Il-Ħamis, 16 ta’ Mejju 2013: Bix-xhieda tiegħu għall-verità n-Nisrani jrid jagħti fastidju lill-istrutturi komdi tagħna, ukoll jekk dan ikun ifisser li jsib ruħu fil-gwaj, u jagħmel dan għax ikun imħeġġeġ minn ġenn spiritwali b’saħħtu għall-periferiji eżistenzjali kollha.
Fuq l-eżempju ta’ San Pawl, li għadda minn battalja ħarxa għall-oħra, min jemmen m’għandux ifittex il-kenn f’ħajja trankwilla jew fil-kompromessi. Illum, fil-Knisja hemm ħafna Nsara tas-salott, dawk edukati, bierda, li għalihom dejjem kollox sew, imma li m’għandhom l-ebda ħeġġa appostolika fir-ruħ tagħhom. Fil-quddiesa ċċelebrata llum, il-Ħamis 16 ta’ Mejju 2013, fil-kappella tad-Dar Santa Marta, il-Papa Franġisku appella b’mod qawwi għall-missjoni mhux biss f’artijiet imbiegħda imma wkoll fl-ibliet tagħna.
Ir-riflessjoni tiegħu bdiet mis-silta tal-Atti tal-Appostli (22, 30; 23, 6-11) li fiha naraw lil San Pawl bħala l-protagonista f’waħda mill-battalji ħorox tiegħu. Imma l-Papa qal li din id-darba l-battalja bdieha hu, bil-furbizja tiegħu. Meta induna bil-firda bejn dawk li kienu akkużawh, bejn is-saduċej u l-fariżej, hu ra kif għamel biex bdew joħduha kontra xulxin. Matul ħajtu San Pawl għadda minn battalja ħarxa għall-oħra, minn persekuzzjoni għall-oħra. Għadda minn ħafna provi. Il-Mulej kien qal li dan kellu jkun id-destin tiegħu, destin b’tant slaleb. Imma hu baqa’ miexi ’l quddiem; kien iħares lejn il-Mulej u jibqa’ miexi ’l quddiem.
Il-Papa fisser li Pawlu kien jagħti fastidju. Kien raġel li bil-prietki tiegħu, bil-ħidma tiegħu, bl-imġiba tiegħu kien jagħti fastidju, proprju għax ħabbar lil Ġesù Kristu. Ħafna drabi t-tħabbira ta’ Ġesù Kristu tagħti fastidju lill-istrutturi komdi tagħna, anke dawk insara. U l-Mulej irid li aħna nibqgħu dejjem mexjin aktar ’il quddiem, li naqdfu ’l quddiem. Irid li aħna ma nfittxux il-kenn f’ħajja trankwilla jew fi strutturi li malajr jgħaddu. Pawlu kien jagħti fastidju għax kien jipprietka lil Ġesù. Imma kien jibqa’ miexi ’l quddiem, għax kellu fih dak l-atteġġjament nisrani li hu ż-żelu appostoliku. Kellu fih il-fervur appostoliku. Le, ma kienx raġel ta’ kompromessi imma tal-verità, u kien jibqa’ miexi ’l quddiem! Kien iħabbar lil Kristu u jibqa’ miexi ’l quddiem. U dan ma kienx jagħmlu biss minħabba t-temperament tiegħu: hu kien bniedem mimli nar.
Imbagħad il-Papa reġa’ mar lura lejn l-Atti tal-Appostli u wera kif anke l-Mulej daħal fil-ġrajja ta’ Pawlu proprju għax fil-lejl ta’ wara din il-battalja ħarxa, il-Mulej deher lil Pawlu u qallu: ‘Agħmel il-qalb!’ U Pawlu baqa’ miexi aktar ’il quddiem. Il-Mulej qanqlu biex jibqa’ miexi ’l quddiem billi qallu: ‘Kif tajt xhieda għalija f’Ġerusalemm, hekk ukoll jeħtieġ li tagħti xhieda f’Ruma.’ U l-Papa kompla li kien jogħġbu dak il-kliem li juri li l-Mulej ħa ħsieb id-djoċesi ta’ Ruma sa mill-ewwel żmenijiet, u żied li huma pprivileġġjati!
Iż-żelu appostoliku, ippreċiża l-Papa, mhuwiex entużjażmu biex ikollok il-poter, biex ikollok xi ħaġa, imma jiġi minn ġewwa. Huwa dak li l-Mulej stess irid minna: Insara b’żelu appostoliku. U mnejn jiġi dan iż-żelu appostoliku? Ikollna dan iż-żelu għax insiru nafu lil Ġesù Kristu. Pawlu sab lil Ġesù. Iltaqa’ miegħu mhux b’għarfien intellettwali u xjentifiku – dan importanti li nkunu nafuh għax jgħinna – imma għarfu bil-qalb tiegħu, billi ltaqa’ miegħu b’mod personali. Nagħraf lil Ġesu li salvani u li miet għalija: dan kien l-għarfien profond ta’ Pawlu, li imbuttah biex jibqa’ miexi ’l quddiem u jħabbar lil Ġesu.
U għal Pawlu kienet tispiċċa ħaġa u tibda oħra. Dejjem kien isib ruħu fil-gwaj, mhux għall-gwaj fih innifsu, imma għal Ġesù. It-tħabbira ta’ Ġesù ġġib magħha dawn il-konsegwenzi. Għax għaraf lil Ġesù, Pawlu sar bniedem mimli ħeġġa appostolika. Kien ikun f’dik il-Knisja, jaħseb fl-oħra, jerġa’ jmur lejn waħda, imbagħad imur fl-oħra. U din hija grazzja. Il-fervur appostoliku, iż-żelu appostoliku hu l-atteġġjament tan-Nisrani.
Imbagħad Papa Franġisku rrefera għall-Eżerċizzi Spiritwali ta’ San Injazju ta’ Loyola u ssuġġerixxa din il-mistoqsija: Jekk Kristu għamel dan għalija, x’jeħtieġ li nagħmel jien għalih? Huwa wieġeb li l-ħeġġa appostolika, iż-żelu appostoliku tista’ tifhmu biss fejn hemm atmosfera ta’ mħabba; mingħajr l-imħabba ma tifhmux għax iż-żelu appostoliku għandu fih xi ħaġa tal-ġenn – ġenn spiritwali, imma ġenn b’saħħtu. U Pawlu kellu dan il-ġenn b’saħħtu.
Il-Papa kompla jgħid li huwa l-Ispirtu s-Santu li jikkustodixxi dan iż-żelu appostoliku, huwa l-Ispirtu s-Santu li jkabbru. Hu jimla r-ruħ b’dak in-nar li jwassalna biex inkomplu nħabbru lil Ġesù Kristu u għalhekk jeħtieġ li nitolbuhielu l-grazzja taż-żelu appostoliku. L-Isqof ta’ Ruma żied li dan ma jgħoddx biss għall-missjunarji, li tant huma bravi. Huwa qal li f’dawk il-ġranet kien iltaqa’ ma’ xi wħud li qalulu: ‘Ili sittin sena fl-Amażonja!’ Sittin sena u baqgħu mexjin ’il quddiem, esklama l-Papa, filwaqt li rrimarka li llum fil-Knisja hemm ħafna minn dawn li huma mimlija żelu; hemm ħafna rġiel u nisa li għandhom dan il-fervur u jibqgħu mexjin ’il quddiem. Imma fil-Knisja hemm ukoll oħrajn bierda; għandhom ċertu bruda. Huma tajbin imma ma jħossux li għandhom jibqgħu mexjin ’il quddiem. Hemm ukoll dawk l-Insara tas-salott; dawk edukati, li għalihom kollox sew, imma ma jafux ikunu wlied il-Knisja u jwasslu l-bxara t-tajba u jkollhom il-ħeġġa appostolika.
Għalhekk il-Papa talab lill-Ispirtu s-Santu biex jagħti din il-ħeġġa appostolika lilna lkoll; biex jagħtina l-grazzja li nagħtu fastidju lill-affarijiet li huma trankwilli wisq fil-Knisja; il-grazzja li nersqu lejn il-periferiji eżistenzjali. Il-Knisja għandha bżonn kbir ta’ dan! Mhux biss f’artijiet imbiegħda, fil-Knejjes li ma tantx ilhom li twaqqfu, fil-popli li għadhom ma jafux lil Ġesù Kristu, imma hemm bżonn tat-tħabbira ta’ Kristu f’dik il-belt stess. Għalhekk għandna nitolbu lill-Ispirtu s-Santu din il-grazzja taż-żelu appostoliku: li nkunu Nsara b’żelu appostoliku. U jekk nagħtu fastidju, ikun imbierek il-Mulej. Nimxu ’l quddiem u, kif qal lil Pawlu, nagħmlu l-qalb!
Fost dawk li kkonċelebraw mal-Papa kien hemm il-Kardinal Peter Kodwo Appiah Turkson u l-Isqof Mario Toso, li huma l-President u s-Segretarju tal-Kunsill Pontifiċju għall-Ġustizzja u l-Paċi; Monsinjur Luigi Mistò, Segretarju tal-Amministrazzjoni għall-Patrimonju tas-Sede Appostolika (APSA), u l-Ġiżwita Hugo Guillermo Ortiz li hu responsabbli mill-programmi bil-lingwa Spanjola fir-Radju Vatikan. Fost dawk preżenti kien hemm l-istaff fid-dikasteru Ġustizzja u Paċi u grupp ta’ impjegati tax-xandir tal-Vatikan.
Miġjub għall-Malti minn Vivienne Attard