Il-Papa f’Santa Marta: Is-salarju tan-Nisrani

Print Friendly, PDF & Email

It-Tlieta, 28 ta’ Mejju 2013: It-tbatija hija parti mill-ħajja; imma għan-Nisrani msejjaħ biex isegwi l-istess triq ta’ Kristu, din issir valur miżjud. Iktar u iktar meta tippreżenta ruħha taħt forma ta’ persekuzzjoni, minħabba l-ispirtu tad-dinja li ma jittollerax ix-xhieda nisranija. Din kienet fil-qosor ir-riflessjoni tal-Papa waqt il-quddiesa ċċelebrata fil-kappella tad-Domus Sanctæ Marthæ, it-Tlieta filgħodu, 28 ta’ Mejju 2013. Waqt li kkummenta l-Evanġelju tal-jum (Mark10, 28-31), il-Papa reġa’ qabad ir-riflessjoni dwar id-djalogu ta’ Ġesù maż-żagħżugħ għani li kien staqsieh kif jikseb il-ħajja eterna. Fil-fatt fakkar li Pietru kien sema’ t-twissijiet ta’ Ġesù rigward l-għana, li tirrendi tant difficli d-dħul fir-renju ta’ Alla.

Wara l-kliem tal-Mulej, Pietru jistaqsih: ‘Kollox sew, imma aħna ħallejna kollox għalik. X’se jkun is-salarju? Kif se jkun il-premju?’ It-tweġiba ta’ Ġesù forsi hija ftit jew xejn ironika: ‘Imma iva, anke int, u intom ilkoll li tlaqtu lil darkom, lil ħutkom, lil ommkom, lil uliedkom, l-għelieqi tagħkom, ikollkom mitt darba iktar minn dawn; imma dawn tiksbuhom minħabba li tridu taffrontaw il-persekuzzjoni,’ deskritta bħala ‘s-salarju’, jew aħjar il-pagament tad-dixxiplu.

Għal min isegwih Gesù jassigura l-appartenenza għall-familja tal-Insara u jfakkar li aħna lkoll aħwa. Imma jwissi wkoll li se jkun hemm il-persekuzzjonijiet, id-diffikultajiet, waqt li rega’ dar fuq l-istess suġġett: ‘Min jimxi warajja, hemm bżonn li jagħmel l-istess triq li għamilt jien,’ triq, spjega l-Papa, li twassal biex tbaxxik u li tintemm fuq is-salib. Ikun hemm dejjem id-diffikultajiet li jiġu mid-dinja u l-persekuzzjonijiet, għaliex Huwa għamel din it-triq l-ewwel wieħed. Meta Nisrani ma jkollux diffikultajiet fil-ħajja u kollox imur sew, kollox ikun sabiħ, xi ħaġa ma tkunx flokha. Ikollok taħseb li hu jkun ċeda għat-tentazzjoni li jsegwi l-ispirtu tad-dinja pjuttost milli lil Ġesù.

Li ssegwi lill-Mulej, irrepeta l-Isqof ta’ Ruma, ifisser li dan tagħmlu sal-aħħar. Il-mixja wara Kristu ma tistax tibqa’ biss espressjoni kulturali. Wisq inqas tista’ tkun mod kif takkwista l-poter. Rigward dan il-Papa osserva li l-istorja tal-Knisja hija mimlija b’dan, ibda minn diversi imperaturi, imbagħad tant mexxejja, tant persuni. U wkoll xi saċerdoti u diversi isqfijiet. Mhumiex bosta, kompla jgħid il-Papa, filwaqt li żied li xi wħud, imma, jaħsbu illi li ssegwi lil Ġesù huwa li tagħmel karriera.

Dan kunċett, qal il-Papa Franġisku, li fil-letteratura ta’ żmien ilu seta’ jinstab fil-bijografiji tal-qaddisin, fejn wieħed kien imdorri jaqra li minn tifel kellu x-xewqa li jaqbad il-karriera ekkleżjastika. Hekk kien jingħad; kien mod kif jingħad. Imma bosta Nsara, ittentati mill-ispirtu tad-dinja, żied il-Papa, jaħsbu li, li ssegwi lil Ġesù hija ħaġa tajba għaliex hekk tkun tista’ tagħmel karriera, tista’ timxi ’l quddiem. B’danakollu, dak mhux l-ispirtu, kompla l-Qdusija Tiegħu.  Dan hu pjuttost l-atteġġjament ta’ Pietru, li jistaqsi: ‘U aħna x’karriera se nagħmlu?’ It-tweġiba ta’ Ġesù iżda hija: ‘Iva, nagħtik kollox, bil-persekuzzjoni.’

Mhux possibbli, ikkummenta l-Isqof ta’ Ruma, li twarrab is-salib mit-triq ta’ Ġesù; dan jinsab dejjem hemm. Bla dubju n-Nisrani m’għandu qatt jagħmel ħażin.  Mhux hekk?, speċifika l-Papa, waqt li żied li n-Nisrani isegwi lil Ġesù bi mħabba u meta jsegwi lil Ġesù bi mħabba, l-għira tax-xitan tant twettaq ħwejjeġ. L-ispirtu tad-dinja dan ma jittollerahx, ma jittollera l-ebda xhieda.

Hawnhekk il-Qdusija Tiegħu talab lil dawk preżenti jaħsbu f’Madre Tereża, li hija meqjusa bħala figura pożittiva li tant wettqet ħwejjeġ sbieħ għall-oħrajn. L-ispirtu tad-dinja qatt ma jgħid li l-Beata Tereża ta’ kuljum kienet tgħaddi tant sigħat fl-adorazzjoni; qatt. Jirriduċi l-attività nisranija tagħha għal għemil soċjali tajjeb. Bħallikieku l-eżistenza nisranija kienet xi żebgħa, passata ta’ kristjaneżmu. Imma l-aħbar ta’ Ġesù mhix passata: tippenetra fl-għadam, tmur dritt għall-qalb, tidħol ġewwa u tibdilna. Huwa dan li ma jittollerax l-ispirtu tad-dinja.  Ma jittollerahx, u huwa minħabba f’hekk li jiġu l-persekuzzjonijiet.

Minn hawn toħroġ l-istedina biex naħsbu dwar it-tweġiba ta’ Ġesù: ‘M’hemm ħadd li ħalla dar jew aħwa jew ommijiet jew missirijiet jew ulied inkella għelieqi minħabba fija jew minħabba l-Evanġelju, li ma jirċevix diġà issa, f’dan il-waqt, mitt darba iktar.’ Ma ninsewhx dan. Issegwi lil Ġesù bi mħabba pass wara pass: dan huwa s-segwitu ta’ Kristu, temm jgħid il-Qdusija Tiegħu. Imma l-ispirtu tad-dinja jkompli ma jittollerax u jġiegħel lill-Insara jbatu. Din hija, iżda, tbatija bħal dik li Ġesù ssaporta. Għalhekk il-Papa ħeġġeġ biex nitolbu din il-grazzja: li nsegwu lil Ġesù fit-triq li huwa wriena, li huwa għallimna.  Hu qatt ma jħallina waħedna, qatt. Huwa dejjem magħna.

Mal-Papa kkonċelebraw, fost l-oħrajn, l-Arċisqfijiet Rino Fisichella u  José Octavio Ruiz Arenas, president u segretarju rispettivament tal-Kunsill Pontifiċju għall-Promozzjoni tal-Evanġelizzazzjoni l-Ġdida. Magħhom, fost dawk preżenti, kien hemm il-kollaboraturi fid-dikasteru, il-ħaddiema tal-impjant termoelettriku u l-mastrudaxxi tal-Governorat tal-Istat tal-Belt tal-Vatikan.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb


Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading