Is-Sibt, 7 ta’ Settembru 2013: M’hemmx nisrani bla Ġesù. U Ġesù ma jkunx hemm meta n-nisrani jwieġeb għal kmandamenti li ma jwasslux għand Kristu jew ma jiġux mingħand Kristu. Il-Papa Franġisku, waqt il-quddiesa ċċelebrata fid-Dar Santa Marta dalgħodu, is-Sibt 7 ta’ Settembru 2013, insista fuq iċ-ċentralità ta’ Kristu. U avża lill-Insara biex ma jsegwux rivelazzjonijiet privati għaliex – qal – ir-rivelazzjoni ntemmet ma’ Kristu.
Fl-omelija ta’ dalgħodu l-Qdusija Tiegħu kompla r-riflessjoni li l-bieraħ, il-Ġimgħa 6 ta’ Settembru 2013, kien ippropona mill-qari li fih Ġesù kien ippreżentat bħala l-għarus tal-Knisja. Fis-silta tallum, meħuda minn Luqa (6, 1-5), infatti jiġi rrakkontat l-episodju tad-diskussjoni ta’ Ġesù mal-fariżej, li jċanfru lill-Appostli talli jkunu kisru l-mistrieħ tas-Sibt billi ġabru u kielu ż-żbul tal-qamħ.
F’dan il-pass tal-Evanġelju, innota l-Papa, Ġesù jippreżenta lilu nnifsu bħala xi ħaga iktar mill-bieraħ u jgħid: ‘Jien il-Mulej, il-Mulej tas-Sibt ukoll.’ F’parti oħra jgħid: ‘Is-Sibt huwa magħmul għall-bniedem u mhux il-bniedem għas-Sibt’ – iċ-ċentralità tiegħu u wkoll iċ-ċentralità tan-Nisrani fil-konfront ta’ tant affarijiet. Ġesù huwa ċ-ċentru, huwa l-Mulej. Din hija definizzjoni li, innota l-Papa, ma nifhmux sewwa, għaliex mhux faċli li tifhimha. Dak li huwa ċert huwa li Ġesù huwa l-Mulej minħabba li huwa dak li għandu l-poter u l-glorja, dak li għandu r-rebħa. Huwa l-uniku Mulej.
Waqt li kkwota l-ittra ta’ San Pawl lill-Kolossin (1, 21-23), il-Qdusija Tiegħu mbagħad ġibed l-attenzjoni li huwa proprju l-Appostlu li jfakkar li Ġesù rrikonċiljana fil-ġisem ta’ laħmu permezz tal-mewt – irrikonċilja lilna lkoll – biex jippreżentana qaddisin, immakulati u irreprensibbli quddiemu: sabiex nibqgħu mibnija u sodi fil-fidi. Ġesù, issintetizza l-Papa, huwa ċ-ċentru li jiġġenerana u jibnina fil-fidi. Mill-banda l-oħra, kompla l-Papa, il-fariżej poġgew fiċ-ċentru tar-reliġjożità tagħhom tant kmandamenti. U Ġesù jgħidilhom: ‘Timponu piżijiet fuq spalel in-nies.’
Jekk m’hemmx Ġesù fiċ-ċentru, innota l-Papa, hemm ħwejjeġ oħra. U fil-ġurnata tallum niltaqgħu ma’ tant Insara mingħajr Kristu, mingħajr Ġesù. Per eżempju dawk li għandhom il-marda tal-fariżej u huma Nsara li jpoġġu l-fidi tagħhom u r-reliġjożità tagħhom, il-kristjaneżmu tagħhom, f’ħafna kmandamenti: ‘Ah, irrid nagħmel dan, irrid nagħmel dak l-ieħor.’ Insara tal-atteġġjamenti, li jagħmlu l-affarijiet biex ikunu għamluhom, imma fir-realtà ma jafux għaliex għamluhom, spjega l-Papa.
Imma Ġesù fejn hu?, staqsa l-Papa Franġisku, filwaqt li mbagħad kompla jgħid li kmandament ikun validu kemm-il darba jiġi mingħand Ġesù. Insara mingħajr Kristu hawn ħafna, bħal dawk li jfittxu biss devozzjonijiet, tant devozzjonijiet, imma Ġesù mhux hemm. U allura jkun hemm xi ħaġa nieqsa! Ħija, jonqsok lil Ġesù. Kemm-il darba d-devozzjonijiet tiegħek iwassluk għand Ġesù, allura kollox sew. Imma jekk tibqa’ hemm, allura hemm xi ħaġa li mhix tinkwadra.
Imbagħad, kompla l-Papa, hemm grupp ieħor ta’ Nsara mingħajr Kristu: dawk li jfittxu affarijiet iktarx rari, xi ftit speċjali, li jsegwu xi rivelazzjonijiet privati, waqt li r-rivelazzjoni ntemmet mat-Testment il-Ġdid. Il-Qdusija Tiegħu skopra f’dawn l-Insara x-xewqa li jmorru għall-ispettaklu tar-rivelazzjoni, biex jisimgħu affarijiet ġodda. Imma, aqbdu l-Evanġelju, kienet l-eżortazzjoni li l-Papa Franġisku indirizza lil dawk preżenti. Fost l-Insara bla Kristu l-Papa mbagħad semma dawk li jfewħu ruħhom imma m’għandhomx virtujiet għaliex m’għandhomx lil Ġesù.
Mela liema hija r-regola biex tkun Nisrani ma’ Kristu? U liema hu s-sinjal li persuna hija nisranija ma’ Kristu? Din hija regola tassew sempliċi, spjega l-Papa. Huwa validu biss dak li jwasslek għand Ġesù, huwa validu biss dak li jiġi mingħand Ġesù. Ġesù huwa ċ-ċentru, il-Mulej, kif jgħid huwa nnifsu. Mela, jekk ħaġa twassal jew tiġi minn Ġesù, kompli għaddej, ħeġġeġ il-Qdusija Tiegħu; imma jekk ma tiġix jew ma twassalx għand Ġesù, allura hija ftit jew xejn perikoluża. U rigward is-sinjal, il-Papa qal li huwa sinjal sempliċi, dak tal-għama minn twelidu li dwaru jitkellem l-Evanġelju ta’ Ġwanni fil-kapitlu 9. L-Evanġelju jgħid li nxteħet quddiem Ġesù biex jadurah. Raġel jew mara li jaduraw lil Ġesù huma Nsara ma’ Ġesù. Imma jekk int ma jirnexxilekx tadura lil Ġesù, allura għandek xi ħaġa nieqsa.
Hekk huma mela r-regola u s-sinjal, ikkonkluda l-Papa. Ir-regola hija: jien Nisrani tajjeb, jien fit-triq ta’ Nisrani tajjeb kemm-il darba nagħmel dak li jiġi mingħand Ġesù jew li jwassalni għand Ġesù għaliex hu huwa ċ-ċentru. Is-sinjal huwa l-adorazzjoni quddiem Ġesù, it-talb tal-adorazzjoni quddiem Ġesù.
Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb