Il-Papa f’Santa Marta: Il-biża’ tas-salib

Print Friendly, PDF & Email

Is-Sibt, 28 ta’ Settembru 2013: Is-salib ibeżża’. Imma li ssegwi lil Ġesù jfisser b’mod inevitabbli li taċċetta s-salib li jitpoġġa quddiem kull Nisrani. U lill-Madonna – li taf, minħabba li ppruvatu kif tinsab maġemb is-salib – irridu nitolbuha l-grazzja li ma naħarbux quddiemu, allavolja ninħakmu mill-biża’. Din kienet ir-riflessjoni tal-Papa Franġisku dalgħodu, is-Sibt 28 ta’ Settembru 2013, waqt il-quddiesa ċcelebrata fil-kappella tad-Dar Santa Marta.

Waqt li kkummenta s-silta liturġika ta’ Luqa (9, 43-45), il-Qdusija Tiegħu fakkar li fi żmien ir-rakkont tal-Evanġelista, Ġesù kien impenjat f’ħafna attivitajiet u lkoll kienu mgħaġġba bil-ħwejjeġ kollha li kien qed jagħmel. Kien il-mexxej ta’ dak il-waqt. Il-Ġudea, il-Galilea u s-Samarija kollha kienu jitkellmu dwaru. U jista’ jkun li, fil-waqt li fih id-dixxipli kienu mimlija ferħ b’dan, Ġesù qalilhom: ‘Żommu sewwa f’moħħkom dan il-kliem: Bin il-bniedem ser ikun mogħti f’idejn il-bnedmin.’

Il-Papa nnota li, fil-waqt tat-trijonf, b’xi mod Ġesù jħabbar il-Passjoni tiegħu. Id-dixxipli, iżda, tant kienu infatwati bil-waqt ta’ rebħa, li dan il-kliem ma fehmuhx: baqa’ għalihom hekk misterjuż li inqas biss irnexxielhom jifhmu s-sens. U huma ma talbu ebda spjega. L-Evanġelju jgħid: ‘beżgħu jistaqsuh dwar dan.’ Aħjar mela ma nitkellmux. Aħjar ma nifhmux il-verità. Beżgħu mis-salib.

Fis-sewwa, Ġesù wkoll kien qed jibża’; imma hu ma setax iqarraq bih innifsu, spjega l-Papa. Huwa kien jaf. U tant kien il-biża’ tiegħu li f’dik il-għaxija tal-Ħamis għereq l-għaraq tad-demm. Huwa saħansitra talab lil Alla: ‘Missier biegħed minni dan il-kalċi.’ Imma żied: ‘Tkun magħmula r-rieda tiegħek.’ U din hija d-differenza. Is-salib ibeżżagħna.

Dan huwa wkoll dak li jiġri meta nimpenjaw ruħna fix-xiehda tal-Evanġelju, fis-segwaċità ta’ Ġesù. Ilkoll inkunu kuntenti, innota l-Papa, imma ma nistaqsux ħaġ’oħra, ma nitkellmux dwar is-salib. Madankollu, huwa kompla, bħal ma  teżisti r-regola li d-dixxiplu mhux ikbar minn sidu – regola, ippreċiża Franġisku, li tkun irrispettata – hekk ukoll teżisti r-regola li minħabba fiha m’hemmx fidwa mingħajr it-tixrid tad-demm. U m’hemmx xogħol appostoliku li jsir mingħajr is-salib.

Kull wieħed minna, kompla jispjega l-Papa, jista’ forsi jaħseb: ‘U lili x’se jiġrili? Kif se jkun is-salib?’ Imma ma nafux x’se jkun u hemm bżonn li nitolbu l-grazzja li ma naħarbux mis-salib meta dan jasal. Veru li jbeżżagħna imma s-segwaċità ta’ Ġesù tispiċċa proprju hemm. Jiġuni f’moħħi l-kliem ta’ Ġesù lil Pietru f’dik l-inkoronazzjoni pontifiċja: ‘Tħobbni? Irgħa…. Tħobbni? Irgħa… Tħobbni? Irgħa…’ (cfr. Ġwanni 21, 15-19). U l-aħħar kliem kienu l-istess: ‘Jeħduk hemm fejn inti ma tridx tmur.’ Kienet it-tħabbira tas-salib.

Huwa proprju għal dan, qal il-Qdusija Tiegħu fl-għeluq, waqt li reġa’ lura lejn is-silta evanġelika tal-liturġija, li d-dixxipli beżgħu jistaqsuh. Viċinissima ta’ Ġesù msallab kien hemm ommu. Forsi llum, il-jum li fih nitolbuha, ikun aħjar li nitolbuha l-grazzja – mhux li tneħħielna l-biża’, għaliex dik trid taqbadna – nitolbuha l-grazzja li ma naħarbux mis-salib. Hi kienet hemm u taf kif għandha toqgħod viċin is-salib.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb


%d bloggers like this: