Minn Dun Pawl Sciberras
Alla ta’ Iżrael hu Alla inviżibbli. La ħadd qatt rah u ħadd qatt ma jista’ jarah. Kontra l-allat tal-pagani, li kienu jidhru fix-xbihat tagħhom, Alla ta’ Iżrael ma kienx maħdum bi xbihat ta’ idejn il-bnedmin. Imma Alla, li ħalaq kollox, jidher ukoll fil-ħlejjaq tiegħu li b’xi mod huma wkoll xbihat tas-setgħa u l-għerf tiegħu. L-aktar fil-bniedem, li Alla ħalqu “fuq is-sura u x-xbieha” tiegħu – “U Alla ħalaq il-bniedem fuq xbihietu, fuq xbihat Alla ħalqu” (Ġen 1,26-27; 9,6). Żgur li ma nifhmux li l-bniedem hu xbieha ta’ Alla f’sens materjali u antropomorfiku, bħallikieku Alla kien bħall-bniedem b’wiċċu u b’ġismu. Lanqas ma hu biżżejjed naħsbu li Alla għamel il-bniedem xbieha tiegħu, għax tah is-setgħa li jnissel u joktor (Ġen 1,27 ), jiġifieri, li jkompli jagħti l-ħajja li bdiet minnu. Din is-setgħa Alla taha lill-ħlejjaq oħra ħajjin ukoll (Ġen 1,22). Imma lill-ebda ħliqa oħra ma għamilha Alla fuq xbihietu; dan jingħad għall-bniedem biss. Jingħad fis-sens li Alla ta lill-bniedem is-setgħa li jaħkem u jsaltan fuq il-ħlejjaq l-oħra kollha (Ġen 1,28). Alla waħdu hu s-Sultan tal-ħolqien kollu. Lill-bniedem għoġbu jsieħbu miegħu f’din is-setgħa biex isaltan fuq il-ħolqien kollu f’ismu. Din hi r-riflessjoni li jagħmel l-awtur tas-Salm 8: il- bniedem hu fuq il-ħlejjaq kollha; “ftit inqas mill-allat”; fuqu għandu biss ’l Alla l-Ħallieq (versi 5-9). Din hi d-dinjità tal-bniedem. F’dan is-sens hu xbieha ta’ Alla. Il-bniedem ried iżjed minn hekk, ried ikun alla bħal Alla. Dan kien id-dnub tal-kburija tiegħu. Għalhekk tilef il-ħbiberija ta’ Alla u waqa’ mill-għoli tad-dinjità tiegħu (Ġen 3,5ss).
aktar