Il-Papa f’Santa Marta: Il-mistħija ta’ Pietru

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ġimgħa, 17 ta’ Mejju 2013: Li nkunu midinbin mhix problema; pjuttost huwa problema l-fatt li ma nindmux li għamilna d-dnub, li ma nħossu ebda mistħija għal dak li nkunu għamilna. Fl-omelija tal-quddiesa ta’ dalgħodu, il-Ġimgħa 17 ta’ Mejju 2013, fil-kappella tad-Dar Santa Marta, il-Papa Franġisku reġa’ rreveda l-istorja tal-laqgħat ta’ Pietru ma’ Ġesù, waqt li ppropona qari partikolari.

Ġesù, sostna l-Papa, jafda l-merħla tiegħu f’idejn midneb, Pietru. Midneb, imma mhux korrott, ippreċiża minnufih. Kważi ried jagħti qawwa ikbar lil dak li kien se jgħid lill-parteċipanti għaċ-ċelebrazzjoni: ‘Midinbin iva, ilkoll, imma korrotti le!’

Il-Papa fforma din ir-riflessjoni waqt li kkummenta l-qari tal-jum (Atti tal-Appostli 25, 13-21; Ġwanni 21, 15-19), waqt li pponta l-iktar fuq id-djalogu bejn Pietru u Ġesù wara l-ewwel laqgħa ma’ ħuh Indri. Il-Papa fakkar li kien ħadu għand Ġesù, li wara li kien flieh, jgħidlu: ‘Imma inti, Xmun, minn issa se nsejjaħlek Kefa, ġebla.’ Kien il-bidu ta’ missjoni, spjega Franġisku. Ukoll jekk Pietru ma kien fehem xejn, imma l-missjoni hemm kienet.

Il-Papa Franġisku mbagħad fakkar il-laqgħat li dwarhom jitkellem l-Evanġelju, bħal ngħidu aħna dik id-darba meta Ġesù jagħmel il-miraklu tas-sajda, meta Pietru f’laqgħa jgħid lil Ġesù: ‘Jiena midneb’, u jgħidlu wkoll: ‘Tbiegħed minni, Mulej, għaliex jiena midneb!’ Imbagħad f’laqgħa oħra ma’ Ġesù, meta Ġesù jitkellem dwar l-Ewkaristija – le? …. nieklu l-ħobż, ġismu – xi wħud telqu, għaliex ma fehmux u għaliex kien diskors li lilhom ma għoġobhomx. U lil dawk li kien fadal Ġesù jistaqsihom: ‘Tridux tmorru intom ukoll?’ U Pietru jgħid: ‘Imma Mulej, inti biss għandek il-kliem tal-ħajja eterna.’

Il-Qdusija Tiegħu mbagħad fakkar l-episodju evanġeliku taċ-ċaħda ta’ Pietru, meta mill-ġdid jiltaqgħu l-ħarsa ta’ Ġesù u tal-ewwel fost l-Appostli. Dik il-ħarsa ta’ Ġesù hekk sabiħa … hekk sabiħa! U Pietru jibki. Din hija l-istorja tal-laqgħat li waqthom Ġesù jagħġen fl-imħabba l-qalb tal-Appostlu. Dik l-imħabba li biha Pietru jibki meta Ġesù, waqt laqgħa oħra, jitolbu għal tliet darbiet: ‘Xmun, bin Ġwanni, tħobbni?’ Kull darba li Ġesù jtenni din id-domanda, lil Pietru jiġih f’moħħu li hu kien ċaħdu, li kien qal li ma kienx jafu, u jistħi. Il-mistħija ta’ Pietru, le?

Insomma, dan Pietru huwa bniedem kbir. Midneb, midneb, imma l-Mulej iġiegħlu jħoss dan, lilu kif ukoll lilna, li lkoll aħna midinbin u li l-problema mhix li aħna midinbin, daqs kemm il-fatt li ma nindmux mid-dnub, li ma nistħux minn dak li nkunu għamilna. Dik hija l-problema. Imma Pietru jħossha din il-mistħija, din l-umiltà, le?

Biss Pietru kellu qalb kbira u dan iwasslu għal laqgħa ġdida ma’ Ġesù, għall-ferħ tal-maħfra, dik il-għaxija, meta nfexx jibki. Il-Mulej ma jmurx lura minn dak li kien wiegħed, jiġifieri, ‘Inti blata,’ u wkoll f’dak il-waqt jgħidlu: ‘Irgħa l-merħla tiegħi,’ u jafda l-merħla tiegħu lil midneb. Imma Pietru, ippreċiża l-Isqof ta’ Ruma, kien midneb, imma mhux korrott, eh? Midinbin iva, ilkoll, korrotti le!

Imbagħad il-Papa rrakkonta, kif spiss jiġri waqt dawn iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ filgħodu, episodju minn ħajtu stess. Huwa qal li darba sar jaf dwar saċerdot, kappillan tajjeb li kien jaħdem sewwa. Dan ġie nominat Isqof, u hu staħa għaliex ma ħassux den. Kellu turment spiritwali. Mar għand il-konfessur. Il-konfessur semgħu u mbagħad qallu: ‘Imma la tibża’ xejn. Ġaladarba b’dik il-waħda kbira li għamel Pietru, għamluh Papa, inti kompli miexi!’ Mela x’inhu?, il-Mulej huwa hekk. Il-Mulej huwa hekk. Il-Mulej jimmaturana permezz ta’ bosta laqgħat miegħu, ukoll bid-debbolizzi kollha tagħna, bid-dnubiet tagħna, meta aħna nagħrfuhom. Huwa hekk.

U l-istorja ta’ dan il-bniedem li ħalla lilu nnifsu jiġi mfassal – naħseb li hekk jingħad – b’tant laqgħat ma’ Ġesù, isservi għalina lkoll, għax ninsabu fl-istess triq, wara Ġesù, biex nipprattikaw l-Evanġelju. Pietru huwa kbir, imma mhux għaliex huwa duttur f’dan jew huwa wieħed bravu li għamel hekk. Le, huwa kbir, huwa nobbli, għax għandu qalb nobbli, u din in-nobbiltà twasslu għall-biki, twasslu għan-niket, għall-mistħija, imma wkoll biex jaqbad xogħlu li jirgħa l-merħla. U huwa eżempju għal kulħadd dan il-bniedem li jiltaqa’ kontinwament mal-Mulej, li jippurifikah, li jimmaturah iktar proprju b’dawn il-laqgħat, qal il-Papa Franġisku.

Fl-aħħar nett il-Qdusija Tiegħu talab lil kulħadd jitlob lill-Mulej jgħin lilna wkoll biex inkomplu navvanzaw, infittxu l-Mulej u niltaqgħu miegħu. Imma iktar minn dan, huwa importanti li nħallu lilna nfusna niltaqgħu mal-Mulej. Hu dejjem ifittixna, huwa dejjem qribna. Imma bosta drabi aħna nħarsu n-naħa l-oħra għaliex ma jkollniex aptit nitkellmu mal-Mulej, jew li nħallu lilna nfusna niltaqgħu mal-Mulej. Din hija grazzja. Hekk hi l-grazzja li jgħallimna Pietru.

Fiċ-ċelebrazzjoni ħadu sehem dipendenti tal-Mużewijiet Vatikani u l-istaff tas-Servizzi għas-Sikurezza tal-postijiet tax-xogħol fil-Vatikan.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb


Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading