Il-Papa f’Santa Marta: Insara bla biżà, mistħija jew trijonfaliżmu

Print Friendly, PDF & Email

It-Tlieta, 10 ta’ Settembru 2013: Illum fid-dinja hawn bosta Nsara mingħajr qawmien. Lilhom il-Papa Franġisku, waqt il-quddiesa ċċelebrata dalgħodu, it-Tlieta 10 ta’ Settembru 2013, fid-Dar Santa Marta, indirizza l-istedina biex jerġgħu jsibu t-triq biex imorru lejn Ġesù rxuxtat waqt li jħallu lilhom infushom jintmessu minnu, minn qawwietu.  Għaliex Kristu mhux idea spiritwali, imma huwa ħaj. U bil-qawmien tiegħu rebaħ id-dinja.

Waqt li kkummenta l-qari tal-liturġija tal-jum, il-Papa fakkar xi passi tal-ittra lill-Kolossin li fihom San Pawl jitkellem dwar il-figura ta’ Ġesù, deskritt minn darba għall-oħra bħala t-totalità, iċ-ċentru, it-tama, għaliex huwa l-għarus. Fis-silta tallum (2, 6-15) l-Appostlu  jżid libsa oħra, billi jiddefinixxi lil Kristu bħala r-rebbieħ, dak li rebaħ fuq il-mewt, fuq id-dnub, fuq ix-xitan. Il-messaġġ Pawlin fih għalhekk stedina biex nimxu fil-Mulej irxoxt, imsejsin sewwa u mibnijin fuqu, fuq ir-rebħa tiegħu, sodi fil-fidi.

Gesù huwa dak li jirbaħ, huwa l-Irxoxt. U madankollu – wissa l-Isqof ta’ Ruma – spiss aħna ma nħossux, ma nisimgħux sewwa, waqt li l-qawmien ta’ Ġesù huwa proprju l-punt muftieħ tal-fidi tagħna. Il-Papa rrefera b’mod partikolari għal dawk l-Insara mingħajr Kristu rxoxt, dawk li jakkumpanjaw lil Ġesù sal-qabar, jibku, iridulu l-ġid, imma li mhumiex kapaċi jmorru iktar minn hekk. U hawn dan individwa tliet kategoriji: il-beżżiegħa, il-mistħija u t-trijonfalistiċi.

Tal-ewwel, spjega l-Papa, huma dawk tal-qawmien filgħodu, dawk ta’ Għemmaws, li jitilqu għaliex inħakmu mill-biżà; huma l-Appostli li jingħalqu fiċ-ċenaklu minħabba l-biża’ mil-Lhud; bħall-Maddalena mbikkija għaliex serqu l-ġisem tal-Mulej. Mill-bqija l-beżżiegħa huma magħmulin hekk: jibżgħu jaħsbu dwar il-qawmien. U l-Appostli wkoll, quddiem Ġesù li deher fiċ-Ċenaklu, jitwerwru, jibżgħu li qegħdin jaraw fantażma.

It-tieni kategorija hija dik tal-mistħija li għalihom, li jistqarru li Kristu qam, iqanqal fihom daqsxejn tal-mistħija f’din id-dinja tant avvanzata fix-xjenza. Għall-Papa Franġisku huwa dwar dawn li jaħseb Pawlu meta jammonixxi: ‘Qisu li ħadd ma jassarkom b’filosofija u kliem qarrieq u fieragħ skont dak li hu ġej mill-bnedmin, skont il-prinċipji tad-dinja u mhux ta’ Kristu’ (Kol:2:8). Fil-prattika dawn huma dawk l-Insara li jgħawġu r-realtà tal-qawmien.  Għalihom hemm qawmien spiritwali, li jagħmel tajjeb għad-dinja kollha, barka tal-ħajja; imma fil-fond ta’ qalbhom jistħu jgħidu li Kristu, b’ġismu, bil-pjagi tiegħu, qam mill-mewt.

Fl-aħħar, it-tielet grupp huwa dak tal-Insara li fil-qalb ta’ qalbhom ma jemmnux li qam u jridu jagħmlu lilhom infushom qawmien iktar maestuż minn dak ta’ Ġesù. Il-Papa ddefinihom bħala trijonfalistiċi minħabba li għandhom kumpless ta’ inferjorità u jassumu atteġġjamenti trijonfalistiċi f’ħajjithom, fi kliemhom, fil-pastorali u fil-liturġija tagħhom.

Għall-Papa Franġisku hemm bżonn allura li nirkupraw l-għarfien ta’ Ġesù li qam. U għal dan l-Insara huma msejħin bla biża’, bla mistħija, bla trijonfaliżmu biex jaraw is-sbuħija tiegħu, biex ipoġġu subgħajhom fil-pjagi u idhom fil-ġenb tal-Irxuxtat, ta’ dak Kristu li huwa l-kollox, it-totalità; Kristu li huwa ċ-ċentru, Kristu li huwa t-tama, għaliex huwa l-għarus, huwa r-rebbieħ. Huwa rebbieħ, żied jgħid il-Papa: jerġa’ jwettaq il-ħolqien.

Waqt li rrefera għas-silta tal-Evanġelju ta’ Luqa (6, 12-19), il-Qdusija Tiegħu irrijevoka l-immaġni ta’ Ġesù fost il-folla ta’ rġiel u ta’ nisa li nġabru biex jisimgħuh u jkunu mfejqa mill-mard tagħhom. Huwa fakkar li wkoll dawk li kienu mħabbta minn spirti impuri ġew imfejqa.  Għalhekk, il-folla kollha fittxet li tmissu, għaliex minnu kienet toħroġ qawwa li tfejjaq. F’dan il-Papa Franġisku jara l-premessa tar-rebħa finali ta’ Kristu, li jfejjaq l-univers kollu: Huwa l-qawmien tiegħu. Hekk hu għaliex, kienet il-konklużjoni tiegħu, hemm bżonn li nerġgħu niskopru s-sbuħija li nersqu lejn l-Irxoxt, inħallu lilna nfusna nintmessu minnu, mill-qawwa tiegħu.

Fil-bidu taċ-ċelebrazzjoni l-Papa fakkar lill-Arċisqof Peter Paul Prabhu, Nunzju Appostoliku, li miet fil-lejl ta’ bejn it-Tnejn 9 u t-Tlieta 10 ta’ Settembru 2013 fid-dar tal-kura Piju XI. In-nunzju kellu r-residenza tiegħu proprju fid-Domus Sanctæ Marthæ fil-Vatikan.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb


%d bloggers like this: