Il-Papa f’Santa Marta: Nitolbu għall-politiċi biex jiggvernawna tajjeb

Print Friendly, PDF & Email

It-Tnejn, 16 ta’ Settembru 2013: Nisrani tajjeb jieħu sehem attiv fil-ħajja politika u jitlob sabiex il-politiċi jħobbu lill-poplu tagħhom u jaqduh b’umiltà. Din hija r-riflessjoni proposta mill-Papa Franġisku dalgħodu, it-Tnejn 16 ta’ Settembru 2013, waqt il-quddiesa ċċelebrata fil-kappella tad-Dar Santa Marta.

Waqt li kkummenta s-silta tal-Evanġelju ta’ Luqa (7, 1-10) fejn hemm irrakkuntat opra ta’ Ġesù – il-fejqan tal-qaddej taċ-ċenturjun ġo Kafarnaum – il-Papa saħaq dwar żewġ atteġġjamenti tal-governant. Huwa għandu fuq kollox iħobb lill-poplu tiegħu. Ix-xjuħ Lhud jgħidu lil Ġesù li huwa jimmeritah dak li qed jitlob għaliex iħobb lill-poplu tagħna. Governant li ma jħobbx ma jistax jiggverna. L-iktar l-iktar jista’ jwaqqaf ftit ordni imma ma jistax jiggverna.

U biex jispjega s-sinifikat tal-imħabba li l-governant għandu jkollu għall-poplu tiegħu, il-Qdusija Tiegħu fakkar fl-eżempju ta’ David li jikser ir-regoli taċ-ċensiment awtorizzati mil-liġi możajka sabiex jenfasizza l-affiljazzjoni tal-ħajja ta’ kull bniedem lill-Mulej (cfr. Esodu 30, 11-12).  David, iżda, hekk kif fehem id-dnub tiegħu, għamel minn kollox biex jevita l-kastig lill-poplu tiegħu. U dan għaliex, għalkemm kien midneb, lill-poplu tiegħu kien iħobbu.

Għall-Papa Franġisku l-governant għandu jkun ukoll umli bħaċ-ċenturjun tal-Evanġelju, li seta’ jieħu vantaġġ mill-poter li kellu li kieku talab lil Ġesù biex imur għandu. Imma hu kien raġel umli u qal lill-Mulej: ‘Toqgħodx tiskomoda ruħek, jien ma jixraqlix li tidħol taħt is-saqaf tiegħi.’ U b’umiltà qallu: ‘Għid kelma u l-qaddej tiegħi jkun imfejjaq.’  Dawn huma ż-żewġ virtujiet ta’ governant, hekk bħal ma ġġegħilna naħsbu l-kelma ta’ Alla: imħabba tal-poplu u umiltà.

Mela kull raġel u kull mara li jassumu responsabbiltà ta’ gvern għandhom jagħmlu żewġ mistoqsijiet: jien inħobb lill-poplu tiegħi biex inservih aħjar?  U:  jien umli li nisma’ l-opinjonijiet tal-oħrajn sabiex inkun nista’ nagħżel l-aħjar triq? Jekk dawn, enfasizza l-Papa, ma jagħmlux lilhom infushom dawn il-mistoqsijiet, il-gvern tagħhom ma jkunx tajjeb.

Iżda s-sudditi wkoll iridu jagħmlu l-għażliet tagħhom li jridu jwettqu. Mela x’hemm bżonn li jsir? Wara li nnota li aħna bħala poplu għandna ħafna governanti, il-Papa fakkar sentenza ta’ San Pawl meħuda mill-ewwel ittra lil Timotju (2, 1-8): ‘Nirrakkomandalek, l-ewwel u qabel xejn, li nagħmlu domandi, suppliki u ringrazzjamenti għall-bnedmin kollha; għas-slaten u għal dawk kollha li jinsabu fil-poter, sabiex ikunu jistgħu jgħaddu ħajja kalma u trankwilla, dinjituża u ddedikata lil Alla.’

Dan ifisser, ippuntwalizza l-Papa Franġisku, li ħadd minna ma jista’ jgħid: ‘Imma jien m’għandix x’naqsam; huma huma li qegħdin jiggvernaw.’ Le, jien responsabbli tal-gvern tagħhom u jeħtieġ nagħmel l-almu tiegħi biex huma jiggvernaw sewwa, billi nieħu sehem fil-politika kif nista’. Il-politika, tgħid id-duttrina soċjali tal-Knisja, hija waħda mill-ogħla forom ta’ karità, għax hija sservi lill-ġid komuni. U jien ma nistax naħsel idejja: kull wieħed u waħda minna ninħtieġu li nagħmlu xi ħaġa. Imma issa daħhalna d-drawwa li naħsbu li dwar il-governanti rridu biss inparlaw, ngħidu kontrihom u kontra dawk l-affarijiet li jmorru żmerċi.

F’dan ir-rigward il-Qdusija Tiegħu nnota li fuq it-televiżjoni u fuq il-ġurnali jispikkaw fuq kollox ‘bastonati’ għall-politiċi.  Diffiċilment insibu osservazzjonijiet bħal: ‘Dan il-governant f’dan għamel sewwa; dan il-governant għandu din il-virtù; żbalja f’din u f’din u f’din, però hawn għamel sewwa.’  Għall-kuntrarju, dwar il-politiċi nitkellmu dejjem ħażin u, iva, dejjem kontra. Jista’ jkun li l-governant ikun midneb, bħal ma kien David, imma hemm bżonn li jien nikkollabora, bl-opinjoni tiegħi, bil-kelma tiegħi, ukoll bit-twiddib tiegħi: ma naqbilx għalhekk u għalhekk. Hemm bżonn li nipparteċipaw għall-ġid komuni. Xi daqqiet smajna min jgħid li Kattoliku tajjeb ma jinteressax ruħu fil-politika. Dan mhux veru: Kattoliku tajjeb jiddeffes fil-politika u joffri l-aħjar tiegħu sabiex il-governant ikun jista’ jiggverna.

X’inhi allura l-aħjar ħaġa li nistgħu noffru lill-governanti? Huwa t-talb, wieġeb il-Papa, waqt li spjega: huwa dak li jgħid Pawlu: ‘Itolbu għas-slaten u għal dawk kollha li għandhom il-poter.’ Imma wieħed jasal li jgħid: ‘Dak bniedem bla qalb, imissu jmur l-infern.’ Le, itlob għalihom, sabiex jiggvernaw sewwa, sabiex iħobbu lill-poplu tagħhom, sabiex ikunu umli. Nisrani li ma jitlobx għall-governanti mhuwiex Nisrani tajjeb. Hemm bżonn li nitolbu. U dan, ippreċiża l-Papa, mhux qed ngħidu jien;  qalu San Pawl. Il-governanti jeħtieg li jkunu umli u jħobbu lill-poplu tagħhom. Aħna, l-iggvernati, nagħmlu mill-aħjar li nistgħu, speċjalment bit-talb. Nitolbu għall-governanti, ikkonkluda l-Papa Franġisku, sabiex jiggvernawna sewwa;  sabiex iwasslu lil art twelidna, lin-nazzjon tagħna, u wkoll lid-dinja, ’il quddiem; u sabiex ikun hemm il-paċi u l-ġid komuni. Din il-kelma ta’ Alla tgħinna biex nipparteċipaw aħjar fil-ħajja komuni tal-poplu: dawk li jiggvernaw, bis-servizz tal-umiltà u bl-imħabba; l-iggvernati, bil-parteċipazzjoni, u fuq kollox bit-talb.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb


%d bloggers like this: