Il-Papa f’Santa Marta: Bejn stagħġib u memorja

Print Friendly, PDF & Email

Is-Sibt, 8 ta’ Ġunju 2013: Il-Kelma ta’ Alla, dik li biss tismagħha tqanqal stagħġib, għandha tkun mgħassa b’mod ġeluż fil-profond tal-qalb. Dan qalu l-Papa Franġisku dalgħodu, is-Sibt 8 ta’ Ġunju 2013, waqt il-quddiesa ċċelebrata fil-kappella tad-Domus Sanctæ Marthæ.

Fl-omelija l-Papa għamel aċċent proprju fuq l-istagħġib. Dak kien li ħafen lil dawk kollha li semgħu lil Ġesù ta’ tnax-il sena fit-tempju quddiem l-għorrief li kienu jinterrogawh, kif jirrakkonta l-Evanġelju ta’ San Luqa (2, 41-51), hekk bħal ma baqgħu mistagħġbin Ġużeppi u Marija hekk kif sabu lil Ġesù wara tlett ijiem ifittxuh. L-għorrief  kienu mistagħġba, ippuntwalizza l-Papa, u Ġużeppi u Marija hekk kif raw lil Ġesù baqgħu mistagħġbin.  Mela, l-ewwel effett tal-Kelma ta’ Alla huwa dak ta’ stagħġib, minħabba li fiha aħna nsibu s-sens tad-divin, sostna l-Qdusija Tiegħu. U mbagħad timliena bil-ferħ: dan huwa mument li fih il-Kelma ta’ Alla tinżera’ ġewwa qalbna.

Madankollu m’għandniex ngħixu l-istagħġib biss fil-waqt li fih niġu mqanqla mill-Kelma: din hi xi ħaġa li trid iġgorr miegħek tul ħajtek kollha, fost għassa. Hemm bżonn li ngħassu l-Kelma ta’ Alla, u dan, sostna l-Papa Franġisku, jgħidu l-Evanġelju: ‘Ommu kienet tgħasses il-ħwejjeġ kollha f’qalbha.’ Tgħasses il-Kelma ta’ Alla: espressjoni li, reġa’ sostna l-Papa, fir-rakkonti evanġeliċi nsibuha spiss.  Anke fil-lejl tat-twelid ta’ Ġesù, wara ż-żjara tar-rgħajja Marija hija mistagħġba.

Il-Papa Franġisku mbagħad irrifletta fuq is-sinifikat tal-għassa tal-Kelma ta’ Alla u staqsa: Jiena nirċievi l-Kelma, imbagħad naqbad flixkun, inqiegħed il-Kelma fil-flixkun, u ngħassisha? Tgħasses il-Kelma ta’ Alla, wieġeb il-Papa, ifisser niftħu l-qlub tagħna għal dik il-Kelma, bħal ma l-art tinfetaħ biex tirċievi ż-żerriegħa. Il-Kelma ta’ Alla hija żerriegħa u tiġi miżrugħa. U Ġesù qalilna x’jiġri miż-żerriegħa. Uħud jaqgħu fil-mogħdija u jiġu u jikluhom l-għasafar, u dan iseħħ meta l-Kelma ma tkunx mgħassa, li jfisser li ċerti qlub ma jafux jirċevuha. Jiġri wkoll li żrieragħ oħrajn jaqgħu f’art b’ħafna ġebel u ż-żerriegħa ma jirnexxilhiex tifrex għeruqha, u tmut.  Jiġifieri, meta ma nkunux tajbin għal din l-għassa, dan għaliex ma nkunux kostanti u meta jiġi l-inkwiet ninsew.

Franġisku żied li l-Kelma taqa’ wkoll fuq art mhix imħejjija, fejn hemm ix-xewk, u fl-aħħar tmut għaliex mhix mgħassa. Imma x’inhu x-xewk? Jgħidu Ġesù stess: ir-rabta mal-għana, il-vizzji, u dawn l-affarijiet kollha. Tgħasses il-Kelma ta’ Alla jfisser li nirċevuha ġewwa qlubna, reġa’ tenna l-Papa.  Imma hemm bżonn li nħejju qlubna biex nirċevuha. Nimmeditaw dejjem x’tgħidilna din il-Kelma llum, waqt li naraw x’inhu jiġri fil-ħajja. Dan hu li għamlet Marija waqt il-ħarba fl-Eġittu u fit-tieġ ta’ Kana, meta staqsiet lilha nfisha dwar is-sinifikat ta’ dawn il-ġrajjiet. Hekk hu l-impenn għall-Insara llum: li jilqgħu l-Kelma ta’ Alla u jaħsbu dwar is-sinifikat tagħha.

Dan, innota l-Isqof ta’ Ruma, huwa xogħol spiritwali kbir. Ġwanni Pawlu II kien jgħid li Marija kellha, għal dan ix-xogħol, għeja partikolari f’qalbha. Kellha qalbha għajjiena. Imma dan mhux affann, huwa xogħol: tfittex dan xi jfisser f’dan il-waqt, xi jrid jgħidli l-Mulej f’dan il-waqt. Insomma, taqra l-ħajja flimkien mal-Kelma ta’ Alla: dan li jfisser tgħasses. Imma jfisser ukoll li tagħmel tifkira. Dwar dan il-Papa qal li l-memorja hija għassa tal-Kelma ta’ Alla, tgħinna ngħassuha meta niftakru dak kollu li l-Mulej għamel f’ħajjitna, il-meravilji kollha tal-fidwa.

Il-Papa mbagħad staqsa lil dawk preżenti: Aħna llum kif qegħdin ngħassu l-Kelma ta’ Alla? Kif qegħdin nikkonservaw dan l-istagħġib billi naraw kif ma nħallux li l-għasafar jieklu ż-żerriegħa u l-vizzji ma jifgawhiex? Huwa wieġeb li jagħmlilna tajjeb li nistaqsu dan, proprju fid-dawl ta’ dak li qed iseħħ fil-ħajja, waqt li mbagħad ħeġġeġ biex ngħassu l-Kelma bil-memorja tagħna, u wkoll biex ngħassuha bit-tama tagħna. Nitolbu lill-Mulej – temm jgħid il-Papa Franġisku – il-grazzja li nirċievu l-Kelma ta’ Alla u ngħassuha, u wkoll il-grazzja li f’din il-għassa jkollna qalb għajjiena.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb


Leave a Reply

%d bloggers like this: