Il-Papa f’Santa Marta: Bħal omm li tiddefendi lil uliedha

Print Friendly, PDF & Email

It-Tlieta, 17 ta’ Settembru 2013: Bħal omm li tħobbna, tiddefendina, tagħtina l-qawwa biex nimxu ’l quddiem fil-ġlieda kontra l-ħażen:  din hija l-immaġni tal-Knisja mpinġija mill-Papa Franġisku llum, it-Tlieta 17 ta’ Settembru 2013, waqt il-quddiesa ċcelebrata filgħodu kmieni fid-Dar Santa Marta.

Waqt li kkummenta s-silta tal-Evanġelju ta’ Luqa li tirrakkonta l-qawmien ta’ bin l-armla ta’ Najn (7, 11-17), il-Papa ddeskriva lil Ġesù li, meta ra lill-mara quddiem il-katavru tal-uniku iben mejjet, qabditu kommozzjoni kbira. U ddefinixxa s-sentiment ta’ Kristu bħala l-ħila li jħoss magħna, li jkun qrib it-tbatijiet tagħna u jagħmilhom tiegħu. Mill-bqija huwa kien jaf sewwa x’kienet tfisser armla f’dak iż-żmien, meta l-ommijiet kienu jibqgħu weħidhom biex irabbu lil uliedhom u għalhekk kellhom jafdaw fuq il-karità tal-oħrajn. Minħabba f’hekk il-preċetti ta’ dak iż-żmien kienu jinsistu tant li jgħinu lill-iltiema u lir-romol, għax f’dak iż-żmien kienu l-iktar waħedhom, l-iktar abbandunati.

Il-ħsieb tal-Isqof ta’ Ruma mbagħad mar fuq figuri oħrajn ta’ romol li dwarhom titkellem il-Bibbja. Lejhom il-Mulej juri kura partikolari, imħabba speċjali, sal-punt li huma jispiċċaw bil-bini ta’ ikona tal-Knisja, għaliex, spjega l-Papa, il-Knisja wkoll hija armla sa ċertu punt: l-għarus tagħha telaq u hi timxi fl-istorja waqt li tittama li terġa’ ssibu, li tiltaqa’ miegħu. Hemm hija tkun l-għarusa definittiva. Imma, huwa wissa, sadanittant il-Knisja hija waħedha, u l-Mulej mhuwiex viżibbli għaliha: għalhekk, għandha ċerta dimensjoni ta’ romolità.

L-ewwel konsegwenza ta’ din ir-romolità hija li l-Knisja ssir kuraġġuża, bix-xebh ta’ omm li tiddefendi lil uliedha. Proprju bħall-armla tal-Evanġelju li marret għand l-imħallef  korrott biex tiddefendi lil uliedha u fl-aħħar rebħet.  Għaliex, enfasizza l-Papa, Ommna l-Knisja għandha dak il-kuraġġ ta’ mara li taf li uliedha huma tagħha u jenħtieġ li hi tiddefendihom u twassalhom għal-laqgħa mal-għarus tagħha.

Mill-kuraġġ joħroġ imbagħad it-tieni element – il-qawwa – kif jixhdu r-romol l-oħrajn deskritti fl-Iskrittura, fosthom Noemi, il-bużnanna ta’ David, li ma  beżgħetx tibqa’ waħedha, jew l-armla Makabea b’sebat ulied li, sabiex ma jirrinegawx lil Alla, biex ma jirrinegawx il-liġi ta’ Alla, ġew immartirizzati mit-tirann. Dwar din il-mara punt partikolari laqat lill-Papa Franġisku: il-fatt li l-Bibbja tenfasizza li kienet titkellem bid-djalett. Bl-ewwel lingwa, proprju bħal ma tagħmel il-Knisja tagħna, li tkellimna b’dik il-lingwa tal-veru ortodossija li lkoll kemm aħna nifhmu, b’dik il-lingwa qawwija tal-katekiżmu, li tagħtina wkoll il-qawwa biex inkunu nistgħu nibqgħu mexjin ’il quddiem fil-glieda kontra l-ħażen.

Waqt li ġabar fil-qosor ir-riflessjonijiet tiegħu, il-Papa allura tenna d-dimensjoni tar-romolità tal-Knisja, li timxi fl-istorja bit-tama li tiltaqa’, li ssib l-għarus tagħha. Mill-bqija, saħaq Franġisku, Ommna l-Knisja  hija hekk: hija Knisja li meta tkun fidila taf tibki – tibki għal uliedha u titlob. Anzi, meta l-Knisja ma tibkix, xi ħaġa ma tkunx f’postha.  Waqt li l-Knisja tiffunzjona meta tkompli miexja ’l quddiem u tkabbar lil uliedha, tagħtihom il-qawwa tagħha, takkumpanjahom sal-aħħar tislima, biex hemm terħihom f’idejn l-għarus tagħha li fl-aħħar ukoll hi tiltaqa’ miegħu.

U billi l-Papa jara lil Ommna l-Knisja f’din l-armla li tibki, hemm bżonn li wieħed jistaqsi x’jgħid il-Mulej lil din l-omm biex jikkunslaha. It-tweġiba tinsab fl-istess kliem ta’ Ġesù irrappurtati minn Luqa: ‘La tibkix!’ Kliem li donnhom jgħidu: ‘La tibkix għaliex jiena miegħek, jien nakkumpanjak, jien nistenniek hemm, fit-tieġ tagħna, l-aħħar tieġ, dak tal-ħaruf.  Ieqaf mill-biki, dan ibnek li kien mejjet issa huwa ħaj.’ U lil dan tal-aħħar, it-tielet figura preżenti fix-xena evanġelika, il-Mulej idur lejh waqt li jordnalu: ‘Tfajjel, ngħidlek: qum!’ Għall-Papa dawn huma l-istess kliem li l-Mulej jindirizza lill-bnedmin fis-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni, meta aħna li nkunu mitna minħabba d-dnub, immorru biex nitolbuh maħfra.

Ir-rakkont ta’ Luqa jikkonkludi bid-deskrizjoni taż-żagħżugħ mejjet li jqum bilqiegħda u jibda jitkellem, u ta’ Ġesù li jtih lura lil ommu. Eżatt kif jagħmel magħna, innota l-Papa, meta jaħfrilna, meta jerġa’ jagħtina l-ħajja. Għaliex ir-rikonċiljazzjoni tagħna ma tintemmx fid-djalogu mal-qassis li jtina l-maħfra, imma tkun kompluta meta hu jagħtina lura lil Ommna. Infatti, ikkonkluda l-Qdusija Tiegħu, m’hemmx mixja tal-ħajja, m’hemmx maħfra, m’hemmx rikonċiljazzjoni barra minn Ommna l-Knisja, tant li dejjem ikun meħtieġ nitolbu lill-Mulej il-grazzja li nkunu fiduċjużi f’din l-Omm li tiddefendina, tgħallimna, u tgħinna nikbru.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb


%d bloggers like this: