Il-Papa f’Santa Marta: Dik il-persekuzzjoni instigata mill-prinċep tad-dinja

Print Friendly, PDF & Email

Is-Sibt, 4 ta’ Mejju 2013: L-Insara llum huma iktar ippersegwitati milli fil-bidu tal-istorja tal-Kristjaneżmu. Il-kawża oriġinali ta’ kull persekuzzjoni hija l-mibegħda tal-prinċep tad-dinja lejn il-bosta li kienu salvati u mifdija minn Ġesù bil-mewt u l-qawmien tiegħu. L-uniċi armi biex dawn jiddefendu rwieħhom huma l-kelma t’Alla, l-umiltà u l-manswetudni.

Dalgħodu wkoll, is-Sibt 4 ta’ Mejju 2013, il-Papa Franġisku indika t-triq li għandna nsegwu biex nitgħallmu kif insibu tarf fost il-perikli tad-dinja. Dawn il-perikli, spjega l-Papa fl-omelija tal-quddiesa ċcelebrata fil-kappella tad-Domus Sanctæ Marthæ, huma opra tax-xitan, tal-prinċep tad-dinja, tal-ispirtu tad-dinja.

Waqt li kkummenta l-qari tal-jum meħudin mill-Atti tal-Appostli (16, 1-10) u mill-Evanġelju ta’ Ġwanni (15, 18-21), il-Papa mmira r-riflessjoni fuq il-mibegħda – kelma qawwija użata minn Ġesù. Hu li huwa mgħallem tal-imħabba, li tant kien jieħu gost jitkellem dwar l-imħabba, jitkellem dwar il-mibegħda. Imma għalih, spjega Franġisku, kien iħobb isejjaħ l-affarijiet b’isimhom proprju.  Hu jgħidilna, ‘La tibżgħux! Id-dinja se tobgħodkom. Kunu afu li qabilkom bagħdet lili.’ U jfakkarna wkoll dak li hu forsi kien qal f’okkażjoni oħra lid-dixxipli: ‘Ftakru fil-kelma li jien għedtilkom: qaddej m’hu qatt aqwa minn sidu. Mela ladarba ppersegwitaw lili, jippersegwitaw lilkom ukoll.’ It-triq tal-Insara hija t-triq ta’ Ġesù. Biex insegwuh m’hemmx triq oħra. Waħda minn dawk issenjalati minn Ġesù, ippreċiża l-Qdusija Tiegħu, hija konsegwenza tal-mibegħda tad-dinja u wkoll tal-prinċep ta’ din il-mibegħda fid-dinja.

Il-Papa spjega li Gesù għażilna u fdiena. Għażilna purament bi grazzja. Bil-mewt u l-qawmien tiegħu fdiena mill-poter tad-dinja, mill-poter tax-xitan, mill-poter tal-prinċep ta’ din id-dinja. L-oriġini tal-mibegħda huwa dan: aħna salvati u dak il-prinċep tad-dinja, li ma jridx li nkunu salvati, jobgħodna u jqajjem il-persekuzzjoni li għadha għaddejja sallum sa mill-ewwel żminijiet ta’ Ġesù. Tant komunitajiet insara huma ppersegwitati fid-dinja. F’dan iż-żmien iktar milli fl-ewwel żmenijiet, eh! Illum, issa, f’dan il-jum, f’din is-siegħa. Għaliex? Għaliex l-ispirtu tad-dinja jobgħod.

Soltu l-persekuzzjoni tiġi wara li tkun għamlet triq twila. Il-Papa Franġisku ssuġġerielna naħsbu dwar kif il-prinċep tad-dinja ried jinganna lil Ġesù meta kien fid-deżert: ‘Isa, kun bravu! Għandek il-ġuħ? Kul. Dan int tista’ tagħmlu.’ Stiednu wkoll għal ftit vanità: ‘Isa, kun bravu! Int ġejt biex issalva l-bnedmin. Iffranka l-ħin, mur fit-tempju, inxteħet minn hemm u l-bnedmin kollha jaraw il-miraklu u jispiċċa kollox: int ikollok l-awtorità.’ Imma naħsbu dwar dan: Ġesù qatt ma wieġeb lil dan il-prinċep bi kliemu! Qatt. Qatt. Kien Alla u huwa mar għat-tweġiba biex isib il-kliem ta’ Alla, u wieġeb bi kliem Alla. Messaġġ għall-bniedem tallum: mal-prinċep ta’ din id-dinja ma tistax tiddjaloga. U dan ikun ċar.

Id-djalogu huwa ħaġ’oħra.  L-Isqof ta’ Ruma spjega li d-djalogu huwa meħtieġ bejnietna, huwa meħtieġ għall-paċi. Id-djalogu huwa abitudni, huwa proprju atteġġjament li aħna hemm bżonn li jkollna bejnietna biex nisimgħu lil xulxin, biex nifhmu lil xulxin. U hemm bżonn li dan inżommuh dejjem. Id-djalogu jitnissel mill-karità, mill-imħabba. Ma’ dak il-prinċep ma tistax tiddjaloga; tista’ biss twieġbu bil-kelma t’Alla li jiddefendina.

Il-prinċep tad-dinja, tenna l-Papa, jobgħodna. U bħal ma għamel ma’ Ġesù, jagħmel magħna: ‘Imma ħares, agħmel hekk…. dan qerq żgħir…. ma jiġri xejn…. din ħaġa żgħira.’ U hekk jibda jkaxkarna fi triq daqsxejn waħda inġusta. Jibda minn ħwejjeġ żgħar, imbagħad jibda bit-tifħir u bih irattabna sakemm naqgħu fin-nasba. Ġesù qalilna: ‘Se nibgħatkom bħal nagħaġ fost l-ilpup. Kunu prudenti, iżda sempliċi.’ Jekk, iżda, inħallu lilna nfusna ninħatfu mill-ispirtu tal-vanità u naħsbu li neħduha mal-ilpup billi aħna stess insiru lpup, dawn jikluna ħajjin. Għaliex jekk tieqaf li tkun nagħġa, ma jkollokx ragħaj li jiddefendik u taqa’ f’idejn dawn l-ilpup.

Intom tistgħu titolbu: ‘Missier, imma liema hi l-arma biex niddefendi lili nnifsi minn dawn is-seduzzjonijiet, minn dawn in-nirien artifiċjali li jagħmel il-prinċep ta’ din id-dinja, mit-tifħir tiegħu?’ L-arma hija l-istess waħda ta’ Ġesù: il-kelma t’Alla, u mbagħad l-umiltà u l-manswetudni. Naħsbu dwar Ġesù meta jtuh id-daqqa ta’ ħarta: x’umiltà u x’manswetudni. Seta’ jinsolenta u minflok għamel domanda umli u mansweta. Naħsbu dwar Ġesù fil-passjoni tiegħu. Dwaru l-profeta jgħid, ‘bħal nagħġa li tmur għall-qatla.’ Ma jgħid xejn: l-umiltà. Umiltà u manswetudni: dawn huma l-armi li l-prinċep tad-dinja, l-ispirtu tad-dinja ma jittollerax, għaliex il-proposti tiegħu huma ta’ poter mondan, ta’ vanità, ta’ għana. L-umiltà u l-manswetudni ma jittollerahomx.

Waqt li għalaq l-omelija tiegħu, il-Papa tenna li Ġesù huwa manswet u ta’ qalb umli u dan iġegħilna naħsbu dwar din il-mibegħda tal-prinċep tad-dinja kontrina, kontra s-segwaċi ta’ Ġesù, u dwar l-armi li għandna biex jiddefenduna.  Għalhekk, il-Qdusija Tiegħu rrakkomanda li nibqgħu dejjem nagħaġ, għaliex hekk ikollna ragħaj li jiddefendina.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb


%d bloggers like this: