4. L-analiżi tal-ewwel dnub fl-istorja tal-umanità

Print Friendly, PDF & Email

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar id-dnub. Udjenza Ġenerali –  17/09/1986.

1. Nistgħu niġbru fil-qosor il-kontenut tal-katekeżi preċedenti b’dan il-kliem tal-Konċilju Vatikan II: “Magħmul minn Alla fi stat ta’ qdusija, l-bniedem però, ittentat mill-Malizzjuż, sa mill-bidu tal-istorja abbuża mil-libertà tiegħu,  billi qam kontra Alla u billi xxennaq ħalli jikseb l-iskop tiegħu ‘il barra minn Alla” (Gaudium et Spes, 13).

U hekk imnaqqsa, għall-essenzjali, l-analiżi tal-ewwel dnub fl-istorja tal-umanità, li għamilna skont il-Ktieb tal-Ġenesi (Gen 3). Dan hu d-dnub tal-proġenituri. Imma miegħu tingħaqad kundizzjoni ta’ dnub li testendi ruħha għall-umanità kollha kemm hi u li tissejjaħ dnub oriġinali.

Xi tfisser din id-denominazzjoni? Biex ngħidu s-sewwa t-terminu ma jidher linqas darba fl-Iskrittura Mqaddsa. Il-Bibbja iżda, fuq l-isfond tar-rakkont ta’ Ġen 3 tiddeskrivi fil-kapitoli segwenti, u wkoll f’kotba oħra, “invażjoni” awtentika tad-dnub, li tgħarraq id-dinja, minħabba d-dnub ta’ Adam,  waqt li tinfetta bi speċi ta’ infezzjoni universali lill-umanità kollha kemm hi.

2. Diġa f’Ġen 4 naqraw dak li seħħ bejn l-ewwel żewġt itfal ta’ Adam u Eva: il-fratiċidju mwettaq minn Kajjin fuq Abel, ħuh iżgħar minnu. (cf. Ġen 4, 3-15) U diġa fil-kapitolu sitta jitkellem dwar il-korruzzjoni universali minħabba d-dnub: “Il-Mulej ra li l-ħżunja tal-bnedmin kienet kbira fuq l-art u li kull pjan ikkonċeput minn qalbhom kien għoli fil-ħażen” (Ġen 6, 5). U iktar ‘il quddiem: “Alla ħares lejn l-art u din kienet korrotta, għaliex kull bniedem kien ħażżen l-kondotta tiegħu fid-dinja” (Ġen 6, 12). Il-Ktieb tal-Ġenesi ma jasibhiex biex jgħid f’dan il-kuntest: “U l-Mulej iddispjaċih li kien għamel il-bniedem fid-dinja u tnikket f’qalbu” (Ġen 6, 6). Dejjem skont dan il-Ktieb il-konsegwenza ta’ dik il-korruzzjoni universali minħabba d-dnub kienet id-dilluvju fiż-żminijiet ta’ Noe (Ġen 7-9).

Fil-Ġenesi (Ġen 11.1-9) jissemmà wkoll il-bini tat-torri ta’ Babel, li sar – kontra l-intenzjonijiet tal-bennejja – okkażjoni ta’  tixrid tal-bnedmin u ta’ konfużjoni tal-lingwi. Dan ifisser li ebda sinjal estern, u b’mod analogu l-ebda konvenzjoni purament terrena, mhi biżżejjed biex twassal għall-għaqda fost il-bnedmin, jekk tonqos il-bażi f’Alla. Minħabba dan hemm bżonn li nosservaw li, fil-kors tal-istorja, id-dnub jimmanifesta ruħu mhux biss bħala azzjoni b’mod ċar indirizzatha “kontra” Alla; kultant huwa wkoll aġir “mingħajr Alla”, bħallikieku Alla ma jeżistix; hija pretensjoni  li ninjorawh, li ngħaddu mingħajru, biex minflok neżaltaw il-poter tal-bniedem, dwar liema nissopponu li hu ‘l hemm minn kull limitu. F’dan is-sens it-“torri ta’ Babel” jistà jkun twissija wkoll għall-bnedmin ta’ żminijietna. Ukoll minħabba f’hekk fakkartha fl-eżortazzjoni apostolika Reconciliatio et Paenitentia (Reconciliatio et Paenitentia, 13 – 15).

3. Ix-xhieda fuq il-pekkaminożità ġenerali tal-bnedmin, ħaġa ċara diġa fil-Ġenesi, titfaċċa b’diversi modi f’testi oħra tal-Bibbja. Hu x’inhu din il-kondizzjoni universali tad-dnub titqies. San Pawl, fl-Ittra lir-Rumani, jitkellem b’elokwenza partikolari dwar din it-tema: “ “Minħabba li ddisprezzaw l-għarfien ta’ Alla, Alla telaqhom f’idejn intelliġenza vizzjuża, hekk ikkommettew dak li mhux xieraq, mimlijin bħal ma huma b’kull xorta ta’ nġustizzja, ta’ ħżunija, ta’ regħba, ta’ malizzja; kalunjaturi,  qasqasa, għedewwa ta’ Alla, insolenti, suppervi, fanfaruni,  inġenjużi fil-ħażen, ribelli għall-ġenituri,  stupidi, qarrieqa, bla qalb, bla ħniena . . .  għaliex huma bidlu l-verità ta’ Alla mal-gidba u qiemu u aduraw lill-krejatura minflok il-Ħallieq, li huwa mbierek fis-sekli. Amen. Minħabba f’hekk Alla telaqhom għal passjonijiet infami; in-nisa tagħhom bidlu r-rapporti naturali ma rapport kontra n-natura. Ugwalment ukoll l-irġiel  waqt li ħallew ir-rapporti naturali mal-mara, inxtegħlu bil-passjoni għal xulxin, billi kkommettew atti  ta’ għajb irġiel ma’ rġiel, waqt li hekk irċivew fihom infushom il-kastig li jixraq lill-korruzzjoni tagħhom . . . U, minkejja li kienu jafu l-ħaqq ta’ Alla, li jiġifieri l-awturi ta’ tali ħwejjeġ ħaqqhom il-mewt, mhux talli jkomplu jagħmluhom imma, ukoll jappruvaw lil min jagħmilhom” (Rm 1, 28-31. 25-28. 32).

Wieħed jistà jgħid li din hija deskrizzjoni konċiża tas-“sitwazzjoni tad-dnub” fiż-żminijiet li fihom twieldet il-Knisja, fiż-żminijiet li fihom San Pawl kiteb u ħadem flimkien mal-appostli l-oħra. Bla ebda dubju ma naqasx li jkun hem valuri apprezzabbli f’dik id-dinja, imma dawn kienu bil-kbir kontaminati mill-infiltrazzjonijiet numerużi tad-dnub. Il-kristjaneżmu ffaċċja dik is-sitwazzjoni b’kuraġġ u sodizza, waqt li rnexxielu jikseb mis-segwaċi tiegħu bidla radikali ta’ drawwiet, frott tal-konversjoni tal-qalb, li wara tat  marka karatteristika lill-kulturi u ċ-ċivilitajiet li ffurmaw u żviluppaw taħt l-influss tagħha.  Fi strati soċjali wiesgħa tal-popolazzjoni, speċjalment f’ċerti nazzjonijiet, għadhom igawdu l-wirt sal-ġurnata tallum.

4. Imma fiż-żminijiet li qegħdin ngħixu fihom  huwa ndikattiv li deskrizzjoni simili għal dik ta’ San Pawl fl-Ittra lir-Rumani tinsab fil-kostituzzjoni Gaudium et Spes (Gaudium et Spes, 27) tal-Konċilju Vatikan II: “. . . dak kollu li hu kontra l-ħajja nfisha, bħal kull speċi ta’ omiċidju, il-ġenoċidju, l-abort, l-ewtenasja u l-istess suwiċidju volontarju; dak kollu li  jikser l-integrità tal-persuna umana, bħall-mutilazzjoni, it-torturi fuq il-ġisem u l-moħħ, l-isforzi  kontra l-pudur intimu tal-ispirtu; dak kollu li joffendi d-dinjità umana, bħall-kundizzjonijiet diżumani tal-ħajja, id-detenzjonijiet arbitrarji, l-eżilju, l-iskjavitù, il-prostituzzjoni, is-suq tan-nisa u taż-żgħażagħ, u iktar il-kondizzjonijiet tal-mistħija tax-xogħol, li bihom il-ħaddiema huma ttrattati bħala strumenti sempliċ ta’ qligħ, u mhux bħala persuni liberi u responsabbli; dawn il-ħwejjeġ kollha u oħrajn bħalhom, huma bla ebda dubju tal-mistħija, u waqt li  jfarrku ċ-ċiviltà umana,  jikkontaminaw ferm iktar lil dawk li jaġixxu b’dan il-mod, milli lil dawk li jġarrbu  l-insult, u   joffendu bil-kbir l-unur tal-Ħallieq”.

Dan mhux il-waqt li nagħmlu analiżi storika jew kalkolu statistiku biex nistabilixxu kemm dan it-test konċiljari – fost tant denunzji tar-rgħajja tal-Knisja, imma wkoll ta’ studjużi u għalliema kattoliċi u mhux kattoliċi – jirrapreżenta deskrizzjoni tas-“sitwazzjoni tad-dnub” fid-dinja tallum. Huwa ċert, però, li barra d-dimensjoni kwantitattiva tiegħu, il-preżenza ta’ dawn il-fatti hija waħda ta’ konferma ta’ niket u tremenda ta’ din l-“infezzjoni” tan-natura umana, li tirriżultalna mill-Bibbja u hija mgħallma mill-maġisteru tal-Knisja, kif se naraw fil-katekeżi li jmiss.

5. Hawn nagħmlu, għalissa, żewġ osservazzjonijiet. L-ewwel hija li r-rivelazzjoni divina u l-maġisteru tal-Knisja, li hija l-interpretu awtentiku, jitkellmu b’mod li ma jitbiddilx u sistematiku dwar il-preżenza u dwar l-universalità tad-dnub fl-istorja tal-bniedem. It-tieni hija li din is-sitwazzjoni tad-dnub, li tirrepeti ruħha minn generazzjoni għal ġenerazzjoni, hija perċettibbli “minn barra” fl-istorja minħabba l-fenomeni gravi ta’ patoloġija etika osservabbli fil-ħajja personali u soċjali; imma forsi ssir ukoll rikonoxxibbli u mpresjonanti kemm-il darba ddur lejn “l-intern” tal-bniedem.

Difatti l-istess document tal-Konċilju Vatikan II jgħid f’post ieħor: “Dak li jiġi muri lilna mir-rivelazzjoni divina, jaqbel mal-istess esperjenza. Infatti jekk il-bniedem iħares ġewwa qalbu jiskopri li huwa wkoll inklinat għall-ħażen u mgħarraq f’tant miżerji, li żgur li ma jistgħux jiġu mill-Ħallieq li huwa tajjeb. Spiss waqt li jirrifjuta li jagħraf lil Alla bħala l-bidu tiegħu, il-bniedem kiser l-ordni propja applikabbli għall-fini aħħari tiegħu, u fl-istess ħin l-orjentament kollu tiegħu kemm lejh innifsu, kif ukoll lejn il-bnedmin l-oħra u lejn il-ħwejjag maħluqin kollha” (Gaudium et Spes, 13). a

6. Din id-dikjarazzjoni tal-maġisteru tal-Knisja ta’ jiemna jiġbru fihom mhux biss id-dati tal-esperjenza storika u spiritwali, imma wkoll u speċjalment rifless fidil tat-tagħlim li jirrepeti ruħu f’bosta kotba tal-Bibbja, nibdew minn dik id-deskrizzjoni ta’ Ġen 3, 1 li preċedentement issottomettejna għall-analiżi, bħala xhieda tal-ewwel dnub tal-istorja tal-bniedem fuq l-art. Hawn se nfakkru biss il-mistoqsijiet sofferenti ta’ Ġobb: “Jistà jkun l-esseri mortali ġust quddiem Alla jew il-bniedem innoċenti quddiem il-Ħallieq tiegħu?” (Ġb 4, 17). “Min jistà joħroġ il-pur mill-maħmuġ?” (Gb 14, 4). “X’inhu l-bniedem biex iqis lilu nnifsu pur, biex jgħid li hu ġust mwieled minn mara?” (Ġb 15, 14). U d-domanda analoga l-oħra tal-Ktieb tal-Proverbji: “Min jistà jgħid: «Ippurifikajt il-qalb, jiena mnaddaf minn dnubi?»” (Pr 20, 9).

Fis-Salmi tirbombja l-istess għajta: “La ssejjaħx (o Alla) għall-ħaqq lill-qaddej tiegħek: ebda ħaj quddiemek mhu ġust” (Sal 142, 2). “Huma korrotti l-ħżiena sa minn ġuf ommhom, jitħassru sa mill-ġuf l-operaturi tal-gideb” (Sal 57, 4). “Hekk hu, fil-ħtija kont iġġenerat, fid-dnub nisslitni ommi” (Sal 50, 7). Dawn it-testi kollha jindikaw kontinwità ta’ sentiment u ta’ ħsieb fit-Testment il-Qadim u, xejn inqas,  ipoġġu l-problema  iebsa tal-oriġini tal-kondizzjoni universali tad-dnub.

7. L-Iskrittura Mqaddsa timbuttana biex infittxu l-għeruq tad-dnub fl-intimu tal-bniedem, fil-kuxjenza tiegħu, f’qalbu. Imma fl-istess ħin tippreżenta d-dnub bħala ħażen ereditarju. Dan il-ħsieb donnu espress fis-Salm 50, skont liema l-bniedem “ikkonċeput” fid-dnub jokrob lil Alla: “Oħloq fija, o Alla, qalb safja”. Kemm l-universalità tad-dnub kif ukoll il-karattru ereditarju tiegħu, minħabba liema f’ċertu sens huwa “konġenitu” man-natura umana, huma stqarrijiet li jtennu lilhom infushom spiss fil-Ktieb sagru. Hekk ukoll fis-Salm 13: “Ilkoll ittradejna, aħna lkoll korrotti; ħadd iktar ma jagħmel it-tajjeb, linqas wieħed”.

8. F’dan il-kuntest bibbliku jistgħu jinftiehmu l-kliem ta’ Ġesù dwar l-“għebusija tal-qlub” (cf. Mt 19, 8). San Pawl jimmaġina din l-“għebusija tal-qalb” prinċipalment bħala debolizza morali, anzi, bħala speċi ta’ inkapaċità li tagħmel it-tajjeb. Hawn hu kliemu: “ . . . jien tal-laħam, mibjugħ bħala skjav tad-dnub. Jien ma jirnexxilix nifhem linqas dak li nagħmel: infatti mhux dak li rrid nagħmel, imma dak li nobgħod”. Hemm fija x-xewqa tat-tajjeb, imma mhux il-ħila li nattwaha . . . ” (Rm 7, 18). “Meta rrid nagħmel it-tajjeb, il-ħażin jinsab ma ġembi” (Rm 7, 14-15. 21). Kliem marbut ma analoġija nteressanti, bħal ma ħafna drabi kien innutat, f’dawk l-oħra tal-poeta pagan: “Video meliora proboque, deteriora sequor” (Ovidio, Metamorph 7, 20). Fiż-żewġ każi (imma wkoll f’tant oħrajn tal-ispiritwalità u tal-letteratura universali)  wieħed jagħraf il-ħruġ ta’ wieħed mill-aspetti l-iktar skonċertanti tal-esperjenza umana, dwar liema r-rivelazzjoni  biss tad-dnub oriġinali titfa ftit tad-dawl.

9. It-tagħlim tal-Knisja ta’ żminjietna, espress b’mod partikolari fil-Konċilju Vatikan II, jirrifletti puntwalment din il-verità rivelata meta jitkellem dwar id-“dinja . . . maħluqa u kkonservata fl-eżistenza mill-imħabba tal-Ħallieq . . . imqiegħda taħt l-iskjavitù tad-dnub” (Gaudium et Spes, 2). Naqraw fl-istess kostituzzjoni pastorali: “L-istorja umana kollha kemm hi hija nfatti mxerrda minn ġlieda tremenda kontra l-qawwiet tad-dlamijiet, ġlieda mibdija sa mill-oriġini tad-dinja, li se ddum kif jgħid il-Mulej, sal-aħħar jum. Imdeffes f’din il-battalja l-bniedem irid jikkumbatti bla mistrieħ biex ikun jistà jżomm magħqud mat-tajjeb, ma jkunx jistà  jiikseb l-għaqda tiegħu nterna jekk mhux bi prezz ta’ tbatijiet kbar, bil-għajnuna tal-grazzja ta’ Alla” (Gaudium et Spes, 37).

Miġjub għallMalti mit-Taljan minn Emanuel Zarb

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading