Il-Ġimgħa, 6 ta’ Settembru 2013: Li tkun Nisrani jfisser li jkollok il-ferħ li tappartjeni totalment lil Kristu, għarus uniku tal-Knisja, u li tmur tiltaqa’ miegħu bħal ma tmur għal festa ta’ tieġ. Mela l-ferħ u l-għarfien taċ-ċentralità ta’ Kristu huma ż-żewġ atteġġjamenti li l-Insara għandhom jikkultivaw ta’ kuljum. Dan fakkru l-Papa Franġisku fl-omelija waqt il-quddiesa ċcelebrata dalgħodu, il-Ġimgħa 6 ta’ Settembru 2013, fil-kappella tad-Domus Sanctæ Marthæ.
Ir-riflessjoni tal-Papa Franġisku ħadet spunt mill-episodju evanġeliku propost mil-liturġija, fejn l-evanġelista San Luqa jirrakkonta l-konfront bejn Ġesù, il-fariżej u l-iskribi dwar il-fatt li d-dixxipli li kienu miegħu kienu jieklu u jixorbu waqt li l-oħrajn kienu jsumu (Luqa 5, 33-39). Il-Papa spjega dak li Ġesù, fit-tweġiba tiegħu, irid ifiehem. Huwa jippreżenta ruħu bħala għarus: Huwa hu l-għarus; il-Knisja hija l-għarusa. U fl-Evanġelju, ippreċiża l-Papa, bosta drabi terġa’ tfiġġ din x-xbiha: il-verġni prudenti li jistennew l-għarus bil-lampi mixgħula; il-festa li jagħmel il-missier għat-tieġ t’ibnu. Bit-tweġiba tiegħu lill-iskribi, ippreċiża l-Papa, il-Mulej jgħid li meta jkun għarus ma jistax isum, ma jistax ikun imdejjaq. Il-Mulej hawn jurina r-rapport bejnu u bejn il-Knisja bħala tieġ. Minn hawn joħroġ, spjega l-Papa, il-motiv l-iktar profond għaliex il-Knisja tgħasses tant is-sagrament taż-żwieġ. U ssejjaħlu sagrament kbir għaliex huwa proprju x-xbiha tal-għaqda ta’ Kristu mal-Knisja. Għalhekk, meta nitkellmu dwar tieġ, nitkellmu dwar festa, nitkellmu dwar ferħ. U dan, għalina l-Insara, jindika atteġġjament: in-Nisrani, meta jsib lil Ġesù Kristu u jibda jgħix skont l-Evanġelju, għandu jagħmel dan bil-ferħ. Bil-ferħ għaliex hija festa kbira.
In-Nisrani huwa fondamentalment ferrieħi. Biex jirrendi iktar effikaċi l-immaġni, il-Papa fakkar l-episodju tal-miraklu ta’ Ġesù fit-tieġ ta’ Kana. Jekk m’hemmx inbid, m’hemmx festa. Nimmaġinaw, qal il-Qdusija Tiegħu, li f’dak it-tieġ nispiċċaw nixorbu t-te jew il-meraq tal-frott… Mhux tajjeb. U l-Madonna titlob il-miraklu. U hekk hija l-ħajja nisranija, ikkaratterizzata proprju minn dan l-atteġġjament ferrieħi, ferrieħi mill-qalb. Naturalment, żied il-Papa, hemm il-mumenti tas-salib, mumenti ta’ dulur, imma dejjem hemm dak is-sens ta’ paċi profonda. Għaliex? Il-ħajja nisranija tingħex qisha festa, bħat-tieġ ta’ Ġesù mal-Knisja. U hawn il-Qdusija Tiegħu fakkar kif l-ewlenin martri Nsara kienu jiffaċċjaw il-martirju bħallikieku kienu sejrin għal tieġ: ukoll f’dak il-waqt kellhom qalbhom ferrieħa.
Mela l-ewwel atteġġjament tan-Nisrani li jiltaqa’ ma’ Ġesù, tenna l-Papa, jixbah lil dak tal-Knisja li tingħaqad bħala għarusa ta’ Ġesù. U fl-aħħar tad-dinja, żied Franġisku, tkun il-festa definittiva, meta Ġerusalemm il-ġdida tkun liebsa bħal għarusa.
Biex jispjega t-tieni atteġġjament il-Qdusija Tiegħu reġa’ dar fuq il-parabbola tat-tieġ ta’ bin is-sultan (Mattew 22, 1-14; Luqa 14, 16-24). Huwa fakkar li biċċa minnhom tant kienu mitlufa fuq l-impenji tal-ħajja li ma setgħux imorru dik il-festa. U s-sinjur, is-sultan, qal: ‘Morru fi slaleb it-toroq u ġibu lil kulħadd, vjaġġaturi, foqra, morda, lebbrużi u wkoll il-midinbin: ġibu lil kulħadd. Tajbin u krudili. Kulħadd huwa mistieden għall-festa.’ U l-festa bdiet. Imma mbagħad is-sultan lemaħ wieħed li ma kienx liebes il-libsa nuzjali. Bla dubju, lilna jiġina li nistaqsu: ‘Missier, imma kif? Dawn inġabru minn slaleb it-toroq u mbagħad titlob il-libsa nuzjali? Dan x’ifisser?’ Sempliċissimu: Alla jitlobna ħaġa waħda biss biex nidħlu għall-festa: it-totalità.
Il-Papa Franġisku spjega li l-għarus huwa l-iktar importanti; l-għarus jimla kollox. U dan iwassalna għall-ewwel qari (Kolossin1, 15-20) li jkellimna b’qawwa dwar it-totalità ta’ Ġesù: l-ewwel wild tal-ħolqien kollu. Fih ġew maħluqa l-affarijiet kollha u ġew maħluqa permezz tiegħu. Għaliex huwa ċ-ċentru ta’ kollox. Huwa wkoll ir-ras tal-ġisem tal-Knisja. Huwa l-bidu. Alla tah il-pjenezza, it-totalità, għaliex fih huma rikonċiljati l-affarijiet kollha.
Din l-immaġni ġġegħilna nifhmu, kompla l-Qdusija Tiegħu, li huwa ‘kollox’, huwa ‘uniku’: huwa ‘l-uniku għarus.’ U allura, jekk l-ewwel atteġġjament tan-Nisrani huwa l-festa, it-tieni atteġġjament huwa li nagħrfuh bħala uniku. U dak li ma jagħrfux m’għandux il-libsa biex imur għall-festa, biex imur għat-tieġ. Kemm-il darba Ġesù jitlobna dan l-għarfien huwa għaliex hu, bħala għarus, huwa fidil, dejjem fidil. U jitlobna l-fedeltà. Ma nistgħux naqdu żewġ sidien: jew naqdu lill-Mulej, fakkar il-Papa, jew naqdu lid-dinja.
Mela dan huwa t-tieni atteġgjament nisrani: nagħrfu lil Ġesù bħala l-kollox, bħala ċ-ċentru, it-totalità, ukoll jekk dejjem se jkun hemm it-tentazzjoni li nirrifjutaw din in-novità tal-Evanġelju, dan l-inbid ġdid. Hemm bżonn għalhekk li nilqgħu n-novità tal-Evanġelju. Ukoll għaliex id-damiġgjani l-qodma ma jistgħux iżommu fihom l-inbid il-ġdid. Ġesù huwa l-għarus tal-Knisja, li jħobb lill-Knisja u li jagħti ħajtu għall-Knisja. Huwa jorganizza festa kbira tat-tieġ. Ġesù lilna – ikkonkluda l-isqof ta’ Ruma – jitlobna l-ferħ tal-festa: il-ferħ li aħna Nsara. Imma jitlobna wkoll li nkunu kollna tiegħu. Madankollu, jekk inżommu atteġġjamenti jew nagħmlu ħwejjeġ li ma jaqblux ma’ dan li nkunu kollna tiegħu, ma jkun ġara xejn: nindmu, nitolbu maħfra u nkomplu mexjin ‘il quddiem, mingħajr ma negħjew nitolbuh il-grazzja li nkunu ferħana.
Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb