesa tal-Ħadd. Jgħidulek: għax tant konna impenjati, tant kellna affarijet, li quddiesa spiċċajna ma morniex. Imbagħad tindera b’dal-mod, u ħażin! Ġesù qed jgħid: kemm hu importanti li aħna l-essenzjali ma nitilfuhx. Għax meta ma nitilfux dan, li nagħrfu mbagħad kif għandna ngħixu anke l-affarijiet tajbin tal-ħajja, b’liema spirtu għandna ngħixuhom.

Fuq dan qed jitkellem Ġesù. Għalhekk, il-kliem tiegħu mhuwiex intenzjonat biex ibeżża’. Importanti li nifhmuh dan: il-kliem tiegħu hu biex jurina r-realtà kif inhi, u biex aħna ma ngħixux aljenati. Imma mhux biex ibeżżagħna. Ġesù ma jgħidx dal-kliem, u kliem ieħor fl-Evanġelju, sempliċiment biex aħna ngħixu fil-biża’. Assolutament mhux hekk. U jkun ħażin min juża l-kliem ta’ Ġesù biex ibeżża’ lin-nies, u jgħidilhom: l-aħħar tad-dinja l-ġimgħa d-dieħla, jew ta’ wara. Tista’ tkun, imma ħadd ma għandu dan l-għerf infuż li jista’ jgħidlek meta. Naħseb din ilhom jgħiduha minn mindu bdiet id-dinja. Imma jgħiduha kultant biex ibeżżgħu, u dan huwa żball. Ġesù jgħid dan mhux biex ibeżża’, imma biex lilna jġibna f’sensina ħalli ma ngħixux aljenati, u nagħtu l-importanza l-ewwel lil dak li jiġi l-ewwel, l-essenzjali, għax minn hemm inġibu l-ispirtu, l-għajnuna, il-qawwa tiegħu, biex ngħixu l-ħajja tagħna ta’ kuljum.

Nitolbu lill-Mulej din il-grazzja: li aħna ma ngħixux aljenati; li npoġġu l-ewwel dak li jiġi l-ewwel, u bil-qawwa tiegħu, nagħrfu mbagħad kif ngħixu ż-żmien li hu jagħtina.

✠ Joseph Galea Curmi
Isqof Awżiljarju

Verżjoni PDF

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?