Il-Ġimgħa, 3 ta’ Mejju 2013: Il-kuluri tar-Rinaxximent ikkaratterizzaw l-assemblea tal-fidili li ħadu sehem fil-quddiesa ċċelebrata mill-Papa Franġisku dalgħodu, il-Ġimgħa 3 ta Mejju 2013, fil-kappella tad-Domus Sanctæ Marthæ. Infatti kienu jispikkaw il-kuluri tal-uniformijiet ta’ madwar sebgħin membru tal-Gwardji Żvizzeri, akkumpanjati għall-quddiesa mill-Kmandant Daniel Rudolf Anrig u mill-kappillan Monsinjur Alain de Raemy, li kkonċelebra mal-Qdusija Tiegħu flimkien ma’ diversi saċerdoti oħra, fosthom l-Arċisqof Claudio Maria Celli, President tal-Kunsill Pontifiċju tal-Komunikazzjonijiet Soċjali.
Fi tmiem il-quddiesa, il-Papa ħataf l-okkażjoni biex jiżżi ħajr lill-Gwardji Żvizzeri għall-imħabba u l-viċinanza tagħhom lejn il-Knisja, kif ukoll għall-viċinanza u l-imħabba tagħhom lejn il-Papa. Huwa qal li din hija xhieda sabiħa ta’ fedeltà lejn il-Knisja, u talab lill-Mulej iberikhom ħafna għal dan is-servizz, filwaqt li żied li l-Knisja tixtiqilhom ħafna ġid, bħalma kien jixtiqilhom hu wkoll.
Waqt l-omelija l-Papa stieden biex nirriflettu fuq il-ħtieġa li nitolbu b’kuraġġ biex niksbu l-grazzja tad-diffużjoni tal-fidi fid-dinja. Bħal dejjem il-Papa uża espressjoni li kapaċi tidħol fil-qalb u fil-memorja ta’ min jisimgħu u tħalli sinjal. Huwa tkellem dwar talba kuraġġuża, kważi bħal sfida għal Ġesù, li qal: ‘Kull ma titolbuni f’ismi, jien nagħmlu sabiex il-Missier ikun igglorifikat fl-Iben.’ Li titlob mela jfisser li jkollok il-kuraġġ li tmur għand Ġesù u titolbu hekk: ‘Imma dan int għidtu, agħmlu! Agħmel li l-fidi tmur ’il quddiem.’
Il-Papa rrefera għall-qari tal-jum, meħudin mill-ewwel ittra lill-Korintin (15, 1-8) u mill-Evanġelju ta’ Ġwanni (14, 6-14). Huwa beda billi qal li meta l-appostli ddeċidew li jaħtru d-djakni, dan kien għaliex kellhom tant xogħol fl-għajnuna lir-romol u lill-orfni u kienu jħossuhom bħal maqlugħin minn dak li kien id-dmir tagħhom, jiġifieri li jxandru l-Kelma u li jitolbu. Huwa spjega li dan xogħol li proprjament huwa tal-ministeru veskovili, imma li jirrigwarda wkoll lill-Insara kollha li rċevejna l-fidi: hemm bżonn li nittrasmettuha, hemm bżonn li nagħtuha, hemm bżonn li nxandruha b’ħajjitna, b’kelmitna. Din hija t-trasmissjoni tal-fidi li tgħaddi minn dar għal dar, minn familja għal familja, minn persuna għal persuna.
L-Isqof ta’ Ruma mbagħad irrefera għat-test sabiħ tal-ittra li fiha Pawlu jkellem lil Timotju dwar ‘il-fidi li int irċevejt mingħand ommok u mingħand nanntek u li hemm bżonn li tittrasmettiha lill-oħrajn.’ Aħna hekk irċevejna l-fidi f’Ġesù, fil-familja. Liema fidi hija din? Dik li dwarha jitkellem Pawlu meta spjega hekk: ‘Lilkom, infatti, ittrasmettejt qabel kollox dak li jien irċevejt.’ Huwa, li kien irċieva l-fidi, jagħti l-fidi fi Kristu ‘li miet għal dnubietna skont l-Iskrittura, li kien midfun, li qam fit-tielet jum skont l-Iskrittura, li deher lit-tnax.’ Is-sies u l-qawwa tal-fidi jinsabu f’Ġesù Rxoxt, f’Ġesù li ħafrilna dnubietna b’mewtu u rrikonċiljana mal-Missier. Biex nittrasmettu dan, jitlob li aħna nkunu kuraġġużi, li jkollna l-kuraġġ li nittrasmettu l-fidi, kuraġġ xi minn daqqiet sempliċi.
B’elokwenza l-Papa Franġisku rrijevoka tifkiriet personali biex jirrendi b’mod iktar ċar il-messaġġ tiegħu u jankrah mar-realtà ta’ ħajja mgħejxa. Huwa ftakar – filwaqt li skuża ruħu minħabba li din kienet storja personali – li minn ċkunitu kull Ġimgħa l-Kbira n-nanna kienet tieħdu għall-purċissjoni tax-xemgħa u fl-aħħar tal-purċissjoni kien jasal il-Kristu mwaqqa’ u n-nanna kienet tniżżel lit-tfal għarkupptejhom u tgħidilhom: ‘Ħarsu, miet, imma għada jerġa’ jqum!’ Il-fidi hekk daħlet: il-fidi fi Kristu mejjet u rxuxtat. Il-Papa fakkar ukoll li tant u tant nies fittxew li jitfu din iċ-ċertezza qawwija u tkellmu dwar riżurrezzjoni spiritwali. Imma mhux hekk: Kristu huwa ħaj! Miet imma rxoxta; deher lill-appostli u lil Tumas ġiegħlu jpoġġi subgħajh fil-pjagi; kiel magħhom. Kristu, sostna Franġisku, huwa ħaj u ħaj ukoll fostna. U proprju jmiss lilna x-xogħol li nxandruh, li nxandru l-fidi b’kuraġġ.
Iżda hemm kuraġġ ieħor, wissa l-Qdusija Tiegħu, waqt li spjega li Ġesù jisfidana għat-talb u jgħidilna hekk: ‘Dak kollu li titolbuni f’ismi, nagħmlu sabiex il-Missier ikun igglorifikat fl-Iben. Jekk titolbuni xi ħaġa f’ismi, jiena nagħmilha.’ Imma din tassew qawwija! Ikollna l-kuraġġ li mmorru għand Ġesù u nitolbuh hekk: ‘Imma dan int għidtu, agħmlu! Agħmel li l-fidi tkompli miexja ’l quddiem, agħmel li l-evanġelizzazzjoni tkompli għaddejja, agħmel li din il-problema li għandi ssolvi ruħha….’ Għandna dan il-kuraġġ fit-talb? Jew nitolbu ftit hekk, kif nistgħu, biex inqattgħu ftit ħin fit-talb?
L-Isqof ta’ Ruma mbagħad ikkwota t-Testment il-Qadim, b’mod partikolari hemm fejn jirrakkonta dwar il-kuraġġ ta’ Abram fid-djalogu fejn jitlob lil Alla biex isalva lil Sodoma: ‘Imma li kieku hemm 45 ġust, int issalvaha? U jekk hemm 40, 35….’ Abram kien jinnegozja ma’ Alla, fakkar il-Papa. Imma biex nagħmlu dan hemm bżonn li jkollna l-kuraġġ. Il-kuraġġ huwa wkoll li tmur għand il-Mulej biex titlob għall-oħrajn, bħal ma għamel Mosè fid-deżert. U meta l-Knisja titlef dan il-kuraġġ, tidħol f’atmosfera ta’ bruda. L-Insara bierda, bla kuraġġ, saħaq il-Papa, jagħmlu tant ħażin lill-Knisja, għaliex il-bruda ġġegħilna ningħalqu fina nfusna. U hekk jinħolqu problemi bejn il-persuni, nitilfu l-orizzonti minn quddiem għajnejna. Imma fuq kollox il-bruda ġġegħilna proprju nitilfu l-kuraġġ li nitolbu u l-kuraġġ li nxandru l-Evanġelju.
B’danakollu, reġa’ nnota mill-ġdid il-Papa, aħna lkoll kultant nitilfu l-kuraġġ minħabba l-affarijiet żgħar tagħna, l-għira tagħna, l-invidji tagħna, il-karririżmu, biex nimxu ’l quddiem b’mod egoistiku…. dawn il-ħwejjeġ kollha. Imma dan ma jagħmilx tajjeb għall-Knisja. Hemm bżonn li l-Knisja tkun qalbiena! Hemm bżonn li aħna lkoll inkunu qalbiena fit-talb, waqt li nisfidaw lil Ġesù: ‘Dan int għidtu, agħmilli l-favur….’ Imma b’perseveranza.
Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb