Il-Papa f’Santa Marta: Ix-xjenza diffiċli tal-imħabba

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ġimgħa, 7 ta’ Ġunju 2013: Ix-xjenza taż-żegħil timmanifesta żewġ pilastri tal-imħabba: il-viċinanza u t-tenerezza. U Ġesù jafha sewwa din ix-xjenza. Dan qalu l-Papa Franġisku waqt li dalgħodu, il-Ġimgħa 7 ta’ Ġunju 2013,  iċċelebra l-quddiesa tas-solennità tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù fil-kappella tad-Domus Sanctæ Marthæ. Miegħu, fost l-oħrajn, ikkonċelebraw l-Arċisqof Jean-Louis Bruguès, arkivista u bibljotekarju tal-Knisja Mqaddsa Rumana, u l-Isqof Sergio Pagano, Prefett tal-Arkivju Sigriet tal-Vatikan, li kienu qegħdin jakkumpanjaw grupp ta’ dipendenti tal-istituzzjoni.

Waqt li rrefera għall-qari tal-jum – meħudin mill-ktieb tal-profeta Eżekjel (34, 11-16), mill-ittra ta’ San Pawl lir-Rumani (5, 5-11) u mill-Evanġelju ta’ San Luqa (15, 3-7) – il-Papa ddefinixxa s-solennità tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù bħala l-festa tal-imħabba: Ġesù ried jurina qalbu bħala l-qalb li tant ħabbet. Għalhekk illum nagħmlu din il-kommemorazzjoni tal-imħabba ta’ Alla. Fuq kollox, Alla ħabbna, ħabbna tant. Naħseb dwar dak li kien jgħidilna Sant’Injazju.  Huwa kien jindikalna żewġ kriterji dwar l-imħabba. L-ewwel: l-imħabba timmanifesta ruħha iktar fl-opri milli fil-kliem;  it-tieni: l-imħabba tinsab iktar f’li tagħti milli f’li tirċievi.

Huma ż-żewġ kriterji li dwarhom, fit-tieni ittra, Pawlu jgħidilna: ‘Meta kien għadna dgħajfin, Ġesù, fiż-żmien stabbilit, miet għall-kattivi.’ Ġesù ħabbna mhux bil-kliem imma bl-opri, b’ħajtu. U tana, irregalalna bla ma rċieva xejn mingħandna. Dawn iż-żewġ kriterji huma bħall-pilastri tal-imħabba: l-opri u l-għoti.  Waqt li spjega s-sens ta’ dawn iż-żewġ kriterji, il-Qdusija Tiegħu nnota li l-għoti ta’ Ġesù huwa spjegat sewwa fil-figura tas-samaritan it-tajjeb. Imbagħad żied li l-liturġija tal-ġurnata turina l-imħabba ta’ Alla fil-figura tar-ragħaj. Fil-kantiku responsorjali għidna dak is-salm [22]: ‘Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi.’ Il-Mulej jimmanifesta ruħu lill-poplu tiegħu anke bħala ragħaj.

Imma, staqsa l-Papa, il-Mulej kif jaġixxi ta’ ragħaj? U, filwaqt li ppuntwalizza li l-Mulej jgħidilna tant affarijiet, kompla li kien se jieqaf fuq tnejn minnhom biss. L-ewwel waħda tinsab fil-ktieb tal-profeta Eżekjel: ‘Hekk hu, jien stess infittex in-nagħaġ tiegħi, ngħaddihom fir-rassenja.’ Jgħaddihom fir-rassenja jfisser li jafhom ilkoll, imma b’isimhom: ‘ngħaddihom fir-rassenja’. U Ġesù jgħidilna l-istess: ‘Jien nafhom in-nagħaġ tiegħi.’ Dik in-‘nafhom’ tfisser li jafhom waħda waħda, b’isimhom. Hekk jafna Alla: ma jafniex bħala grupp, imma waħda waħda. Għaliex – spjega mill-ġdid l-Isqof ta’ Ruma – l-imħabba mhix imħabba astratta, jew ġenerali, għal kulħadd; hija mħabba għal kull wieħed. U hekk iħobbna Alla.

Dan kollu jittraduċi ruħu f’viċinanza.  Alla, innota l-Papa, għamel lilu nnifsu qribna. Niftakru dik il-biċċa sabiħa tad-Dewteronomju, dik iċ-ċanfira amorevoli: ‘Liema poplu kellu Alla hekk qrib tiegħu bħalkom?’ Alla li jqarreb lilu nnifsu għall-imħabba u jimxi mal-poplu tiegħu. U dan il-mixi jasal sa punt inimmaġinabbli: qatt ma jista’ wieħed jaħseb li l-istess Mulej jagħmel lilu nnifsu wieħed minna u jimxi magħna, u jibqa’ magħna, jibqa’ fil-Knisja tiegħu, jibqa’ fl-Ewkaristija, jibqa’ f’Kelmtu, jibqa’ fil-foqra u jibqa’ magħna waqt li nimxu. Din hija l-viċinanza:  ir-ragħaj qrib il-merħla tiegħu, in-nagħaġ tiegħu li huwa jaf waħda waħda.

Waqt li waqaf fuq l-atteġġjament l-ieħor tal-imħabba ta’ Alla, il-Papa nnota li jitkellmu dwaru kemm il-profeta Eżekjel, kif ukoll l-Evanġelju: ‘Immur infittex in-nagħga l-mitlufa u nġib lura lejn il-maqjel il-mitlufa, ninfaxxa lil dik feruta u nikkura lil dik marida, nieħu ħsieb il-ħoxna, u lil dik b’saħħitha nirgħaha bil-ġustizzja, bil-ħlewwa.’ Il-Mulej iħobbna bis-sensibilità. Il-Mulej jaf dik ix-xjenza sabiħa taż-żegħil. Il-ħlewwa ta’ Alla: ma jħobbniex bil-kliem, imma huwa jersaq qrib u waqt li jkun qrib jagħtina mħabbtu bis-sensibilità kollha possibbli. Il-viċinanza u s-sensibilità mela huma ż-żewġ modi tal-imħabba tal-Mulej: li jersaq qrib u jagħti mħabbtu kollha, anke fl-iżgħar ħwejjeġ, bis-sensibilità. Madankollu din hija mħabba qawwija. Għaliex il-viċinanza u s-sensibilità jġegħluna naraw il-qawwa tal-imħabba ta’ Alla.

Anke mħabbitna – dan jgħidulna l-Mulej: ‘Tħobbu intom bħal ma ħabbejtkom jien?’ – hemm bżonn li tqarribna lejn il-proxxmu u tagħmilna sensibbli bħal ma kien is-samaritan it-tajjeb, jew bħal dik li l-Knisja llum tippreżentalna fil-parabbola tal-Evanġelju, żied il-Papa. Imma aħna kif nistgħu nagħtu lura lill-Mulej tant affarijiet sbieħ, tant imħabba, din il-viċinanza, din is-sensibilità? Bla dubju ta’ xejn, qal il-Papa, nistgħu ngħidu ‘iva’ billi nħobbuh, insiru viċin tiegħu, sensibbli bħalu. Iva, dan hu minnu, imma mhix il-ħaġa l-iktar importanti. Tista’ tidher ereżija imma hija l-ikbar verità: iktar diffiċli li nħallu li nkunu maħbuba minn Alla milli li nħobbuh! Huwa dan il-metodu biex inroddulu tant imħabba: niftħu qlubna u nħallu li nkunu maħbuba. Inħallu li hu jsir qrib tagħna. Inħalluh li jkun sensibbli, li jikkarezzana.

Dan, ikkonkluda l-Papa, huwa  tant diffiċli: li nħallu li nkunu maħbubin minnu. U dan huwa forsi dak li jmissna nitolbu llum fil-quddiesa: ‘Mulej jien irrid inħobbok, imma għallimni x-xjenza diffiċli, l-abitudni diffiċli li nħalli lili nnifsi nkun maħbub minnek, li nħossok qrib u li nħossok sensibbli.’

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb


Leave a Reply

%d bloggers like this: