Il-Papa f’Santa Marta: Biex nikxfu l-idoli moħbija

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħamis, 6 ta’ Ġunju 2013: Kienet stedina biex niskopru l-idoli moħbija fit-tant pjiegi li għandna fil-personalità tagħna, biex nikkaċċjaw l-idolu tal-mondanità li jwassalna biex insiru għedewwa ta’ Alla, dik imwassla mill-Papa Franġisku waqt il-quddiesa ta’ dalgħodu, il-Ħamis 6 ta’ Ġunju 2013, fil-kappella tad-Domus Sanctæ Marthæ.  Fost dawk preżenti kien hemm dipendenti tal-Bibljoteka Apostolika Vatikana u tal-Università Pontifiċja Laterana.

L-eżortazzjoni biex naqbdu t-triq tal-imħabba lejn Alla, biex nerħulha fil-mixja ħalli naslu fir-renju tiegħu, kienet il-koronament ta’ riflessjoni ċċentrata fuq is-silta tal-Evanġelju ta’ San Mark (12, 28-34) li fiha Ġesù jwieġeb lill-iskriba li jistaqsih dwar liema huwa l-kmandament l-iktar importanti fost il-kmandamenti kollha. L-ewwel notament tal-Papa kien li Ġesù ma jweġibx bi spjega imma billi juża l-kelma ta’ Alla: ‘Isma’ Iżrael! Il-Mulej Alla tagħna huwa l-uniku Mulej.’ Dan, qal il-Papa, mhuwiex kliem ta’ Ġesù. Infatti, huwa jdur fuq l-iskriba, bħalma kien għamel ma’ Satana fit-tentazzjonijiet, bil-kelma ta’ Alla: mhux bi kliemu. U dan jagħmlu billi juża l-kredu ta’ Iżrael, dak li l-Ebrej kollha, ta’ kuljum, u diversi drabi kuljum, jgħidu: ‘Shema Israel! Ftakar Iżrael, li tħobb lil Alla biss.”

B’riferenza għal dan, il-Papa stqarr li kien jifhem li l-iskriba in kwistjoni forsi ma kienx xi qaddis, u kellu f’moħħu li jipprova lil Ġesù jew ukoll li jdaħħlu f’nassa. Insomma, l-intenzjonijiet tiegħu xejn ma kienu mill-aħjar, għaliex meta Ġesù wieġeb bil-kelma ta’ Alla, ried jgħid li fin-nofs kien hemm tentazzjoni. U dan jidher ukoll meta l-iskriba jgħidlu: ‘Għidt sewwa Mgħallem,’ u b’hekk ta l-impressjoni li hu kien japprova t-tweġiba. Għal dan Ġesù jwieġbu, ‘M’intix bogħod mir-renju ta’ Alla. Inti tafha sewwa t-teorija, inti taf sewwa li dan huwa hekk, imma għad jonqsok xi ħaġa biex tasal fir-renju ta’ Alla.’ Dan ifisser li hemm bżonn li taqbad it-triq biex tasal fir-renju ta’ Alla; jenħtieġ li tpoġgi dan il-kmandament fil-prattika.

Minħabba dan, l-istqarrija ta’ Alla ssir fil-ħajja, fil-mixja tal-ħajja.  Mhux biżżejjed, wissa l-Papa, li tgħid: ‘Jien nemmen f’Alla l-uniku’; imma hemm bżonn li tistaqsi lilek innifsek kif tgħix dan il-kmandament. Fir-realtà, spiss inkomplu ngħixu bħallikieku hu ma hux l-uniku Alla u bħallikieku kien hemm divinitajiet oħra għad-dispożizzjoni tagħna. Dan huwa dak li l-Papa Franġisku ddefinixxa bħala l-periklu tal-idolatrija li jitwassal lilna bl-ispirtu tad-dinja. U fuq dan Ġesù kien dejjem ċar, li l-ispirtu tad-dinja, le. Tant li fl-aħħar ċena jitlob lill-Missier li jiddefendina mill-ispirtu tad-dinja, għaliex dan iwassalna għall-idolatrija. Anke l-Appostlu Ġakbu, fir-raba’ kapitlu tal-ittra tiegħu għandu ideat ċarissimi: min hu ħabib tad-dinja huwa għadu ta’ Alla. M’hemmx għażla oħra. L-istess Ġesù kien uża kliem simili, fakkar il-Qdusija Tiegħu: ‘jew Alla jew il-flus; ma tistax taqdi lill-flus u lil Alla.’

Għall-Papa Franġisku huwa l-ispirtu tad-dinja li jwassalna għall-idolatrija u dan jagħmlu bil-makakkerija. Il-Qdusija Tiegħu kien ċert li ħadd minna ma jmur quddiem siġra biex jaduraha bħala idolu, ħadd minna m’għandu statwi x’jadura ġewwa daru, imma wissiena biex ngħassu għaliex l-idolatrija hija fina.  Aħna għandna l-idoli tagħna moħbija, u t-triq tal-ħajja biex naslu, biex ma tkunx bogħod mir-renju ta’ Alla, hija triq li titlobna li nsibu l-idoli moħbija. U din hija biċċa xogħol impenjattiva, meta tqis li spiss inżommuhom moħbijin sewwa. Kif għamlet Rakele meta ħarbet ma’ żewġha Ġakobb minn dar missierha Laban, u billi kienet serqitlu l-idoli, ħbiethom taħt is-sarġ li kienet bilqiegħda fuqu. Hekk, meta missierha stedinha biex tqum, weġbitu b’ħafna skużi, b’ħafna argumenti, sabiex taħbi l-idoli. L-istess, skont il-Papa, nagħmlu aħna, inżommu l-idoli tagħna moħbijin taħt is-sraġ tagħna. Għalhekk irridu nfittxuhom u rridu neqirduhom, bħalma Mosè qered l-idolu tad-deheb fid-deżert.

Imma kif nistgħu nikxfu dawn l-idoli? Il-Qdusija Tiegħu offra kriterju ta’ valutazzjoni: huma dawk li jagħmlu l-kuntrarju tal-kmandament: ‘Isma’ Iżrael! Il-Mulej Alla tagħna huwa l-uniku Mulej.’ Għalhekk, it-triq tal-imħabba lejn Alla – ħobb lill-Mulej Alla tiegħek b’qalbek kollha u b’ruħek kollha – hija triq ta’ mħabba, hija triq ta’ fedeltà, sal-punt li l-Mulej jieħu gost iqabbel lil din it-triq mal-imħabba taż-żwieġ. Il-Mulej isejjaħ lill-Knisja, għarusa; isejjaħ lil ruħna, għarusa. Jiġifieri jitkellem dwar imħabba li tant tixbah lill-imħabba taż-żwieġ, imħabba ta’ fedeltà. Hija din tal-aħħar li timponilna li nikkaċċjaw l-idoli, li niskopruhom, għaliex jinsabu hemm, u jinsabu moħbija sewwa fil-personalità tagħna, fil-kwalità ta’ ħajjitna, u jirrenduna infidili fl-imħabba. Mhux ta’ b’xejn li l-Appostlu Ġakbu jwissi li min hu ħabib tad-dinja huwa għadu ta’ Alla u jibda biex iċanfarna u juża t-terminu ‘adulteri’, għaliex min hu ħabib tad-dinja huwa idolatra u xejn mhu fidil lejn l-imħabba ta’ Alla.

Gesù mela ppropona ‘triq ta’ fedeltà’, skont espressjoni li l-Papa Franġisku jsib f’waħda mill-ittri tal-Appostlu Pawlu lil Timotju: ‘Jekk int m’intix fidil mal-Mulej, hu jibqa’ fidil, għax ma jistax jiċħad lilu nnifsu.’ Hu huwa l-fedeltà sħiħa. Hu ma jistax ikun infidel. Daqstant hija l-imħabba li għandu għalina. Waqt li aħna, bl-idolatriji żgħar – u kultant mhux tant żgħar – li għandna, bl-imħabba lejn l-ispirtu tad-dinja, nistgħu nsiru infidili. Il-fedeltà hija l-essenza ta’ Alla li jħobbna.

Minn hawn l-istedina konklużiva tal-Qdusija Tiegħu biex nitolbu hekk: ‘Mulej, inti tant twajjeb. Għallimni din it-triq biex kuljum inkun inqas bogħod mir-renju ta’ Alla; għallimni din it-triq biex nikkaċċja l-idoli kollha tiegħi.’ Din hija ħaġa diffiċli, ammetta l-Papa, imma hemm bżonn li nibdew.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb


Leave a Reply

%d bloggers like this: