Il-Papa f’Santa Marta: ’Il bogħod mill-mondanità

Print Friendly, PDF & Email

It-Tlieta, 30 ta’ April 2013: Il-paċi, dik vera, ma tinxtarax. Hija rigal ta’ Alla, rigal li Huwa jagħti lill-Knisja tiegħu. Biex jiksbuha l-Insara hemm bżonn li jkomplu jafdaw il-Knisja lil Alla, billi jitolbuh jieħu ħsiebha u jiddefendiha mill-attakki tal-ispirti ħżiena, li lill-bniedem joffrulu paċi differenti, paċi tad-dinja, mhux il-vera paċi. Huwa dan is-sens tar-riflessjoni proposta mill-Papa Franġisku fl-għodwa tat-Tlieta, 30 ta’ April 2013, waqt il-quddiesa ċċelebrata fil-kappella tad-Domus Sanctæ Marthæ li fiha ħadu sehem, fost l-oħrajn, grupp ta’ kollaboraturi tal-Amministrazzjoni tal-Patrimonju tas-Sede Appostolika, akkumpanjati mill-Kardinal Domenico Calcagno li kkonċelebra mal-Papa.

Il-pern tar-riflessjoni tal-Papa kien il-kelma ‘fiduċja’, li tidher darbtejn fl-ewwel qari, meħud mill-Atti tal-Appostli (14, 19-28): l-ewwel darba meta, ġo Perġe, l-Appostli jafdaw lill-anzjani lill-Mulej; it-tieni, meta jerġgħu lura Antijokja, ‘hemm fejn kienu fdati lill-grazzja tal-Mulej’. Il-Papa qal li dan ifisser il-fiduċja tal-Knisja fil-Mulej. Tista’ tgħasses lill-Knisja, tista’ tieħu ħsieb il-Knisja, le? Dan hemm bżonn li nagħmluh b’xogħolna. Imma l-iktar importanti huwa dak li jagħmel il-Mulej: huwa l-uniku wieħed li jista’ jħares f’wiċċ l-ispirtu ħażin u jirbħu. ‘Jiġi l-prinċep tad-dinja, kontra tiegħi ma jista’ jagħmel xejn.’ Jekk irridu li l-prinċep ta’ din id-dinja ma jaħtafx il-Knisja taħt idejh, hemm bżonn li nafdawha lill-uniku li jista’ jegħleb lill-prinċep ta’ din id-dinja.

Imma aħna nitolbu għall-Knisja?, kienet id-domanda tal-Papa. Nitolbu għall-Knisja kollha? Nitolbu għal ħutna li ma nafux, kull fejn huma fid-dinja? Din hija l-Knisja tal-Mulej, imxerrda ma’ kullimkien fid-dinja; u meta fit-talb tagħna ngħidu lill-Mulej: ‘Mulej, ħares il-Knisja tiegħek,’ ikollna f’moħħna din il-Knisja, il-Knisja tal-Mulej, il-Knisja li tgħaqqad lil ħutna. Din hija t-talba li jmissna nagħmlu bil-qalb, tenna l-Papa, u kull ma jmur dan għandna nżiduh. Għalina huwa faċli li nitolbu biex naqilgħu xi grazzja mingħand il-Mulej, meta jkollna bżonn xi ħaġa; u mhux diffiċli nitolbu biex niżżu ħajr lill-Mulej: ‘Grazzi għal…’ Imma li nitolbu għall-Knisja, għal dawk li ma nafuhomx, imma li huma ħutna rġiel u nisa, għaliex irċevew l-istess Magħmudija, u ngħidu lill-Mulej, ‘Huma tiegħek, huma tagħna… ħu hsiebhom,’ dik hija ħaġ’oħra. Tfisser li nafdaw il-Knisja lill-Mulej; din hija talba li tkabbar lill-Knisja imma hija wkoll att ta’ fidi. Aħna ma nistgħu nagħmlu xejn, aħna lkoll imsejka qaddejja tal-Knisja: imma huwa Hu li jista’ jmexxiha ’l quddiem u jgħassisha, jagħmilha qaddisa, jiddefendiha kontra l-prinċep ta’ din id-dinja,  jiġifieri minn dak li jrid li l-Knisja ssir iktar u iktar mondana.

Dan huwa l-ikbar periklu, għaliex meta l-Knisja ssir mondana, meta jkollha ġewwa fiha l-ispirtu tad-dinja, meta tikseb il-paċi li mhix dik tal-Mulej – dik li dwarha Ġesù assikurana billi qalilna: ‘Inħallilkom il-paċi, nagħtikom il-paċi tiegħi’ – allura ssir Knisja dgħajfa, Knisja li tintrebaħ u li mhix kapaċi proprju ġġorr l-Evanġelju, il-messaġġ tas-Salib, l-iskandlu tas-Salib. Ma tkunx tista’ ġġorru ’l quddiem ġaladarba tkun mondana! Għalhekk hija tant importanti u tant qawwija din it-talba: nafdaw il-Knisja lill-Mulej.

Il-Qdusija Tiegħu nnota li mhix drawwa abitwali għalina  li nafdaw il-Knisja lill-Mulej. Minn hawn l-istedina biex nitgħallmu nafdaw lill-anzjani, lill-morda, lit-trabi, lit-tfal lill-Mulej, waqt li ntennu: ‘Indokra Mulej il-Knisja tiegħek. Hija ‘tiegħek’!’ B’dan l-atteġġjament huwa jagħtina, f’nofs it-tribulazzjonijiet, dik il-paċi li huwa biss jista’ jagħti. Dik il-paċi li d-dinja ma tistax tagħti, li ma tinxtarax; dik il-paċi li hija tassew rigal tal-preżenza ta’ Ġesù f’nofs il-Knisja tiegħu, ukoll fit-tribulazzjonijiet: dawk kbar, bħall-persekuzzjonijiet, u wkoll it-tribulazzjonijiet iż-żgħar tal-mard jew tal-problemi tal-familja. Dan kollu, qal il-Papa fl-għeluq, hemm bżonn li nafdawh lill-Mulej billi nitolbuh: ‘Indokra l-Knisja tiegħek fit-tribulazzjonijiet, sabiex ma titlifx il-fidi, sabiex ma titlifx it-tama.’

Fl-aħħar nett, il-Qdusija Tiegħu żied jgħid lill-parteċipanti biex jagħmlu talba ta’ fiduċja għall-Knisja.  Huwa qal li tagħmel tajjeb lilna u tagħmel tajjeb lill-Knisja; tagħti paċi kbira lilna u tagħti paċi kbira lill-Knisja.  Ma twarrbilniex it-tribulazzjonijiet, imma tagħmilna qawwija fit-tribulazzjonijiet. Għalhekk nitolbu din il-grazzja li jkollna d-drawwa lil nafdaw il-Knisja lill-Mulej, temm jgħid il-Papa.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb


%d bloggers like this: