Il-Papa f’Santa Marta: Sieħeb tat-triq

Print Friendly, PDF & Email

It-Tnejn, 6 ta’ Mejju 2013: Ħabib li kuljum isir għal kull wieħed u waħda minna ‘sieħeb tat-triq’. Dan huwa l-Ispirtu s-Santu skont il-Papa Franġisku li, dalgħodu, it-Tnejn 6 ta’ Mejju 2013, iċċelebra bħas-soltu l-quddiesa fil-kappella tad-Domus Sanctæ Marthæ.  Huwa sostna li, biex nagħrfu l-Ispirtu s-Santu, speċjalment biex nagħrfu l-azzjoni tiegħu f’ħajjitna, huwa importanti li nipprattikaw l-eżami tal-kuxjenza kull filgħaxija qabel ma norqdu.

Waqt li rrefera għall-Evanġelju ta’ Ġwanni (15, 26 – 16, 4), il-Qdusija Tiegħu fakkar il-waqt li fih Ġesù nfired mid-dixxipli waqt li assigurahom li ma jħallihom qatt waħedhom. ‘Nibagħtilkom l-Ispirtu s-Santu,’ qalilhom. B’din il-wegħda l-Mulej ikompli jispjega min hu l-Ispirtu s-Santu, x’jagħmel minna l-Ispirtu s-Santu. Il-Papa kompla jippreċiża li Ġesù jgħid xi ħaġa li ġġegħilna naħsbu: ‘Huwa jagħti xhieda tiegħi.’ L-Ispirtu s-Santu huwa proprju Alla, il-Persuna ta’ Alla li tagħti xhieda ta’ Ġesù Kristu fina. Huwa Dak li jgħidilna: ‘Dan huwa Ġesù l-Mulej. Il-Mulej hekk jagħmel. Din hija t-triq ta’ Ġesù.’ U jsejjaħlu l-Paraklitu, jiġifieri dak li jiddefendina, li dejjem maġenbna biex isostnina.

Hawnhekk il-Papa Franġisku ppreċiża li anzi l-ħajja nisranija ma tistax tifhimha mingħajr il-preżenza tal-Ispirtu s-Santu: mingħajrha ma tkunx nisranija. Tkun ħajja reliġjuża pagana, ta’ min jitħassarha, bħal dik ta’ min jemmen f’Alla, imma mingħajr il-vivaċità li Ġesù jrid għad-dixxipli tiegħu. Mill-bqija, kompla l-Qdusija Tiegħu, huwa l-Ispirtu s-Santu li jagħti xhieda ta’ Ġesù sabiex aħna nkunu nistgħu nagħtuha lill-oħrajn.

Waqt li kkummenta l-ewwel qari meħud mill-Atti tal-Appostli (16, 11-15), il-Papa ppropona l-eżempju ta’ Lidia, il-mara li kienet tisma’ lil Pawlu u li dwarha jingħad li l-Mulej kien jiftħilha qalbha biex taqbel ma’ kliem Pawlu. Dan hu li jagħmel l-Ispirtu s-Santu: jiftħilna qalbna biex insiru nafu lil Ġesù. Huwa jaġixxi fina tul il-jum kollu, tul ħajjitna kollha, bħal xhud li jgħidilna fejn hu Ġesù.

U l-aħjar waqt biex niskopruh huwa, skont il-Papa, tmiem il-jum, meta, waqt li nsegwu drawwa proprju tal-Insara, nagħmlu l-eżami tal-kuxjenza. Qabel ma jmur jorqod in-Nisrani jaħseb dwar dak li jkun seħħ, dwar dak li jkun qal il-Mulej, dak li jkun għamel fih l-Ispirtu s-Santu. Smajtu jien lill-Ispirtu s-Santu jew dawwart wiċċi band’oħra? Dan l-eżerċizzju tal-eżami tal-kuxjenza jagħmlilna tajjeb, għaliex mill-kuxjenza nagħrfu dak li għamel f’qalbna l-Mulej f’dak il-jum, dak li għamel proprju l-Ispirtu s-Santu. U dan jgħin biex jirrendi preżenti f’kull waqt il-fertilità tal-Għid, bħal ma tlabna llum fit-talba.

Nitolbu l-grazzja li nabitwaw irwieħna għall-preżenza ta’ dan is-sieħeb tat-triq: l-Ispirtu s-Santu; ta’ dan ix-xhud ta’ Ġesù li jgħidilna fejn hu Ġesù, kif insibu lil Ġesù, x’jgħidilna Ġesù.  Kien l-istess Ġesù li ħallihulna bħala ħabib. Mela, sostna l-Papa Franġisku, huwa tajjeb li nikkonservaw id-drawwa li nistaqsu lilna nfusna, qabel ma jintemm il-jum: ‘Illum x’għamel fija l-Ispirtu s-Santu? Liema xhieda tani? Kif kellimni? X’issuġġerieli?’ Huwa preżenza divina li tgħinna biex navvanzaw f’ħajjitna ta’ Nsara. 

Fl-aħħar nett, l-Isqof ta’ Ruma indirizza lil kulħadd l-istedina biex jitlob il-grazzja li f’kull waqt ikollna preżenti l-fertilità tal-Għid.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb


%d bloggers like this: