Il-Papa f’Santa Marta: Imbierka mistħija!

Print Friendly, PDF & Email

It-Tnejn, 29 ta’ April 2013: Il-konfessjonarju la huwa ħanut taż-żebgħa tal-ħwejjeġ li jneħħi t-tbajjiet tad-dnub, lanqas seduta ta’ tortura fejn jiffrustaw lil dak li jkun. Infatti l-konfessjonarju huwa laqgħa ma’ Ġesù u mmissu b’idejna l-ħlewwa tiegħu. Imma hemm bżonn nersqu għas-sagrament mingħajr ċajt jew nofs veritajiet, b’manswetudni u bil-ferħ, fiduċjużi u armati b’dik l-imbierka mistħija, il-virtù tal-umli li ġġegħilna nħossu ruħna midinbin. Huwa għar-rikonċiljazzjoni li l-Papa Franġisku  ddedika l-omelija tal-quddiesa ċċelebrata nhar it-Tnejn filgħodu, 29 ta’ April 2013, fil-kappella tad-Domus Sanctæ Marthæ.

Il-Papa fetaħ l-omelija b’riflessjoni fuq l-ewwel qari minn San Ġwann(1, 5-2, 2), li fih l-Appostlu jkellem lill-ewwel Insara u dan jagħmlu b’sempliċità: ‘Alla huwa dawl u fih m’hemmx dlamijiet.’ Imma, ‘jekk ngħidu li aħna f’għaqda miegħu’ – ħbieb tal-Mulej – ‘u nimxu fid-dlamijiet, aħna giddieba u ma nkunux qegħdin nipprattikaw il-verità.’ U lil Alla hemm bżonn li nadurawh fl-ispirtu u fil-verità.

Xi jfisser nimxu fid-dlamijiet? Għaliex ilkoll kemm aħna tul ħajjitna jkollna xi oskuritajiet, ukoll mumenti fejn kollox, ukoll fil-kuxjenza tagħna, ikun dlam. Le?, staqsa l-Papa. Tmur fid-dlam ifisser tkun sodisfatt dwarek innifsek; tkun konvint li m’għandekx bżonn ta’ fidwa. Dawk huma d-dlamijiet! Il-Qdusija Tiegħu kompla li meta wieħed javvanza fuq din it-triq tad-dlamijiet, mhux faċli li jdur lura. Għalhekk Ġwanni jkompli – forsi dan il-mod ta’ ħsieb ġiegħlu jirrifletti – li jekk ngħidu li aħna bla dnub, inqarrqu bina nfusna u l-verità mhix fina. 

Noqogħdu attenti għal dnubietna.  Aħna lkoll midinbin, ilkoll. Dan huwa l-punt tat-tluq.  Imma jekk inqerru dnubietna, spjega l-Papa, Hu huwa fidil, huwa ġust, tant li jaħfrilna d-dnubiet u jippurifikana minn kull inikwità. U jippreżentana, veru? Dak is-Sinjur tant tajjeb, tant fidil, tant ġust, li jaħfrilna. Meta l-Mulej jaħfrilna jagħmel ġustizzja. Jagħmel ġustizzja l-ewwel lilu nnifsu, għaliex Hu ġie biex isalva.  U meta jaħfrilna, jagħmel ġustizzja lilu nnifsu: ‘Jien salvatur tiegħek,’ u jilqagħna. Dan jagħmlu fl-ispirtu tas-Salm 102: ‘Kemm hu ħelu missier ma’ wliedu, hekk il-Mulej huwa ħelu ma’ dawk li jibżgħu minnu, lejn dawk li jmorru għandu.’ Il-ħlewwa tal-Mulej. Jifhimna dejjem, imma wkoll ma jħalliniex nitkellmu: Hu jaf kollox. ‘Ibqa’ kalm, mur fis-sliem,’ dak is-sliem li Huwa biss jagħti.

Dan hu dak li jseħħ fis-sagrament tar-rikonċiljazzjoni. Bosta drabi, qal il-Qdusija Tiegħu, naħsbu li li mmorru nqerru huwa bħal meta mmorru f’ħanut taż-żebgħa tal-ħwejjeġ. Imma Ġesù fil-konfessjonarju mhux ħanut taż-żebgħa tal-ħwejjeġ. Il-qrar huwa laqgħa ma’ Ġesù li jistenniena kif aħna. ‘Imma, Mulej, isma’, jien magħmul hekk.’ Nistgħu ngħidu l-verità: ‘Għamilt dan, ħsibt dan.’ Imma l-mistħija hija vera virtù nisranija kif ukoll umana. Il-kapaċità li nistħu: ma nafx jekk bit-Taljan tgħidux hekk, imma f’artna lil dawk li ma jistgħux jistħu ngħidulhom sinvergüenza. Dan huwa wieħed ‘mingħajr mistħija’ għaliex m’għandux il-kapaċità li jistħi. U li tistħi hija l-virtù tal-umli.

Il-Papa Franġisku mbagħad reġa’ qabad il-pass tal-ittra ta’ San Ġwann. Huwa qal li dan huwa li jistieden għal iktar fiduċja: il-Paraklitu jinsab maġenbna u jsostnina quddiem il-Missier. Huwa jsostni lid-dgħajfa, ħajjitna, dnubna. Jaħfrilna. Huwa hu l-proprja difensur tagħna, għaliex isostnina. Issa, kif għandna mmorru għand il-Mulej? Hekk, bil-verità tagħna ta’ midinbin; bil-fiduċja, ukoll bil-ferħ, mingħajr ma nirtukkaw lilna nfusna. Qatt ma għandna nirtukkaw lilna nfusna quddiem Alla! Bil-verità. Bil-mistħija. Imbierka mistħija! Din hija virtù.

Ġesù jistenna lil kull wieħed minna, reġa’ tenna l-Papa Franġisku waqt li kkwota l-Evanġelju ta’ San Mattew(11, 25-30): ‘Ejjew għandi intom ilkoll li intom għajjenin u inkwetati’ – ukoll bid-dnub – ‘u jien inserraħkom. Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi u tgħallmu minni, li jien manswet u umli fil-qalb.’ Din hija l-virtù li Ġesù jitlob minna: l-umiltà u l-manswetudni.

Il-Qdusija Tiegħu kompla jgħid li l-umiltà u l-manswetudni huma bħal gwarniċ tal-ħajja nisranija. Nisrani dejjem hekk għandu jmur, bl-umiltà u l-manswetudni. U Ġesù jistenniena biex jaħfrilna. Nistgħu nagħmlulu mistoqsija. Meta tmur tqerr ma jfissirx li se tmur għal seduta ta’ tortura. Le! Ifisser li tmur tfaħħar lil Alla, għaliex jien midneb kont mifdi minnu. U Hu jistennieni biex itini xebgħa bastun? Le. Jistennieni bil-ħlewwa biex jaħfirli. U jekk għada nerġa’ nagħmel l-istess? Erġa’ mur għal darb’oħra, u erġa’ mur u erġa’ mur u erġa’ mur. Hu dejjem jistenniena. Din il-ħlewwa tal-Mulej, din l-umiltà, din il-manswetudni.

Fl-aħħar il-Papa stieden biex ikollna fiduċja fil-kliem tal-Appostlu Ġwanni: ‘Jekk xi ħadd dineb, għandna Paraklitu maġenb il-Missier.’ U temm jgħid li dan jagħtina nifs. Sabiħ, hux? U jekk nistħu? Imbierka mistħija, għaliex dik hija virtù. Il-Mulej jagħtina din il-grazzja, dan il-kuraġġ li mmorru dejjem għandu bil-verità – għaliex il-verità hija dawl – u mhux bid-dlamijiet tan-nofs verità jew tal-gideb quddiem Alla.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb


%d bloggers like this: