Il-Papa f’Santa Marta: Manjieri tajba u drawwiet ħżiena

Print Friendly, PDF & Email

Is-Sibt, 18 ta’ Mejju 2013: Wara l-‘Insara tas-salott’ huma l-‘Insara qasqasa’ l-oġġett tas-sejħa l-ġdida tal-Papa Franġisku fil-konfront ta’ kemm tilfu s-sens tagħhom ta’ appartenenza għall-Knisja, għall-poplu ta’ Alla.

Dalgħodu, is-Sibt 18 ta’ Mejju 2013, waqt iċ-ċelebrazzjoni matutina fil-kappella tad-Domus Sanctæ Marthæ, Papa Bergoglio saħaq fuq id-drawwiet ħżiena li jikkontrastaw mal-manjieri tajbin li juru tant Insara. U fost id-drawwiet ħżiena hemm proprju dik li nintfu lil xulxin bil-kliem, bin-nuqqas ta’ informazzjoni u bil-kalunja. Il-Qdusija Tiegħu sostna li t-tqasqis huwa distruttiv fil-Knisja. 

Huwa veru li Ġesù kien jitkellem ferm ma’ Pietru u mal-oħrajn kollha, hekk kif l-Appostli kienu jitkellmu bejniethom u mal-oħrajn; imma dan kien djalogu ta’ mħabba.  Ġesù, fakkar il-Papa waqt l-omelija, kien staqsa iktar minn darba lil Pietru kienx iridlu l-ġid, kienx iħobbu iktar mill-oħrajn. Pietru kien wieġbu li iva u l-Mulej tah il-missjoni: ‘Irgħa l-merħla tiegħi.’ Dan kien proprju djalogu ta’ mħabba. Imma f’ċertu punt, spjega l-Qdusija Tiegħu, Pietru kellu t-tentazzjoni li jindaħal fil-ħajja ta’ ieħor, Ġuda. U wara li sar jaf li kien se jittradixxi, staqsa lil Ġesù għaliex kien għadu jħallih isegwih. Ġesù, għal darb’oħra, ikollu jċanfru: ‘Inti x’jimpurtak?’ Waqt li rrefera għas-silta evanġelika ta’ Ġwanni (21, 20-25), il-Papa kkonferma li din il-kelma kienet qawwija: ‘Lilek x’jimpurtak? La tindaħalx fil-ħajja tal-ieħor. Lilek x’jimpurtak jekk jien hekk irrid?’   

Pietru, spjega l-Isqof ta’ Ruma, huwa bniedem u għalhekk huwa wkoll iġarrab it-tentazzjoni li jindaħal fil-ħajja tal-oħrajn, jiġifieri, kif jingħad b’mod vulgari, jindaħal fejn ma jesgħux. Dan iseħħ ukoll fil-ħajja nisranija tagħna. Kemm drabi, staqsa l-Papa Franġisku, inkunu ttentati biex nagħmlu dan? Id-djalogu, dak id-djalogu ma’ Ġesù, jiġi mdawwar fuq linja oħra. U dan l-indħil fil-ħajja tal-oħrajn għandu tant modi. Fost dawn, il-Papa indika tnejn: it-taqbil dejjem mal-oħrajn u t-tqasqis.

Il-Qdusija Tiegħu ppuntwalizza li l-paragun huwa li dejjem nistaqsu: ‘Għaliex jiġrili dan u mhux dan? Alla mhux ġust!’ Biex jirrendi l-kunċett iktar ċar, ġab l-eżempju ta’ Santa Tereżina li, meta kienet tifla, kellha l-kurżità biex tifhem għaliex Ġesù ma kienx jidher ġust: lil wieħed jagħtih tant u lill-ieħor tant ftit. Kienet tifla u kienet staqsiet lil oħtha ikbar minnha.  Għarfa din oħtha!  Qabdet ħolqa tal-ħjata u tazza, imliethom it-tnejn bl-ilma, imbagħad staqsietha: ‘Għidli Tereżina, liema minn dawn it-tnejn hija l-iktar mimlija?’ ‘It-tnejn li huma mimlijin,’ wieġbet Tereżina. U hekk ukoll huwa Ġesù magħna; ma jimpurtahx jekk intix kbira, intix żgħira. Jinteressah intix mimlija bl-imħabba ta’ Ġesù u bil-grazzja ta’ Ġesù! Ġesù magħna hekk jagħmel.  Meta jsiru l-paraguni, nispiċċaw fil-qrusa u fl-għira: xi ħaġa li jrid ix-xitan. Nibdew billi nfaħħru lil Ġesù u mbagħad, minħabba din it-triq tat-taqbil, nispiċċaw fil-qrusa u wkoll fl-għira. Imma l-għira ssaddad il-komunità nisranija u tant tagħmel ħsara! Tant tagħmel ħsara lill-komunità nisranija.

It-tieni metodu li għalih irrefera l-Qdusija Tiegħu huwa magħmul mit-tqasqis, is-seksik. Jibda billi nuru li tant aħna edukati: ‘Imma jien ma rridx nitkellem ħażin dwar ħadd imma jidhirli li…,’ u mbagħad nispiċċaw biex inqaxxru lill-proxxmu. Hekk hu eżattament! Kemm tqasqis fil-Knisja! Kemm inseksku aħna l-Insara! U s-seksik huwa proprju tqaxxir, nagħmlu ħsara lil xulxin, bħallikieku rridu nċekknu lill-ieħor biex nidhru kbar aħna. Għall-Papa dan mhux sewwa! Jidher sabiħ li tqasqas… ma nafx għaliex, imma jidher sabiħ. Bħall-karamelli tal-għasel, le? Tieħu waħda u tgħid: ‘Ah, xi ħlew!’ U mbagħad tieħu oħra u oħra u oħra u fl-aħħar jaqbdek uġigħ ta’ żaqq. It-tqasqis huwa hekk: huwa ħelu fil-bidu u mbagħad jirrovinak, jirrovinalek ruħek! It-tqasqis u s-seksik huma distruttivi fil-Knisja.  Huma distruttivi.  Huma ftit jew wisq l-ispirtu ta’ Kajjin: toqtol lil ħuk bi lsienek. U dan tagħmlu b’manjieri tajbin. Imma f’din it-triq insiru Nsara tal-manjieri tajbin u ta’ drawwiet ħżiena! Insara edukati, imma kattivi.

Għalhekk il-Qdusija Tiegħu elenka tliet imġibiet negattivi oħra. Fuq kollox in-nuqqas ta’ informazzjoni, jiġifieri meta ngħidu biss in-nofs li jaqbel lilna u mhux in-nofs l-ieħor: in-nofs l-ieħor ma ngħiduhx għaliex mhux konvenjenti għalina. Imbagħad id-difamazzjoni: meta hekk kif persuna veru għandha difett, allura tkun għamlet waħda kbira, din hemm bżonn nirrakkontawha.  Nagħmluha tal-ġurnalisti, le?, u l-fama ta’ dik il-persuna tiġi rovinata! U t-tielet insibu l-kalunja: tgħid affarijiet li mhumiex minnhom. Dan huwa proprju qtil ta’ ħuk!

Id-diżinformazzjoni, id-difamazzjoni u l-kalunja huma dnub! Dawn huma dnub! Dawn huma għoti ta’ daqqa ta’ ħarta lil Ġesù permezz ta’ wliedu, ta’ ħutu. U l-Mulej dan jafu, għaliex jaf kif aħna.  Minħabba f’dan jgħid lil Pietru: ‘Int x’jimpurtak? Int imxi warajja!’ Proprju uri t-triq: la tħarisx ’il hawn u lanqas ’il hinn. It-taqbil mal-oħrajn ma jagħmillekx ġid, imma jwasslek għall-għira u l-qrusa. Imxi warajja! It-tqasqis u s-seksik ma jagħmlulekx ġid, għax iwassluk proprju għal dan l-ispirtu ta’ qerda fil-Knisja. Imxi warajja! Sabiħa din il-kelma ta’ Ġesù; hija tant ċara, hija tant maħbuba għalina.  Bħal donnha tgħidilna: la toħolmux billi taħsbu li s-salvazzjoni tinsab fit-taqbil mal-oħrajn jew fit-tqasqis. Is-salvazzjoni hija li timxi warajja. Insegwu lil Ġesù!

Għalhekk il-Papa ħeġġeġ biex illum nitolbu lil Ġesù li jtina din il-grazzja li ma nindaħlu qatt fil-ħajja tal-oħrajn, biex ma nsirux Insara tal-manjieri tajbin u ta’ drawwiet kattivi.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb


Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading