Il-Knisja hija Omm, tkomplija


15. Katekeżi dwar il-Kredu mill-Papa Franġisku. 18 ta’ Settembru 2013

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Il-lum sa nerġa’ nitkellem fuq ix-xbieha tal-Knisja bħala omm. Lili togħġobni wisq din ix-xbieha tal-Knisja bħala omm. Għalhekk ridt nerġa’ lura fuqha, għax din ix-xbieha jidhirli li trid turina mhux biss kif inhi l-Knisja, imma anki liema wiċċ għandu jkollha dejjem iżjed il-Knisja, din ommna l-Knisja.

Nixtieq nagħfas fuq tliet punti, waqt li nħares dejjem lejn l-ommijiet tagħna, lejn dak kollu li jagħmlu, li jgħixu, li jsofru għal uliedhom, u nkompli fuq dak li għidt l-Erbgħa li għadda. Nistaqsi: X’tagħmel l-omm?

1. L-ewwel nett hi tgħallem lil uliedha jimxu fit-triq tal-ħajja, tgħallimhom jgħixu tajjeb, taf torjentahom, tfittex dejjem li turihom it-triq it-tajba fil-ħajja biex jikbru u jsiru adulti. U dan tagħmlu bi ħlewwa, b’affett, bi mħabba, dejjem, anki meta tfittex li tiddritta l-mixja tagħna għax inkunu żvijajna xi ftit fil-ħajja jew qbadna toroq li jwasslu lejn xi rdum. L-omm taf x’inhu importanti għal binha biex dan jimxi ’l quddiem fil-ħajja, u dan ma tgħallmitux mill-kotba, imma tgħallmitu minn qalbha stess. L-Università ta’ l-ommijiet hi qalbhom stess! Hemm jitgħallmu kif imexxu ’l quddiem lil uliedhom.

Il-Knisja l-istess ħaġa tagħmel: torjenta l-ħajja tagħna, tagħtina t-tagħlim biex nimxu ’l quddiem. Aħsbu fl-Għaxar Kmandamenti: juruna t-triq li għandna nimxu biex nimmaturaw, biex ikollna punti stabbli fil-mod kif inġibu ruħna. U huma frott tal-ħlewwa, ta’ l-istess imħabba ta’ Alla li tahomlna. Intom tistgħu tgħiduli: Imma dawn ordnijiet! Huma ġabra ta’ “le”! Nistedinkom taqrawhom – forsi nsejtuhom xi ftit – biex imbagħad taħsbu dwarhom fil-pożittiv. Tintebħu li jitkellmu dwar il-mod kif għandna nġibu ruħna ma’ Alla, magħna nfusna u ma’ l-oħrajn, propju dak li tgħallimna l-omm biex ngħixu tajjeb. Jistednuna biex ma noħolqux idoli materjali li mbagħad iġibuna lsiera, biex niftakru f’Alla, biex nuru rispett lejn il-ġenituri tagħna, biex inkunu onesti, biex nirrispettaw lill-oħrajn… Ippruvaw ħarsu lejhom hekk u qisuhom qishom kienu l-kelmiet, it-tagħlim li l-omm tagħti lil uliedha biex dawn jimxu ’l quddiem fil-ħajja. L-omm qatt ma tgħallem dak li hu ħażin, għax lil uliedha tridilhom biss il-ġid, u hekk tagħmel il-Knisja.

2. Nixtieq ngħidilkom it-tieni ħaġa: meta iben jikber, isir adult, hu jaqbad it-triq tiegħu, jerfa’ fuqu r-responsabbiltajiet tiegħu, jimxi fuq riġlejh stess, jagħmel dak li jidhirlu hu, u, xi drabi, jiġri wkoll li joħroġ mit-triq, jinqala’ xi inċident. F’kull sitwazzjoni, l-omm dejjem bil-paċenzja kollha tkompli takkumpanja lil uliedha. Dak li jagħtiha s-saħħa hu l-qawwa ta’ l-imħabba; l-omm taf issegwi l-mixja ta’ wliedha b’diskrezzjoni, bi ħlewwa, u anki meta jiżbaljaw, dejjem issib il-mod kif tifhem, kif tkun qrib tagħhom, biex tgħinhom. Aħna – f’pajjiżi – ngħidu li l-omm taf “dar la cara”. Xi jfisser dan? Ifisser li l-omm taf “tagħmel wiċċha” għal uliedha, jiġifieri tħossha fid-dmir li tiddefendihom, dejjem. Jiġuni f’moħħi l-ommijiet li jbatu minħabba li wliedhom huma fil-ħabs jew f’sitwazzjonijiet diffiċli: ma joqgħodux jistaqsu jekk għandhomx ħtija jew le, jibqgħu jħobbuhom u spiss jgħaddu minn umiljazzjonijiet, imma ma jibżgħux, ma jiqfux jingħataw għalihom.

Il-Knisja hi hekk, omm ħanina, li tifhem, li tfittex dejjem li tgħin, li tinkuraġġixxi anki quddiem uliedha li żbaljaw jew qed jiżbaljaw, qatt ma tagħlaq il-bibien tad-Dar; ma tiġġudikax, imma toffri l-maħfra ta’ Alla, toffri l-imħabba tiegħu li anki lil dawk l-ulied li waqgħu f’abbiss fond tistedinhom jerġgħu jaqbdu l-mixja, il-Knisja ma tibżax tidħol fil-lejl tagħhom biex tagħtihom it-tama; il-Knisja ma tibżax tidħol fil-lejl tagħna meta nkunu fid-dalma tar-ruħ u tal-kuxjenza, biex tagħtina t-tama! Għax il-Knisja hi omm!

3. Ħsieb ta’ l-aħħar. L-omm taf ukoll titlob, tħabbat fuq kull bieb minħabba fi wliedha, mingħajr ma toqgħod tqis, dan tagħmlu bi mħabba. U jiġini f’moħħi kif l-ommijiet jafu jħabbtu wkoll u fuq kollox fuq il-bieb tal-qalb ta’ Alla! L-ommijiet jitolbu tant għal uliedhom, speċjalment għal dawk l-iżjed dgħajfa, għal dawk li l-iżjed għandhom bżonn, għal dawk li fil-ħajja tagħhom qabdu toroq perikolużi jew żbaljati. Ftit tal-ġimgħat ilu ċċelebrajt il-Quddiesa fil-knisja ta’ Santu Wistin, hawn f’Ruma, fejn hemm miżmuma r-relikwi ta’ ommu, Santa Monika. Kemm talb għolliet quddiem Alla dik l-omm qaddisa minħabba f’binha, u kemm dmugħ xerrdet! Naħseb fikom, għeżież ommijiet: kemm titlobu għal uliedkom, bla heda! Komplu itolbu, komplu afdaw lil uliedkom lil Alla; Hu għandu qalb kbira! Ħabbtu fuq il-bieb tal-qalb ta’ Alla bit-talb għal uliedkom.

U hekk ukoll tagħmel il-Knisja: bit-talb tqiegħed f’idejn Alla s-sitwazzjonijiet kollha ta’ wliedha. Nafdaw fil-qawwa tat-talb ta’ Ommna l-Knisja: il-Mulej ma jibqax sieket. Jaf dejjem jgħaġġibna fl-inqas ħin li nkunu nistennewh. Dan il-Knisja Omm tafu!

Hekk hu, dawn kienu l-ħsibijiet li ridt ngħidilkom il-lum: naraw fil-Knisja omm tajba li turina t-triq li għandna nimxu fil-ħajja, li taf tistabar, tħenn, tifhem u tagħder, u taf tqegħidna f’idejn Alla.

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.