Il-Papa f’Santa Marta: Il-ħin ta’ Alla

Print Friendly, PDF & Email

It-Tnejn, 27 ta’ Mejju 2013: Il-gost tat-temporanju, is-sensazzjoni li tkun padrun tal-ħin, u l-kultura tal-għana akkost ta’ kollox, spiss jimpedixxu lill-bniedem tallum milli jsegwi lill-Ġesù mill-qrib. Jidhru donnhom żewġ rikkezzi imma fil-fatt ma jġegħluniex nimxu ’l quddiem, qal il-Papa Franġisku waqt li kkummenta dwar ir-rakkont tal-Evanġelju ta’ Marku (10, 17-27) moqri waqt il-quddiesa tat-Tnejn 27 ta’ Mejju 2013, fil-kappella tad-Domus Sanctæ Marthæ.

L-evanġelista jirrakkonta dwar l-għani li jersaq lejn Ġesù biex jistaqsih kif jikseb il-ħajja eterna. Il-Papa spjega li dan kien bniedem tajjeb: imur isib lil Ġesù u jinxteħet għarkupptejh quddiemu; bniedem li kellu l-ħniena f’qalbu; bniedem reliġjuż; bniedem ġust. Imma jmur għand Ġesù għaliex iħoss xi ħaġa ġewwa fih; iħoss ix-xewqa li jmur iktar ’il quddiem, li jsegwi lil Ġesù iktar mill-qrib: kien proprju l-Ispirtu s-Santu li mbuttah.

Ir-raġel jassigura lil Ġesù li hu jsegwi l-kmandamenti. U jistaqsih kif ikompli javvanza. Imma għat-talba ta’ Ġesù, li jħobbu, biex ibigħ ġidu kollu qabel ma jsegwih, dan ir-raġel tajjeb, ir-raġel ġust – raġel imbuttat mill-Ispirtu s-Santu biex ikompli miexi ’l quddiem, iktar qrib ta’ Ġesù – jaqta’ qalbu: għal dawn il-kliem wiċċu ddallam u telaq imdejjaq. U Ġesù, waqt li dawwar ħarstu madwaru, qal lid-dixxipli tiegħu: ‘Kemm huwa diffiċli għal dawk li għandhom ir-rikkezzi biex jidħlu fir-renju ta’ Alla,’ fakkar il-Qdusija Tiegħu.

Mela, spjega l-Papa, ir-rikkezzi huma impediment, xi ħaġa li tirrendi mhux faċli l-mixja lejn is-saltna ta’ Alla. Kull wieħed u waħda minna għandna r-rikkezzi tagħna, imma spiss jiġri li dawn ir-rikkezzi  jżommuna lura milli mmorru qrib Ġesù u  kultant saħansitra anke jġibulna n-niket.  Għalhekk, tenna l-Papa, hemm bżonn li lkoll kemm aħna nagħmlu eżami tal-kuxjenza dwar liema huma r-rikkezzi tagħna li qegħdin iżommuna milli noqorbu lejn Ġesù fit-triq tagħna tal-ħajja. Dawn huma rikkezzi li joħorġu mill-kultura tagħna. L-ewwel rikkezza hija l-ġid:  il-kultura tal-ġid li jirrendina ftit li xejn qalbiena, li jirrendina għażzenin, li jagħmilna wkoll egoisti. Kultant il-ġid jilluppjana, għaliex fl-aħħar mill-aħħar fil-ġid inkunu sewwa. Anke quddiem l-għażla li jkollna iben, inħallu lilna nfusna niġu kkundizzjonati mill-ġid.

Il-Papa immaġina djalogu bejn koppja ta’ miżżewġin: ‘Le, le, iktar minn iben wieħed, le! Għaliex ma nkunux nistgħu nieħdu vaganza, ma nkunux nistgħu mmorru hawn, ma nkunux nistgħu nixtru d-dar, le! Kollox sew insegwu lill-Mulej, imma sa ċertu punt.’ Dan hu li jagħmel il-ġid, ikkummenta l-Papa. Ilkoll nafu sew kif jagħmel il-ġid. Imma dan jitfagħna ’l isfel, ineżżagħna minn dak il-kuraġġ, minn dak il-kuraġġ qawwi biex immorru qrib Ġesù. Madankollu din hija l-ewwel rikkezza tal-kultura tagħna tallum, il-kultura tal-ġid.

Barra minn din, il-Papa indikalna rikkezza oħra li żżommna milli mmorru qrib Ġesù: il-gost tat-temporanju. Aħna namrati tat-temporanju, waqt li l-proposti ta’ Ġesù huma definittivi. It-temporanju jogħġobna għaliex nibżgħu mill-ħin ta’ Alla, li huwa ħin definittiv.  U kif spiss jiġri, il-Papa ppropona tifkira tal-esperjenza personali tiegħu meta qal li kien sema’ dwar wieħed li xtaq isir saċerdot, imma għal għaxar snin biss, mhux għal iktar. U l-istess qed jiġri għal tant koppji li jiżzewġu bil-ħsieb li sakemm tibqa’ l-imħabba u mbagħad naraw. Huwa dan il-gost tat-temporanju t-tieni rikkezza li taffaxxina lill-bnedmin tallum, u li timbuttahom, b’mod partikolari, biex isiru padruni tal-ħin: nirrendu żgħir il-ħin għal mument.

Il-ġid u t-temporanjetà huma appuntu ż-żewġ rikkezzi li fis-soċjetà kontemporanja jimpeduna milli navvanzaw ’il quddiem. Kuntrarju għal dan, il-Papa mar għal dawk it-tant irġiel u nisa li ħallew pajjiżhom biex imorru bħala missjunarji għal għomorhom kollu; u għal tant irġiel u nisa li ħallew djarhom biex iwettqu żwieġ għal ħajjithom kollha u waslu sal-aħħar. Dan, saħaq il-Papa, ifisser issegwi lil Ġesù mill-qrib; dan hu d-definittiv. Waqt li t-temporanju mhux li ssegwi lil Ġesù; it-temporanju huwa territorju tagħna, li fih aħna l-padruni.

Minn hawn toħroġ l-eżortazzjoni tal-Papa li, quddiem l-istedina ta’ Ġesù, quddiem dawn iż-żewġ rikkezzi kulturali, naħsbu dwar id-dixxipli li kienu mħawda. Anke aħna nistgħu nitħawdu b’dan id-diskors ta’ Ġesù; u meta Ġesù spjega xi ħaġa, baqgħu ferm iktar mistagħġba.  Hawnhekk il-Papa għamel din l-istedina konklussiva:  Nitolbu lill-Mulej li jagħtina l-kuraġġ li nimxu ’l quddiem, li nitneżżgħu minn din il-kultura tal-ġid permezz tat-tama, li hija l-għan tal-mixja fejn jistenniena Hu, fil-ħin; u mhux bit-tama żgħira tal-mument, li m’għadhiex tiffunzjona.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb


%d bloggers like this: