Il-Papa f’Santa Marta: Għal komunità miftuħa għall-valuri tal-Ispirtu

Print Friendly, PDF & Email

Is-Sibt, 27 ta’ April 2013: Hemm min jiffaċċja t-tbatija billi jżomm ħaj il-ferħ li jitwieled mill-Ispirtu – bħal, ngħidu aħna, l-Insara li għadhom ippersegwitati llum f’tant partijiet tad-dinja; u min, mill-banda l-oħra, juża l-flus biex jixtri l-favuri u jinnegozja, jew juża l-kalunja biex jitfa’ t-tajn u jfittex għajnuna mill-potenti tad-dinja u forsi jiddisprezza lil dawk li jfittxu li jgħixu fil-ferħ nisrani l-istess tbatija tagħhom. Fuq dan il-konfront waqaf il-Papa Franġisku nhar is-Sibt filgħodu, 27 ta’ April 2013, waqt l-omelija fil-quddiesa ċċelebrata fid-Domus Sanctæ Marthæ. Fost il-konċelebranti kien hemm l-Arċisqof Mario Zenari, Nunzju Appostoliku għas-Sirja, u l-Monsinjur Dražen Kutleša,  Isqof ta’ Poreč i Pula, il-Kroazja. Jassistu għall-quddiesa kien hemm fost l-oħrajn l-istaff tas-Servizz tal-Posta Vatikana u grupp ta’ voluntieri tad-dispensarju pedjatriku Santa Marta fil-Vatikan.

B’mod partikolari l-Papa waqaf fuq il-paġna tal-Atti tal-Appostli (13, 44-52) li proprju tirrakkonta dwar il-konfront bejn żewġ komunitajiet reliġjużi: dik tad-dixxipli u dik li l-Papa ddefinixxa bħala tal-Lhud magħluqa – għaliex mhux il-Lhud kollha kienu hekk. Huwa spjega li fil-komunità tad-dixxipli kienu jattwaw l-amar ta’ Ġesù: ‘Morru u ppritkaw’, u allura kienu jippritkaw u kważi l-belt kollha kienet tinġabar biex tisma’ l-Kelma tal-Mulej. U, innota l-Papa Franġisku, infirxet fost in-nies atmosfera ta’ ferħ li kienet tidher li qatt ma setgħet tintrebaħ. Meta l-Lhud raw tant ferħ faru bil-għira u bdew jippersegwitaw lil dawn in-nies li ma kinux kattivi; kienu nies twajba li kellhom atteġġjament reliġjuż.

Għaliex għamluh dan?, staqsa l-Qdusija Tiegħu. Dan għamluh sempliċement għaliex kellhom qalbhom magħluqa, ma kinux miftuħa għan-novità tal-Ispirtu s-Santu. Kienu jemmnu li kollox kien intqal, li kollox kien kif kienu jaħsbuh huma li kellu jkun u għalhekk kienu jħossuhom bħal difensuri tal-fidi. Bdew jgħidu kontra l-Appostli, jikkalunjawhom.

Il-kalunja. Dan huwa atteġġjament li niltaqgħu miegħu fil-mixja tal-istorja. Huwa proprju atteġġjament ta’ gruppi magħluqa li jinnegozjaw mal-poter; li jħollu l-kwistjonijiet ‘bejnietna’. Bħal ma għamlu dawk li fl-għodwa tal-qawmien, meta s-suldati rrikorrew għandhom u qalulhom: ‘Rajna dan,’ imponewlhom minnufih, ‘Żommu lsienkom! Hawn, aqbdu f’idejkom…,’ u bil-flus għattew kollox. Dan huwa proprju l-atteġġjament ta’ din ir-reliġjożità magħluqa, li m’għandhiex il-libertà li tinfetaħ għall-Mulej. Fil-ħajja pubblika tagħhom, biex dejjem jiddefendu l-verità, għaliex jemmnu li jiddefendu l-verità, jagħżlu l-kalunja, it-tqasqis. Huma tassew komunità qasqasa, li titkellem kontra, li tiddistruġġi lill-ieħor u jħarsu biss lejhom infushom, bħallikieku kienu jistkennu taħt ħajt.

Għall-kuntrarju, il-komunità libera – ġegħilhom jinnutaw il-Papa – bil-libertà ta’ Alla u tal-Ispirtu s-Santu, kienet timxi ’l quddiem. Ukoll fil-persekuzzjonijiet. U l-kelma tal-Mulej kompliet tinfirex fir-reġjonijiet kollha. Hija proprju l-komunità tal-Mulej li tkompli tavvanza, tinfirex.  Għaliex it-tajjeb huwa hekk: jinfirex dejjem! It-tajjeb ma jintlewiex ġewwa. Dan huwa kriterju, kriterju tal-Knisja. Ukoll għall-eżami tagħna tal-kuxjenza: Kif inhuma l-komunitajiet tagħna, il-komunitajiet reliġjużi, il-komunitajiet parrokkjali? Huma komunitajiet miftuħa għall-Ispirtu s-Santu, li dejjem jimbuttana ’l quddiem biex inferrxu l-Kelma t’Alla, jew huma komunitajiet magħluqa?

Il-persekuzzjoni – żied imbagħad il-Papa – tibda minħabba motivi reliġjużi, minħabba l-għira, imma wkoll minn kif nitkellmu.  Il-komunità tal-kredenti, dik libera tal-Ispirtu s-Santu, titkellem bil-ferħ: id-dixxipli kienu mimlijin ferħ tal-Ispirtu s-Santu. Jitkellmu bi sbuħija, jiftħu toroq: dejjem ’il quddiem, le? Għall-kuntrarju l-komunità magħluqa, sikura minnha nfisha, dik li tfittex is-sikurezza proprju fl-innegozjar mal-poter, fil-flus, titkellem bi kliem li jweġġa’, tinsolenta, tikkundanna.

U biex jenfasizza n-nuqqas ta’ mħabba fil-komunitajiet hekk imsejħa magħluqin, il-Papa Franġisku ressaq id-dubju li jista’ jkun li dawn in-nies jinsew iż-żegħil tal-omm, meta kienu żgħar. Dawn il-komunitajiet ma jafux b’żegħil; jafu li jinħtieġu, li jagħmlu, li jingħalqu f’osservanza apparenti. Ġesù kien qalilhom: ‘Intom qiskom qabar, qiskom sepulkru abjad, sabiħ, imma xejn iktar.’ Naħsbu llum dwar il-Knisja, tant sabiħa. Din Knisja li miexja ’l quddiem. Naħsbu dwar tant ħutna li tant qiegħdin ibatu għal din il-libertà tal-Ispirtu, u jsofru persekuzzjonijiet, issa, f’tant partijiet. Imma dawn l-aħwa, fit-tbatija, huma mimlija ferħ u Spirtu Santu. Dawn ħutna, dawn il-komunitajiet miftuħa, missjunarji, jitolbu lil Ġesù għaliex jafu li huwa minnu dak li qal u li smajna issa. ‘Kwalunkwe ħaġa li titolbu f’ismi, jien nagħmilha.’ It-talba lil Ġesù. Il-komunitajiet magħluqa jitolbu lill-poteri tad-dinja sabiex jgħinuhom. U dik mhix it-triq it-tajba.

Il-Papa kkonkluda billi ħeġġiġna nħarsu lejn Ġesù li jibgħatna nevanġelizzaw, biex inħabbru ismu bil-ferħ, mimlija bil-ferħ. Huwa qal li m’għandniex nibżgħu mill-ferħ tal-Ispirtu. U qatt u qatt ma għandna nitħalltu ma’ dawn il-ħwejjeġ li, fl-aħħar mill-aħħar, iwassluna biex ningħalqu fina nfusna. F’dan l-għeluq m’hemmx il-fertilità u l-libertà tal-Ispirtu.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb


%d bloggers like this: