Quddiesa fil-Pjazza quddiem il-Bażilika ta’ Sidtna Marija ta’ Luján (Luján)

VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
FL-URUGWAJ, L-ARĠENTINA U L-PERÙ

6-17 ta’ Novembru 2026
QUDDIESA
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV

Pjazza quddiem il-Bażilika ta’ Sidtna Marija ta’ Luján (Luján)
L-Erbgħa 11 ta’ Novembru 2026

Omelija tal-Papa

Għeżież ħuti!

Il-Qari tal-profeta Iżaija li għadna kemm smajna jistedinna nimmaġinaw diversi tipi ta’ art: id-deżert, l-isteppa u l-muntanja, li kollha msejħin iwarrdu u jgħannu bil-ferħ fil-kontemplazzjoni tal-glorja ta’ Alla. Illum naħsbu wkoll f’dan il-pajjiż mill-isbaħ, fil-ġeografija varjata li biha l-Ħallieq tal-univers sebbaħ l-art Arġentina: meded vasti ta’ ħdura u xmajjar qawwija, għadd kbir ta’ għoljiet u ktajjen ta’ muntanji, artijiet fuqana kollhom ħdura u pjanuri wesgħin, ibħra fondi, glaċieri maestużi u deżerti kbar. L-art kollha ta’ “tarf id-dinja”, fl-isplendur u l-ġmiel tagħha, tgħanni l-glorja tal-Mulej.

Iżaija jkompli jgħid li, hekk kif Alla jagħmel li l-ilma jgelgel fl-art niexfa, u jagħmilha aktar għammiela, hekk hu jaqta’ l-għatx profond tal-bnedmin u jfejjaqhom mill-mard tagħhom, u jiftaħ għajnejn l-għomja u widnejn it-torox. Għeżież ħuti, dawn ix-xbihat ikellmuna fuq żmien ġdid, wegħda ta’ ħelsien: la tibżgħux, Alla jinsab magħna. Ifirħu u qawwu qalbkom, bil-qawwa li tiġi mill-Mulej.

Matul dawn il-jiem stajt nara l-għana tal-Arġentina, mhux biss fil-ġeografija tagħha imma wkoll fin-nies tagħha, f’kull waħda mil-laqgħat, fil-pjazez u fit-toroq, fil-kreattività, fl-ispontanjetà u fil-ħajja li tfawwar ma’ kull pass. Fil-Magnificat, li għadna kemm xandarna bħala Salm Responsorjali, anki l-Verġni Marija timtela bil-ferħ fil-Mulej u tfaħħru għall-għeġubijiet li jagħmel fiha. Irrodd ħajr lil Alla tal-opportunità li niltaqa’ ma’ dan il-poplu hekk għażiż, li jiftaħ il-bibien tiegħu għal kulħadd, li jaqsam ħobżu u l-mużika tiegħu, fejn dejjem hemm post mal-mejda għal min jasal, mument ħieles biex ngħidu kelma “bejn mate u ieħor”, driegħ miftuħ għal min jeħtieġu.

Illum, fid-Dar tal-Omm tagħna ta’ Luján, il-ħsieb tiegħi jmur b’mod speċjali lejn il-maħbub tagħna l-Papa Franġisku, li dejjem ġarr fil-qalb tiegħu “l-Patruna ċkejkna sewdinija”. Hu għallimna bil-ħajja tiegħu, u jkompli jurina mill-post li għażel biex jindifen fih, hekk qrib ta’ Santa Marija, kif għandna nħobbuha u nqimuha dejjem. Fil-fatt, ħafna drabi l-kliem li bih kien iħallina kien ikun: “Ġesù jbierkek u l-Verġni Mqaddsa tieħu ħsiebek”.

B’qalbna grata għal tant doni li Alla xerred fuq dan il-pajjiż, nixtieq f’din l-okkażjoni nipproponilkom itinerarju, li hu l-istess wieħed li ngħixu fiċ-ċelebrazzjoni ta’ kull Ewkaristija. Hu magħmul minn erba’ passi: ir-rikonċiljazzjoni, l-illuminazzjoni permezz tal-Kelma ta’ Alla, il-komunjoni u l-missjoni li niġu mibgħutin għaliha. Marija f’riġlejn is-salib tingħaqad mas-Sagrifiċċju Ewkaristiku u sseħibna f’din il-mixja (ara San Ġwanni Pawlu II, Ittra enċiklika Ecclesia de Eucharistia, 56-58).

Ħafna minn ħutna, jew anki aħna stess, il-familji tagħna, jaf qegħdin jgħixu bħalissa mumenti ta’ Kalvarju, bi tbatija minħabba l-mard, in-nuqqas ta’ xogħol, diskriminazzjoni jew firdiet fil-familja, fost problemi oħra. F’dawn il-mumenti mudlama, nifhmu s-sentimenti ta’ Marija f’riġlejn is-salib, bil-qalb tagħha ta’ omm minfuda min-niket. Fl-istess waqt, bħalma Marija, f’dak il-mument terribbli ta’ ħajjitha, irċiviet mingħand Binha missjoni ġdida, u laqgħet f’qalbha ta’ omm lill-bnedmin kollha, aħna wkoll imsejħin nilqgħu l-grazzja ta’ Alla u ngħixu toroq ta’ maħfra u rikonċiljazzjoni, li jġeddu fina l-paċi, it-tama u l-imħabba. Ħa nkunu sinċieri, nagħrfu n-nuqqasijiet tagħna u nitolbu maħfra lill-Mulej, “maħfra għal dak it-tallab, għal dik id-demgħa li kkawżajt; maħfra għal dawk l-għajnejn li, għalkemm ħarsu lejja, ma ridtx inħares lejhom” (Zamba del perdón). Għandna bżonn nirrikonċiljaw ruħna wkoll mal-istorja tagħna u mal-preżent tagħna, biex innisslu futur ġdid, fejn tkun l-imħabba li jkollha l-aħħar kelma.

Niftakru wkoll fl-esperjenza tad-dixxipli ta’ Għemmaws: kienu mexjin qalbhom imnikkta, maqtugħa, minħabba r-realtà iebsa. F’dak il-mument iltaqa’ magħhom Kristu Rxoxt u fissrilhom l-Iskrittura. Imbagħad qasmu l-ikla flimkien, u huma għarfu l-preżenza tiegħu, li kienet kebbset lil qalbhom (ara Lq 24:13-35). Għeżież ħuti, din ħafna drabi hija wkoll l-esperjenza tagħna. Inħossuna għajjenin, delużi, diżorjentati. Għandna bżonn ta’ boxxla, ta’ gwida: din tagħtihielna l-Iskrittura Mqaddsa! Inħalluha ddawwalna: il-Kelma ta’ Alla hi musbieħ għal riġlejna u dawl fil-mixi tagħna (ara Salm 119:105).

Bħala t-tielet pass, wara r-rikonċiljazzjoni u l-illuminazzjoni permezz tal-Kelma, aħna msejħin għall-komunjoni. Kristu nnifsu jistedinna għall-mejda tiegħu u hemm aħna lkoll milqugħa (ara Mt 22:9-10). Hemm post għal kulħadd, speċjalment għal dawk l-aktar fil-bżonn: il-foqra u l-imġewħa, il-migranti, il-morda u l-ħabsin, li magħhom il-Mulej jidentifika ruħu (ara Mt 25:35-40). Proprju “l-Ewkaristija, sagrament tal-għaqda, isseddaq l-appartenenza tagħna għall-ġisem ta’ Kristu u tedukana għall-qsim flimkien. Id-diversi sensibbiltajiet preżenti fil-Knisja, il-konvinzjonijiet qawwija li janimaw lil kull persuna, huma għana jekk jibqgħu ankrati fiċ-ċertezza tal-għaqda bħala don li nirċievu u bħala dmir li għandna” (Ittra enċiklika Magnifica humanitas, 88). Il-komunjoni ma’ Kristu ma tagħlaqniex fl-affarijiet personali tagħna, ma twassalniex biex napprofittaw min-nuqqasijiet tal-oħrajn, ma ġġagħalniex naħarbu mir-responsabbiltajiet tagħna. Il-komunjoni ma’ Kristu twassalna biex nieħdu sehem attiv f’komunità, naqsmu b’xejn id-doni li rċivejna, noffru l-ftit li għandna għall-ġid ta’ ħafna.

Aħna mistednin ngħixu l-imħabba fl-istil ta’ Kristu; u anki Marija tgħallimna dan l-istil f’riġlejn is-salib, għax hemmhekk, fuq il-Kalvarju, kemm hi u kemm Binha ħabbew “għall-aħħar” (ara Ġw 13:1). Ma hemmx bżonn nagħmlu affarijiet kbar, imma nibqgħu fidili qrib tal-Mulej, kif għamlet Ommu, kemm fil-mumenti tas-salib, kemm fil-mumenti ta’ ferħ, ta’ glorja u ta’ dawl. Irridu nħarsu lejn il-ħajja bl-għajnejn tas-Sema u npinġu kull ġurnata tagħna bil-lewn tat-tama. Hemm ħafna diffikultajiet, nafuh dan, imma l-Mulej inebbaħ ukoll fil-Poplu fidil tagħna ġesti erojċi ta’ mħabba, bħal dak tal-missier li jqum kmieni ta’ kuljum biex iġib il-ħobż id-dar, bħall-omm li ssieħeb lil binha marid fl-iljieli twal l-isptar, bħall-ħabib tajjeb li jaqsam ħinu ma’ min għandu bżonnu.

Għeżież ħuti, l-aħħar pass hu li niġu mibgħuta, l-istess kif jiġri fi tmiem il-Quddiesa: mibgħuta għal missjoni. Morru u xandru! (ara Mk 16:15), għax “ma nistgħux ma nitkellmux fuq dak li rajna u smajna” (Atti 4:20). Morru u evanġelizzaw, ħabbru l-ferħ tal-Vanġelu bi kliem u opri tajba. Arġentina, qum u imxi. Kif jgħidilna Santu Wistin: “Ħobb u agħmel li trid; jekk tiskot, iskot għax tħobb; jekk titkellem, tkellem għax tħobb; jekk tikkoreġi, ikkoreġi għax tħobb; jekk taħfer, aħfer għax tħobb; ħa jkun hemm fik l-għeruq tal-imħabba, għax minn dawn l-għeruq xejn ma jista’ joħroġ ħlief ġid” (Santu Wistin, Omeliji fuq l-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann, 7, 8).

Omm tagħna ta’ Luján: il-Pontifikat tiegħi beda fit-8 ta’ Mejju, jum il-festa tiegħek. Bħal miljuni ta’ Arġentini li jiġu f’darek jitolbu l-għajnuna materna tiegħek, anki jien nixtieq nistkenn taħt il-mant tiegħek. Mexxini int, ja Omm, fil-missjoni appostolika li fdali l-Mulej. U mexxi u sieħeb lill-poplu Arġentin fil-mixja tiegħu. Għinu jibni pontijiet ta’ karità u xbieki ta’ solidarjetà; qanqal fihom il-ħerqa biex ikomplu jimxu f’toroq ta’ rikonċiljazzjoni, ta’ komunjoni u ta’ missjoni, imdawla mill-Kelma ta’ Ibnek Ġesù Kristu u mibnija fis-sod fih, “il-ġebla tax-xewka” (Atti 4:11). Hekk ikun.

_______________________

Ringrazzjament finali

Għeżież ħuti,

Irrodd ħajr lil Alla għal dak li għext tul iż-żjara tiegħi f’dan il-pajjiż, benniena tal-maħbub tagħna l-Papa Franġisku. Irrodd ħajr lil dawk kollha li ħadmu biex dan kien possibbli: l-Awtoritajiet ċivili u reliġjużi, l-organizzaturi, kollaboraturi u voluntiera, kif ukoll l-għadd ta’ persuni, familji u komunitajiet li ħadu sehem f’kull laqgħa jew segwewhom permezz tal-mezzi ta’ komunikazzjoni. Grazzi, Arġentina, li lqajtni b’dirgħajk miftuħa!

Ix-xbieha tal-Verġni ta’ Luján, li llum qed isseħibna, waslet f’dawn l-artijiet fuq karrettun u minn dakinhar ma riditx titħarrek aktar, baqgħet għal dejjem magħkom. Is-Suċċessur ta’ Pietru llum irid ikompli l-missjoni tiegħu f’postijiet oħra, hemm fejn il-Mulej jibagħtu, imma hu jixtieq jgħidilkom li se jġorrkom kollha fil-qalb tiegħu.

Ħa jbierek Alla lil din l-art ta’ Marija Immakulata, li l-mant smewwi u bajdani tagħha baqa’ fl-ilwien tal-bandiera tagħha. Jalla l-popli tat-tramuntana bil-muntanji u l-widien tagħhom, dawk tan-nofsinhar bil-glaċieri imponenti tagħhom, dawk tal-lvant bix-xmajjar u l-foresti tagħhom, u dawk tal-punent bil-ktajjen ta’ muntanji maestużi tagħhom, jagħtu glorja lill-Mulej għal tant doni li rċivew u, f’ismu, imorru u jħabbru l-Vanġelu b’ferħ u gratitudni.

Grazzi li lqajtuni b’tant imħabba, ħassejtni qisni qiegħed id-dar. Nibqgħu magħqudin fi Kristu, nitolbu għal xulxin u nafdaw ruħna fil-ħarsien matern ta’ Sidtna Marija ta’ Luján. Saħħa, għażiża tiegħi Arġentina!

_______________________

Kelmtejn spontanji ta’ tislima lill-Voluntiera tal-Vjaġġ fl-Arġentina, matul il-waqfa f’Villa Marista San José de Luján

Il-jum it-tajjeb, Arġentina! Il-jum it-tajjeb, Luján.

Tajjeb, wasal il-mument, il-konklużjoni ta’ dawn il-jiem hekk sbieħ, hekk pjaċevoli, fejn iċċelebrajna l-ħajja, iċċelebrajna l-fidi, għarafna l-valur kbir tal-ħajja umana, kif ukoll id-don kbir li l-Mulej tana, il-fidi. Fil-preżenza ta’ Kristu Ġesù, li ta ħajtu għalina, u ta’ Ommu Marija, Sidtna ta’ Luján, iċċelebrajna l-Ewkaristija.

Allura, ma hemmx kelma aħjar minn din xi ngħid: grazzi! L-Ewkaristija, li hi azzjoni ta’ radd il-ħajr, tfisser li nagħrfu li kollox huwa don.

Bħal Ġesù li ġie biex jagħtina ħajtu, anki intom, bħala voluntiera, tajtu ħajjitkom biex tgħinu lill-poplu kollu Arġentin f’dawn il-jiem, u biex tgħinu lili wkoll. Grazzi mill-qalb, u l-Mulej iberikkom dejjem.

Il-Mulej magħkom…
Ikun imbierek isem il-Mulej…
L-għajnuna tagħna f’isem il-Mulej…
U jberikkom Alla li jista’ kollox, il-Missier, l-Iben, u l-Ispirtu s-Santu. Amen.

Viva Kristu! Viva l-Verġni Marija!
Grazzi ħafna!

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?