Il-Papa f’Santa Marta: Ġesù huwa t-tama

Print Friendly, PDF & Email

It-Tnejn, 9 ta’ Settembru 2013: Iqabbduk id-dwejjaq dawk is-saċerdoti li tilfu t-tama. Minħabba f’dan il-Papa Franġisku, fil-quddiesa ċcelebrata  dalgħodu, it-Tnejn 9 ta’ Settembru 2021, fid-Dar Santa Marta, għadda lis-saċerdoti preżenti l-istedina biex jikkultivaw din il-virtù li għall-Insara għandha l-isem ta’ Ġesù.

Il-Papa qal li llum kien qed jara ħafna qassisin, u li kien jiġih jgħidilhom ħaġa: Huwa ftit jew wisq ta’ dwejjaq meta wieħed isib qassis bla tama, mingħajr dik il-passjoni li tagħti t-tama; u hija ħaġa hekk sabiħa meta wieħed isib qassis li jasal fi tmiem ħajtu dejjem b’dik it-tama – mhux bl-ottimiżmu, imma bit-tama, jiżra’ t-tama. Għaliex dan ifisser, żied Franġisku, li dan il-qassis huwa mqabbad ma’ Ġesù Kristu. U l-poplu ta’ Alla għandu bżonn li aħna l-qassisin nagħtu din it-tama f’Ġesù, li ġġedded kollox, li hija kapaċi li ġġedded kollox u qiegħda ġġedded kollox.  F’kull Ewkaristija huwa jġedded il-ħolqien, f’kull att ta’ karità huwa jġedded l-imħabba tiegħu fina.

Il-Papa tkellem dwar it-tama billi għaqqad ir-riflessjoni tallum ma’ dawk tal-jiem li għaddew, waqt liema kien ippropona lil Ġesù bħala t-totalità, iċ-ċentru tal-ħajja tan-Nisrani, l-uniku għarus tal-Knisja. Hekk illum huwa waqaf fuq il-kunċett espress fl-ittra ta’ San Pawl lill-Kolossin (1, 23) ta’ Ġesù misteru, misteru moħbi, Alla. Huwa misteru dak ta’ Alla li deher f’Ġesù li huwa t-tama tagħna: huwa l-kollox, huwa ċ-ċentru u huwa wkoll it-tama tagħna.

Sfortunatament iżda, osserva l-Isqof ta’ Ruma, it-tama hija virtù meqjusa abitwalment tat-tieni klassi. Ma tantx nemmnu fit-tama, spjega l-Papa.   Nitkellmu dwar il-fidi u l-imħabba, imma t-tama ftit li xejn, kif kien jgħid kittieb Franċiż, il-virtù umli, il-qaddejja tal-virtujiet; u ma nifhmuhiex sewwa.

L-ottimiżmu, spjega l-Qdusija Tiegħu, huwa atteġġjament uman li jiddependi minn tant affarijiet.  Imma t-tama hija xi ħaġ’oħra: hija rigal, hija rigal tal-Ispirtu Santu, u minħabba f’dan Pawlu jgħid li ma tiddiżappunta qatt. U għandha wkoll isem. U dan l-isem huwa Ġesù: ma tistax tgħid li tittama fil-ħajja kemm-il darba ma tittamax f’Ġesù. Ma tkunx tama, ippreċiża l-Papa, imma tkun burdata tajba, ottimiżmu, bħal fil-każ ta’ dawk il-persuni raġġjanti, pożittivi, li dejjem jaraw in-nofs mimli tat-tazza u mhux dak vojt.

Konferma ta’ dan il-kunċett il-Papa indikah fis-silta tal-Evanġelju ta’ Luqa (6, 6-11), fir-riferiment għas-suġġett tal-libertà. Ir-rakkont ta’ Luqa jpoġġi quddiem għajnejna skjavitù doppja: dik tal-bniedem b’idu pparalizzata, skjav tal-marda tiegħu, u dik tal-fariżej u l-iskribi, skjavi tal-atteġġjamenti riġidi, legalistiċi tagħhom. Ġesù jilliberahom it-tnejn: lir-riġidi jġibhom jaraw li dik mhix it-triq tal-libertà; u lill-bniedem ta’ idu paralizzata jilliberah mill-marda tiegħu. Xi jrid juri? Li l-libertà u t-tama jmorru flimkien: fejn m’hemmx tama  ma jistax ikun hemm libertà.

B’danakollu, il-veru tagħlim li noħorġu mil-liturġija tallum huwa li Ġesù mhux fejjieq, imma huwa bniedem li jerġa’ joħloq l-eżistenza. U dan, sostna l-Isqof ta’ Ruma, jimliena bit-tama, għax Ġesù ġie proprju għal dan il-miraklu kbir, biex jerġa’ joħloq kollox. Tant li l-Knisja f’talba tassew sabiħa tgħid: ‘Int, Mulej, li kont hekk kbir, hekk meraviljuż fil-ħolqien, imma iktar meraviljuż fir-redenzjoni…’ Mela, żied il-Papa, il-meravilja l-kbira hija r-riforma l-kbira ta’ Ġesù. U dan jimliena bit-tama: Ġesù li jerġa’ joħloq kollox. U meta ningħaqdu ma’ Ġesù fil-passjoni tiegħu, ikkonkluda l-Papa, miegħu nergġħu nagħmlu d-dinja, nagħmluha ġdida.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb


%d bloggers like this: