Karmelitan li ta ħajtu għad-difiża tad-dinjità tal-bniedem u tal-ħajja umana

Kitba ta’ Monsinjur Karm Borg
borgdunkarm@gmailcom

Kien għadhom friski f’moħħi ħafna mill-ħsibijiet sbieħ u t-tagħlim profond li għaddielna l-Papa Ljun XIV dwar il-protezzjoni tal-bniedem, fl-enċiklika tiegħu “Magnifica Humantias” meta ,fis-27 ta’ Lulju 2026, iċċelebrajt l-Ewkaristija fil-festa ta’ San Titu Brandsma mal-komunità Karmelitana  f’Ta’ Kerċem. Bl-isfond tat-tagħlim riċenti tal-Papa f’din l-ewwel enċiklika tiegħu,  ma stajtx ma napprezzax x’għamel dan il-Karmelitan qalbieni madwar 90 sena ilu. Dan mhux biss għallem, imma kien saħansitra lest jagħti ħajtu għad-difiża tad-dinjità tal-bniedem u tal-ħajja umana.

Patri Karmelitan u ġurnalista, deskritt bħala raġel “ġentili imma determinat”, sa minn kmieni fis-snin tletin, beda juża l-ġurnali biex jiddenunzja l-ideoloġija Nażista bħala waħda “anti-umana”.

Daħal fl-Ordni Karmelitan fl-1898

Ħjiel bijografiku

Titu Brandsma twieled  Bolsward, l-Olanda, bl-isem ta’ Anno Sjoerd Brandsma, fit-23 ta’ Frar 1881. Kien għadu tfajjel meta ħass is-sejħa għas-saċerdozju, u fl-età ta’ ħdax-il sena, daħal is-Seminarju Minuri taħt it-tmexxija tal-Franġiskani. Dawn xtaquh jissieħeb magħhom, imma hu għażel li jissieħeb mal-Ordni Karmelitan minnħabba d-devozzjoni li huwa kellu lejn Santa Tereża ta’ Avila. Daħal fl-Ordni Karmelitan fl-1898, u ħa l-isem ta’ Titu, f’ġieħ missieru. Kien ordnat saċerdot nhar is-17 ta’ Ġunju 1905, meta kellu 24 sena. Wara, kien mibgħut Ruma fejn kompla japprofondixxi l-istudji tiegħu fil-filosofija u s-soċjoloġija. Kiseb dottorat fil-filosofija. Minn hawn rega’ lura lejn l-Olanda fejn waqqaf skola għat-tixrid tal-fidi Kattolika f’pajjiżu li f’dik il-ħabta 15% tal-popolazzjoni biss kienu Kattoliċi.

Kien edukatur bravu u mgħoni b’ħafna doni. Sar professur, u iktar ’il quddiem inħatar bħala Rettur tal-Universita Kattolika ta’ Nijmegen li tagħha kien wieħed mill-fundaturi. It-tagħlim u l-kitbiet tiegħu kienu jirriflettu rispett profond għal kull bniedem, hu min hu, ġej minn liema klassi tas-soċjetà ġej. Kien jemmen li t-tagħlim ma kienx sempliċement mezz biex wieħed jikber fl-għerf, imma wkoll li jwassal lill-bniedem biex jirrikonoxxi d-dinjità tal-bnedmin l-oħra.

Iwissi kontra l-ħażen tan-Nażismu

Meta l-Ġermanja, fl-1933, ħaddnet l-iedoloġija Nażista, Patri Titu dlonk informa lill-istudenti tiegħu dwar il-gravità tas-sitwazzjoni. Huwa iddeskriva l-ideoloġija Nażista bħala “neo-paganizmu”, saħansitra qabel ma l-Papa Piju XI, f’Marzu 1937, xandar l-enċiklika “Mit brennender Sorge” (“B’tħassib kbir”), li biha ikkundanna n-Nażismu. F’diversi lekċers li ta bejn l-1938 u l-1939  kompla jwissi lill-Olandiżi dwar il-ħażen tan-Nażismu li kien qed juri sinjali ċari ta’ stmerrija lejn l-umanità.

Patri Titu oppona l-imperu Nażista (Reich III) bil-qawwa kollha. Hu kien jemmen li l-midja kellha responsabiltà morali li tiddefendi u tippromwovi l-verità u li tipproteġi l-ħajja umana; u b’mod partikulari lill-persuni vulnerabbli. Huwa ddefenda l-valur ugwali tal-bnedmin kollha bħala wlied Alla, huma ta’ liema razza huma, ta’ liema reliġjon  jew nazzjonalità huma. Ir-reġim Nażista kien qed jippromwovi r-razzismu, il-mibegħda, u t-twemmin li xi razez kienu superjuri għal oħrajn.

Titu Brandsma oppona n-Nażismu, mhux minħabba xi ideoloġija politika, iżda minħabba d-dinjità universali tal-bniedem kif mgħallma minn Ġesù Kristu. Din kienet ir-raġuni għaliex huwa irrifjuta li jikkollabora mal-qawwa oppressiva tal-Ġermanja Nażista.

Mexxej spiritwali u ġellied intellettwali

Meta n-Nażi, fl-1940,  invadew l-Olanda, Patri Titu kellu 59 sena. Hawn, huwa kien immarkat sa minnn kmieni u mixli minn xi Nażisti Olandiżi, bħala għadu kbir tan-Nażismu. Hu, min-naħa tiegħu, wera ruħu bħala mexxej spiritwali u ġellied intellettwali. Xejn ma sata’ jxejjen il-kuraġġ li kellu. Kien jemmen li kull ħajja umana hija sagra. Iddefenda l-ħajja umana bil-qawwa kollha. Huwa uża l-ġurnali Kattoliċi  biex iwissi li min jappoġġja l-ideoloġija Nażista ma setax iktar jitqies bħala Kattoliku.

Ispirati mill-kuraġġ tiegħu, l-Isqfijiet Olandiżi ipprotestaw kontra d-deportazzjoni tal-Lhud. Kien hawn li Hitler iddeċieda li mhux biss jiddeporta lill-Lhud, imma wkoll lill-qassisin Kattoliċi.

Jibda t-triq tal-Kalvarju

Patri Titu Brandsma arrestat

Patri Titu Brandsma kien arrestat nhar id-19 ta’ Jannar 1942. Kien interrogat, u wara mibgħut fil-kamp tal-konċentrament ta’ Dachau. Hawn sofra guħ u torturi, imma madankollu baqa’ dejjem kalm u rispettuż. Sakemm kien għadu f’saħħtu, huwa kien ta’ għajnuna kbira għal sħabu deportati u ma kienx jieqaf ifarraġhom u jħeġġihom biex iżommu sħiħ fil-fidi tagħhom. Kien iħeġġiġhom jaħfru lill-għedewwa tagħhom; saħansitra lil xi wħud mill-gwardjani li kienu jaħqruhom.

Il-prova ta’ Patri Titu ħraxet meta saħħtu bdiet tħallih. Hawn, huwa ttieħed fl-infirmerija tal-kamp ta’ Dachau, fejn il-morda kienu jeħilsu minnhom permezz ta’ injezzjoni letali. Sa dakinhar ma kienx għadu beda jintuża l-gas. Kien hawn li Patri Titu ta eżempju l-iktar kommoventi. Meta, nhar is-26 ta’ Lulju 1942,  n-nurse żagħżugħa  li kienet imqabbda biex toqtlu resqet lejh biex tagħtih l-injezzjoni qattiela, wara li offrielha l-kuruna tar-Rużarju tiegħu, (hawn inħalli lilha tirrakkonta)… “Huwa qabadli jdejja u qalli, povra tfajla li inti, jien nitlob għalik!” U hekk kien, għax kellha l-grazzja li tgħix b’dak il-piż fuq il-kuxjenza tagħha għal dak li għamlet sakemm, fl-aħħar mill-aħħar, hija reġgħet lura għar-reliġjon Kattolika. U tkompli tgħid…“Patri Titu Brandsma, li jien ma kontx nafu, wassalni għall-grazzja tal-konverżjoni”.

Titu Brandsma kien ibbeatifikat mill-Papa Gwanni Pawlu II fit-3 ta’ Novembru 1985, u ġie ikkanonizzat mill-Papa Franġisku fil-15 ta’ Mejju 2022. It-tifkira tiegħu issir fis-27 ta’ Lulju. Huwa patrun tal-ġurnalisti Kattoliċi.

Legat li jibqa’

It-tagħlim u l-eżempju ta’ San Titu Brandsma kien u għadu rilevanti anke għalina llum. Madwar id-dinja, ħafna bnedmin għadhom jiffaċċjaw diskriminazzjoni, vjolenza, faqar, u ksur tad-drittijiet fundamentali tagħhom. San Titu Brandsma jfakkarna li s-silenzju quddiem l-inġustizzja jista’ jħalli l-ħażen jikber. Huwa jgħallimna li l-kuraġġ ma jfissirx nuqqas ta’ biża’, imma huwa r-rieda li tagħmel dak li huwa ġust minkejja l-konsegwenzi. San Titu ma fittixx il-martirju imma, quddiem it-theddida tal-martirju, ma kienx lest li  jikkomprometti l-kuxjenza tiegħu. Il-fidi tiegħu tatu s-saħħa biex jibqa’ fidil għall-Evanġelju anke jekk din swietlu l-libertà, u saħansitra ħajtu.

Bid-difiża tiegħu għall-valur tal-ħajja, San Titu Brandsma ħalla warajh legat għal dejjem. Huwa  jkompli jkun ta’ ispirazzjoni għal ħafna bnedmin f’kull qasam tal-ħajja biex jaħdmu għall-ġustizzja, il-paċi, u r-rispett għad-dinjità ta’ kull persuna umana.