Il-Papa f’Santa Marta: Le għax-xogħol ‘skjav’

Print Friendly, PDF & Email

L-Erbgħa, 1 ta’ Mejju 2013: L-ewwel u fuq kollox il-bniedem u d-dinjità tiegħu. Dan sostnieh il-Papa Franġisku fl-omelija tal-quddiesa li ppresjieda l-Erbgħa filgħodu, l-1 ta’ Mejju, fil-kappella tad-Domus Sanctæ Marthæ.

Il-Papa ħataf l-okkażjoni taċ-ċelebrazzjoni tal-festa ta’ San Ġużepp Ħaddiem biex jiddedika r-riflessjoni tiegħu lit-tema tax-xogħol. L-ispunt kien offrut lilu mill-qari tal-jum, tal-ewwel meħud mill-ktieb talĠenesi (1, 26-2, 3) u tat-tieni mill-Evanġelju ta’ Mattew (13, 54-58), li jipproponu lil Alla ħallieq li ħadem biex joħloq id-dinja, u l-figura ta’ San Ġużepp, il-mastrudaxxa u missier adottiv ta’ Ġesù, li mingħandu Ġesù tgħallem jaħdem.

Il-Papa qal li llum qegħdin inbierku lil San Ġużepp bħala ħaddiem: imma din it-tifkira ta’ San Ġużepp tibgħatna għand Ġesù ħaddiem. Huwa qal li din tax-xogħol hija tema ħafna, ħafna, ħafna evanġelika. Il-Mulej jgħid lil Adam:  ‘Bix-xogħol taqla’ biex tgħix.’ Imma x-xogħol huwa iktar minn hekk. Għaliex din l-ewwel ikona ta’ Alla ħaddiem tgħidilna li x-xogħol huwa xi ħaġa iktar minn li taqla’ x’tiekol: ix-xogħol jagħtina d-dinjità!  Min jaħdem huwa persuna denja, għandu dinjità speċjali, dinjità ta’ persuna: ir-raġel u l-mara li jaħdmu huma denji.

Min ma jaħdimx, għalhekk, m’għandux din id-dinjità. Imma hemm tant bnedmin li jixtiequ jaħdmu u ma jistgħux! U dan huwa piż għall-kuxjenza tagħna, għaliex meta s-soċjetà hija organizzata b’tali mod li mhux kulħadd għandu l-possibiltà li jaħdem, li jkun midluk bid-dinjità tax-xogħol, dik is-soċjetà ma tmurx tajjeb: mhix ġusta! Tmur kontra l-istess Alla, li ried li d-dinjità tagħna tibda minn hawn.  Il-Papa kompla li wkoll Ġesù ħadem tant fuq l-art, fil-ħanut ta’ San Ġużepp.  Imma ħadem ukoll sas-Salib.  Għamel dak li l-Missier kien amarlu jagħmel.

Illum jien naħseb dwar dawk it-tant persuni li jaħdmu u jġorru din id-dinjità. Niżżu ħajr lill-Mulej! U nkunu konxji li d-dinjità ma jtuhilniex il-poter, il-flus, il-kultura.  Le, id-dinjità jagħtihielna x-xogħol, ukoll jekk is-soċjetà ma tippermettix li kulħadd jaħdem.

Il-Papa mbagħad irrefera għal dawk is-sistemi soċjali, politiċi u ekonomiċi li fid-diversi partijiet tad-dinja bbażaw l-organizzazzjoni tagħhom fuq l-isfruttament. Jiġifieri li dawn jagħżlu li ma jħallsux il-ġust u jfittxu li jiksbu l-profitt massimu għak-kwalunkwe kost, billi japprofittaw mix-xogħol tal-oħrajn, mingħajr ma jagħtu l-inqas kas tad-dinjità tagħhom. Dan imur kontra Alla, saħaq il-Papa, waqt li rrefera għad-drammatiċità ta’ sitwazzjonijiet li jirrepetu ruħhom fid-dinja u li, tant drabi, qrajna d-denunċja tagħhom fl-Osservatore Romano

A propożitu ta’ dan il-Qdusija Tiegħu kkwota t-titlu ta’ artiklu li deher fuq l-ewwel paġna tal-edizzjoni tal-Ħadd, 28 ta’ April 2013, li kien iddedikat għall-waqgħa ta’ fabbrika ġo Dacca, fejn mietu mijiet ta’ ħaddiema li kienu jaħdmu taħt kundizzjonijiet ta’ sfruttament u ta’ nuqqas ta’ sikurezza.  Franġisku kkummenta li kien tant laqtu t-titlu ‘Kif tmut għal 38 ewro fix-xahar’ fil-jum tat-traġedja tal-Bangladesh. Id-denunċja espliċita tal-Papa kienet li dan huwa  xogħol ‘skjav’, li jisfrutta l-isbaħ rigal li Alla ta lill-bniedem: il-ħila li joħloq, li jaħdem, li jagħmel il-proprja dinjità.  Kemm ħutna rġiel u nisa fid-dinja jinsabu f’din is-sitwazzjoni minħabba dawn l-atteġġjamenti ekonomiċi, soċjali u politiċi, żied jgħid Franġisku!

Il-Papa mbagħad għamel referenza għat-teżori tal-għerf Ebrajk biex isostni kif id-dinjità tal-persuna umana tkun valur magħruf b’mod universali u li allura għandu jiġi protett u kkonservat. Hu qal li kien jiftakar rakkont sabiħ Ebrajk medjevali. Wieħed rabbin kien qed ikellem lill-fidili tiegħu dwar il-bini tat-torri ta’ Babel. F’dak iż-żmien kienu jibnu bil-briks. Imma biex tagħmel il-briks, kien jeħtieglek bosta xogħol: tiġbor it-tafal, tagħmel it-tajn, taqbad it-tiben, tħitu. U briksa waħda kienet tassew ħaġa prezzjuża. Kienu jġorru kull briksa s’hemm fuq, fil-għoli, biex jibnu t-torri ta’ Babel. Meta briksa kienet taqa’ bi żball, kienet problema tremenda, skandlu: ‘Imma ara x’għamilt!’ Imma jekk kien jaqa’ xi wieħed minn dawk li kienu jibnu t-torri, kienu jgħidu biss ‘jistrieħ fil-paċi’! U jħalluh fis-sliem. Kienet iktar importanti l-briksa milli l-persuna!

Il-Papa rrimarka li dan li kien jirrakkonta r-rabbin tal-medjuevu qed iseħħ illum! Il-persuni huma inqas importanti mill-affarijiet li jħallu profitt għal dawk li għandhom il-poter politiku, soċjali u ekonomiku. Wasalna fil-punt li anqas biss nafu dwar din id-dinjità tal-persuna, dwar din id-dinjità tax-xogħol.  Imma llum il-figuri ta’ San Ġużepp u ta’ Ġesù li jaħdmu jgħallmuna t-triq biex nimxu lejn id-dinjità.

Waqt li temm l-omelija tiegħu, il-Papa Franġisku ħeġġeġ biex nitolbu lil San Ġużepp il-grazzja li nagħrfu li fix-xogħol biss għandna d-dinjità. U ssuġġerixxa l-atteġġjament li għandna nieħdu fil-konfront ta’ dawk li m’għandhomx xogħol.  Din m’għandhiex tkun li min ma jaħdimx, ma jikolx, imma li min ma jaħdimx, tilef id-dinjità! U meta nsibu ruħna quddiem min ma jaħdimx għaliex ma jsibx il-possibiltà li jaħdem, għandna ngħidu li  s-soċjetà neżżgħet lil din il-persuna mid-dinjità!

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb


Leave a Reply

%d bloggers like this: