Kitba ta’ Manwel Cutajar
San Ġwann ta’ Avila (1499–1569)
Għalkemm ma kitebx dwar Mirakli Ewkaristiċi fiżiċi (bħal Ostji kkonsagrati li jinbidlu f’laħam uman viżibbli,jew f’tifel, kif ġieli ġara f’Mirakli Ewkaristiċi oħra…kif tkellimna dwarhom f’diversi artikli preċedenti tagħna ), das-saċerdot Spanjol tas-Seklu Sittax u Duttur tal-Knisja spiss kien jesperjenza Estasi Mistiċi profondi waqt li jkun qed jiċċelebra l-Quddiesa. Huwa kien iqis il-liturġija Ewkaristika ta’ kuljum innifisha bħala l-Miraklu Ewkaristiku aħħari u l-qofol spiritwali tal-Fidi Kattolika.
Kiteb b’mod estensiv dwar it-teoloġija tal-Ewkaristija, il-Preżenza reali ta’ Ġesù Kristu fl-Ewkaristija, u l-Miraklu Ewkaristiku li jitwettaq f’kull Quddiesa.
Ħafna mill-kitbiet tiegħu jiddeskrivu kif l-Ewkaristija hija s-sors aħħari tal-għajxien spiritwali u l-għaqda ma’ Alla, li jikkawżaw Dehriet u Estasi Mistiċi.
Filwaqt li huwa magħruf ħafna għad-devozzjoni Ewkaristika profonda tiegħu, l-enfasi tiegħu kienet fuq it-trasformazzjoni interna ta’ min jemmen fl-Ewkaristija Divina aktar milli fuq dehriet fiżiċi esterni.
Fil-ktieb tiegħu Audi, Filia (Isma’, Binti), li kiteb fis-sena 1530 indirizzat lis-soru Doña Sancha Carillo, Ġwanni ta’ Avila jikteb dwar il-perfezzjoni Nisranija u enfasizza bil-qawwa kollha li Ġesù huwa preżenti bis-sħiħ “fil-Ġisem, id-Demm, ir-ruħ u d-Divinità Tiegħu “ fl-Ewkaristija taħt l-ispeċi tal-ħobż u l-inbid.
Riforma Saċerdotali u l-Quddiesa:
Fit-Trattat tiegħu Tratado del Sacerdocio (Trattat dwar is-Saċerdozju) huwa jsostni li l-akbar “miraklu” li jwettaq saċerdot waqt il-Konsagrazzjoni tal-Ewkaristija huwa li jkun qed jaġixxi In Persona Christi: (fil-Persuna ta’ Kristu).
F’dat-Trattat San Ġwanni ta’ Avila jesplora d-dinjità, id-dmirijiet, u l-ħtieġa tal-qdusija fis-Saċerdozju Ministerjali, billi jgħaqqadhom mill-qrib mal-Ewkaristija u ma’ Kristu bħala r-Ragħaj it-Tajjeb. Kiteb dat-Trattat fis-sena 1563 x’aktarx bħala tħejjija għall-konferenzi jew taħditiet li kien qed jagħti lis-saċerdoti dwar il-Ministeru Saċerdotali.
San Ġwann ta’ Avila ppromwova b’mod qawwi l-qima profonda lejn l-Ewkaristija. Saħaq b’qawwa kbira li min jirċievi l-Ewkaristija fi stat ta’ dnub mortali jkun qed iwettaq att sagrilegu profond.
Huwa kiteb b’mod estensiv lill-Konċilju ta’ Trentu, fejn appoġġja l-fehim Kattoliku tradizzjonali tal-Preżenza reali ta’ Kristu fl-Ewkaristija kontra r-riformi Protestanti li bdew iseħħu fi żmienu.
Fuq kollox San Ġwann ta’ Avila kiteb żewġ memoranda importanti ta’ riforma—magħrufa bħala Memoriali jew Trattati dwar ir-Riforma—li nqraw b’leħen għoli fil-Konċilju ta’ Trentu biex jiggwidaw lill-Isqfijiet u Kardinali waqt il-Konċilju fit-tiġdid tas-saċerdozju u tal-Knisja Kattolika.
Rakkomandazzjonijiet Ewlenin fil-Memoranda Tiegħu
Twaqqif ta’ Seminarji: Huwa ħeġġeġ bil-qawwa l-ħolqien ta’ kulleġġi jew seminarji residenzjali ddedikati għall-formazzjoni spiritwali, morali u intellettwali rigoruża tal-kandidati qabel l-Ordinazzjoni Sacerdotali tagħhom, filwaqt li jitbiegħdu mit-taħriġ informali.
Għażla bir-reqqa tal-Kandidati: Huwa rrakkomanda proċess ta’ skrutinju bir-reqqa u selettiv għas-saċerdoti futuri biex tiġi żgurata vokazzjoni ġenwina u qdusija personali.
Residenza tal-Isqfijiet: Huwa appoġġja liġijiet stretti li jinfurzaw ir-residenza tal-isqfijiet fid-djoċesijiet attwali tagħhom sabiex ikunu jistgħu jirgħu u jirriformaw kif suppost il-merħliet lokali tagħhom.
Qdusija tas-Saċerdot: Huwa enfasizza li l-kwalità primarja ta’ saċerdot trid tkun il-qdusija u l-konformità ma’ Kristu bħala r-Ragħaj it-Tajjeb, filwaqt li jorbot is-saċerdozju mill-qrib mal-Ewkaristija u t-talb.
San Ġwann ta’ Avila kien ġie ddikjarat Duttur tal-Knisja fis-7 ta’ Ottubru 2012 miIl-Papa Benedittu XV1.
San Roberto Bellarmino (1542-1621):
Teologu Ġiżwita brillanti, u serva bħala professur tat-teoloġija u rettur fil-Kulleġġ Ruman. Aktar tard sar l-Arċisqof ta’ Capua. Kien mexxej tal-Kontro-Riforma, li kienet il-moviment ta’ tiġdid u reazzjoni tal-Knisja Kattolika kontra ir-Riforma Protestanta matul is-sekli 16 u 17.
Involviment fi Proċessi Storiċi:
L-Affari ta’ Galileo Galilei u Giordano Bruno: Bħala konsulent u teologu ewlieni għall-Uffiċċju Mqaddes (l-Inkwiżizzjoni), Bellarmino kellu rwol ċentrali u storiku fit-twassil tat-twissija uffiċjali tal-Knisja lil Galileo Galilei rigward it-teorija eljoċentrika Kopernikana, fejn tah parir biex jittrattaha strettament bħala ipoteżi matematika.
Bellarmino hu Duttur tal-Knisja, li wettaq waħda mid-difiżi l-aktar qawwija tal-Fidi Kattolika fl-istorja. Ix-xogħol monumentali tiegħu Disputationes de Controversiis Christianae Fidei ippubblikati fi tliet volumi bejn is-snin 1586 u 1593 serva bħala difiża ċara u influwenti tad-duttrina Kattolika kontra t-tagħlim Protestant. Speċifikament fir-raba’ volum De Eucharistia huwa ddefenda sistematikament l-Preżenza reali ta’ Kristu fl-Ewkaristija u n-natura sagrifiċjali tal-Quddiesa kontra Riformaturi Protestanti ewlenin fosthom Huldrych Zwingli, John Calvin u Martin Luther.
Bellarmino wettaq id-difiża tal-Ewkaristija, inklużi s-“sinjali u l-dehriet” tal-Mirakli Ewkaristiċi, permezz ta’ qafas bibliku, teoloġiku u pastorali.
1.Il-Mod Bibliku: It-Twettiq Litterali tal-Kelma ta’ Alla
L-istrateġija biblika ta’ Bellarmino kienet ibbażata fuq eżeġeżi storika-lingwistika, billi ltaqa’ mar-Riformaturi fit-territorju tagħhom stess, l-Iskrittura Sagra, mingħajr ma bbaża ruħu fuq terminoloġija skolastika li l-Protestanti kienu jiċħdu.
Iċ-Ċarezza tal-Kliem ta’ Kristu: Bellarmino ffoka b’mod intens fuq il-Kliem ta’ Kristu waqt it-Twaqqif tal-Ewkaristija:“Ħudu u kulu;Dan hu Ġismi” (Mattew 26:26). Huwa argumenta li kieku Kristu kellu l-ħsieb li l-ħobż ikun sempliċement simbolu, kien ikun qed juża lingwaġġ simboliku b’mod espliċitu. Fit-trattat tiegħu dwar l-Ewkaristija San Roberto Bellarmino argumenta kontra r-riformaturi Protestanti li interpretaw il-kliem ta’ Kristu fl-Aħħar Ċena (“Dan huwa Ġismi”) bħala sempliċi metafora.
L-Analoġija tal-Wegħda Rjali: hija tqabbila teoloġika ta’ Bellarmino minn De Controversiis użata biex tiddefendi l-Preżenza reali litterali ta’ Kristu fl-Ewkaristija kontra interpretazzjonijiet simboliċi. Billi qabbel wegħda falza ta’ mitt munita tad-deheb tal-prinċep ma’ sempliċi stampa miżbugħa, Bellarmino argumenta li t-trattament tal-kliem ta’ Kristu fl-Ewkaristija bħala purament metaforiku idgħajjef il-verità Divina ta’ Kristu..
Tipoloġija tat-Testment il-Qadim: Bellarmino analizza bir-reqqa t-tliet mudelli, tipi, primarji tat-Testment il-Qadim (l-prefigurazzjonijiet) li jikkorrispondu mas-Sagrament tal-Ewkaristija: il-ħobż u l-inbid ta’ Melkisedek; il-Ħaruf tal-Għid; u l-Manna fid-deżert. L-argument primarju ta’ Bellarmino jiddependi fuq regola fundamentali tat-tipoloġija biblika:ir-realtà (l-antitip – l-Ewkaristija) trid dejjem tisboq id-dell jew is-simbolu tagħha (it-tipi bibliċi tat-Testment il-Qadim). Billi jeżamina dawn it-tliet mudelli, tipi, tat-Testment il-Qadim tal-Ewkaristija, Bellarmino juri li kieku l-Ewkaristija kienet sempliċement figura simbolika tal-ħobż u l-inbid, kif argumentaw ir-Riformaturi, it-tipi tat-Testment il-Qadim fil-fatt ikunu superjuri jew ugwali għar-realtà tat-Testment il-Ġdid, li tmur kontra l-ordni Divina tal-Iskrittura Mqaddsa.
- It-Triq Teoloġika: Il-Verifika tal-Mirakli Ewkaristiċi
Id-Difiża Teoloġika tal-Preżenza reali Fix-xogħol monumentali tiegħu, Bellarmino sistematikament jirribatti l-interpretazzjonijiet simboliċi tal-Ewkaristija mressqa mir-riformaturi Protestanti.
Ir-Realtà tal-Kliem ta’ Kristu: Bellarmino argumenta li t-trattament tad-dikjarazzjoni ta’ Kristu (“Dan huwa Ġismi”) bħala sempliċi figura retorika kien ifisser li l-wegħdiet ta’ Kristu kienu qed jiġu mwaqqa’ għaċ-ċajt.
Mirakli bħala “Provi tal-Fatt”: Biex isaħħaħ l-argumenti skritturali tiegħu, Bellarmino spiss irrefera għal Mirakli Ewkaristiċi dokumentati mill-istorja. Huwa kkategorizza dawn l-Mirakli mhux bħala maġija, iżda bħala manifestazzjonijiet viżibbli kkawżati minn Alla biex jneħħu d-dubju tal-bniedem u jivvalidaw il-verità oġġettiva tat-Transubstanzjazzjoni
3. L-Approċċ Pastorali: Trawwim tal-Fidi u d-Devozzjoni
Bellarmino kien profondament imħasseb dwar il-ħajja spiritwali tal-fidili Nsara billi kiteb kiteb żewġ katekiżmi fl-1597 u l-1598 li saru għodod standard għat-tagħlim u ġew tradotti f’ħafna lingwi. Kienu katekiżmi simplifikati biex jiggwida l-erwieħ. Pastoralment, huwa weża l-Mirakli Ewkaristiċi biex isaħħaħ lid-dgħajfa u jinkoraġġixxi devozzjoni aktar profonda u awtentika.
Serħan il-Moħħ f’Nofs il-Konfużjoni: Il-Kontro-Riforma kienet żmien ta’ ansjetà spiritwali immensa, bil-Protestanti jgħidu lill-Kattoliċi li kienu qed jipprattikaw l-idolatrija billi jaduraw il-ħobż. Bellarmino enfasizza l-Mirakli Ewkaristiċi biex jagħti serħan il-moħħ pastorali lill-Kattoliċi ta’ kuljum li d-devozzjoni tagħhom kienet togħġob lil Alla.
Korrezzjoni tad-Devozzjoni Żbaljata: Huwa bbilanċja l-istagħġib tal-Mirakli Ewkaristiċi mal-pjetà prattika. Bellarmino innota li l-Ewkaristija ma ġietx imwaqqfa sempliċement biex tħares lejha jew tagħmel purċissjonijiet biha, iżda biex tiġi kkunsmata.Huwa għallem li filwaqt li l-Mirakli Ewkaristiċi jippruvaw li Kristu qiegħed hemm, l-għan aħħari tas-Sagrament huwa n-nutriment spiritwali, il-grazzja, u l-Għaqda ma’ Kristu.
Sistematizzazzjoni tal-Edukazzjoni Ewkaristika
Fil-kitbiet u l-katekiżmi tiegħu, Bellarmino kkwota rakkonti storiċi fejn il-ħobż u l-inbid inbidlu viżibbilment biex juri li t-trasformazzjoni spiritwali sseħħ f’kull Quddiesa
Permezz tal-kotba tiegħu tradotti ħafna, Dottrina Cristiana breve u Dichiarazione più copiosa della dottrina cristiana, huwa għallem lill-Kattoliċi lajċi u lit-tfal biex japprezzaw ir-realtà Sopranaturali tal-Ewkaristija, u b’hekk saħħaħ id-Devozzjoni Ewkaristika għal ġenerazzjonijiet sħaħ.
Mudell ta’ Awsterità Personali:
Minkejja li kellu poter immens bħala Kardinal u konsulent ta’ diversi Papiet, huwa għex stil ta’ ħajja sempliċi u axxetika u kien magħruf li ta kważi l-fondi u l-affarijiet personali tiegħu kollha biex jieħu ħsieb il-foqra.
San Roberto Bellarmino ġie kanonizzat bħala qaddis fl-1930 u ddikjarat Duttur tal-Knisja fl-1931 mill-Papa Piju XI. Huwa rikonoxxut bħala qaddis patrun tal-katekisti u l-katekumeni.