L-Erbgħa, 15 ta’ Mejju 2013: ‘Itolbu għas-saċerdoti u għall-isqfijiet biex ma jaqgħux fit-tentazzjoni tal-flus u tal-vanità, imma jkunu qaddejja tal-poplu t’Alla.’ Din l-eżortazzjoni għamilha l-Papa Franġisku waqt l-omelija tal-quddiesa tal-Erbgħa, 15 ta’ Mejju 2013, fir-residenza tad-Dar Santa Marta fil-Vatikan, li għaliha kienu preżenti grupp ta’ ħaddiema tar-Radju tal-Vatikan.
Il-ħsieb li bih il-Papa beda l-omelija tiegħu kien il-pass mill-Atti tal-Appostli li fih insibu lil Pawlu jħeġġeġ lill-anzjani tal-Knisja ta’ Efesu biex jindukraw lilhom infushom u lill-merħla, biex ikunu ragħajja attenti u jħarsu l-Knisja mill-ilpup imġewħin li lesti jibilgħu l-merħla. Din hi waħda mill-isbaħ paġni tat-Testment il-Ġdid, qal il-Papa Franġisku. Hu episodju mimli tenerezza u mħabba pastorali li fiha naraw ir-relazzjoni sabiħa tal-isqof mal-poplu tiegħu.
L-isqfijiet u s-saċerdoti, kompla jispjega, qegħdin għas-servizz tal-oħrajn, biex jippriżervaw, jibnu u jiddefendu l-poplu t’Alla. Huma għandhom relazzjoni ta’ ħarsien u mħabba bejn Alla u r-ragħaj u bejn ir-ragħaj u l-poplu. Kollox ma’ kollox l-isqof mhux isqof għalih innifsu: hu qiegħed għall-poplu. U s-saċerdot mhux saċerdot għalih innifsu; anke hu qiegħed għall-poplu: biex iservih, imantnih, u jindokra l-merħla tiegħu biex iħarisha mill-ilpup. Kemm hu sabiħ taħseb dan! Meta l-isqof jimxi hekk, ikun hemm relazzjoni tajba mal-poplu tiegħu bħalma Pawlu, bħala isqof, kellu mal-poplu tiegħu. Hux hekk?, staqsa l-Papa. U meta s-saċerdot jibni relazzjoni tajba mal-poplu, din tiġġenera l-imħabba, imħabba li tgħaqqad, imħabba vera, u l-Knisja ssir ħaġa waħda.
Il-Papa kompla jiddeskrivi r-relazzjoni tal-isqof u tas-saċerdot mal-poplu bħala relazzjoni eżistenzjali u sagramentali. Huwa qal li l-isqfijiet u s-saċerdoti għandhom bżonn it-talb tal-poplu għax anke l-isqof u s-saċerdot ikollhom it-tentazzjonijiet. L-isqfijiet u s-saċerdoti għandhom jitolbu ħafna, ixandru lil Ġesù Rxoxt, u bil-qlubija jippritkaw il-messaġġ tas-salvazzjoni. Madankollu, żied il-Papa, huma bnedmin u huma midinbin u jkunu ttentati wkoll. F’kumment dwar Eżekjel, Santu Wistin jitkellem dwar żewġ tentazzjonijiet: il-ġid, li jistgħu jsiru rgħiba, u l-vanità. Santu Wistin jgħid li meta l-isqof, is-saċerdot, japprofitta ruħu min-nagħaġ, tinqaleb id-dinamika u ma jkunx aktar is-saċerdot, l-isqof għall-poplu, imma jsir is-saċerdot, l-isqof li jikseb minn fuq il-poplu. Santu Wisitn jgħid: ‘Hu jieħu l-laħam min-nagħaġ biex jiekol, jieħu vantaġġ, jagħmel in-negozju u jkun marbut mal-flus; isir rgħib u kultant jaqa’ fis-simonija [il-bejgħ u x-xiri ta’ karigi fil-Knisja]. Forsi japprofitta ruħu mis-suf tan-nagħaġ għall-vanità, biex jiddandan bih!’
Għaldaqstant, osserva l-Papa, meta saċerdot, isqof jiġri wara l-flus, il-poplu ma jħobbux. U dak hu sinjal! Imma dak li jkun jispiċċa ħażin. San Pawl ifakkarna li hu kien ħaddiem tal-id. Ma kellux kont fil-bank, kien ħaddiem, u meta isqof jew saċerdot jimxu fit-triq tal-vanità, ikunu ntrikbu mix-xewqa li jkollhom karriera – u dan iweġġa’ ħafna lill-Knisja, minbarra li dak li jkun jaqa’ għar-redikolu. Jibda jiftaħar, ikun iħobb jidher, irid il-poter – u n-nies dan kollu ma jogħġobhomx! Itolbu għalina, tenna l-Papa, ħalli nkunu foqra, ħalli nkunu umli, mansweti u għas-servizz tal-poplu.
Fl-aħħar il-Papa Franġisku għamel suġġeriment lill-kongregazzjoni miġbura fil-kappella tad-Dar Santa Marta biex jaqraw il-versi 28 sa 30 tal-kapitlu 20 tal-Atti tal-Appostli fejn San Pawl jgħid: ‘Ħudu ħsieb tagħkom infuskom u tal-merħla kollha li l-Ispirtu s-Santu għamilkom għassiesa tagħha biex tirgħu l-Knisja ta’ Alla li hu kiseb b’demmu stess. Jiena naf li, wara li nitlaq jien, jidħlu fostkom ilpup qalila li lill-merħla ma jaħfruhilhiex. U minn fostkom stess għad iqumu xi wħud li jgħallmu dak li hu kontra s-sewwa, bil-ħsieb li jdawru d-dixxipli għal warajhom.’
Il-Papa ħeġġeġ lil dawk preżenti jaqraw dan il-pass tant sabiħ u waqt li jkunu qed jaqrawh jitolbu għall-isqfijiet u s-saċerdoti. Huwa qal li l-isqfijiet u s-saċerdoti kellhom bżonn dat-talb biex jibqgħu fidili, biex ikunu bnedmin li jgħassu l-merħla tagħhom u jgħassu fuqhom infushom, biex qalbhom tkun dejjem tħares lejn il-merħla ta’ Alla. Huwa talabhom jitolbu wkoll biex il-Mulej jeħlishom mit-tentazzjoni, għax jekk jaqbdu t-triq tar-rikkezza, jekk jimxu fit-triq tal-vanità, isiru lpup u ma jibqgħux ragħajja. Imbagħad għalaq billi qal: ‘Itolbu għal dan, aqraw dal-pass u itolbu. Hekk ikun.’
Miġjub għall-Malti minn Joe Huber