Il-Papa f’Santa Marta: Fit-triq ta’ Ġesù

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ġimgħa, 27 ta’ Settembru 2013: L-għażla hi jekk inkunux Insara tal-ġid jew Insara li jsegwu lil Ġesù. L-Insara tal-ġid huma dawk li jaħsbu li għandhom kollox jekk għandhom il-Knisja, is-sagramenti, il-qaddisin…. L-oħrajn huma l-Insara li jsegwu lil Ġesù sal-aħħar, sal-umiljazzjoni tas-salib, u jissaportu bil-kwiet din l-umiljazzjoni. Din hija fil-qosor is-sintesi tar-riflessjoni proposta mill-Papa Franġisku dalgħodu, il-Ġimgħa 27 ta’ Settembru 2013, fl-omelija tal-quddiesa fil-kappella tad-Dar Santa Marta.

Il-Qdusija Tiegħu kompla ma’ dak li qal il-bieraħ rigward id-diversi modi biex nagħrfu lil Ġesù u fakkar li dan isir bl-intelliġenza, bil-katekiżmu, bit-talb u bil-bqija. Huwa fakkar id-domanda tal-bidu ta’ din ir-riċerka tal-għarfien ta’ Ġesù: ‘Imma min hu dan?’ Illum però huwa Ġesù li jagħmel id-domanda, hekk kif inhu rrakkuntat minn Luqa fis-silta tal-Evanġelju tallum (9, 18-22). Dik ta’ Ġesù, innota l-Papa, hija domanda li, minn ġenerali – ‘Il-folol min jgħidu li jien?’ – tinbidel f’waħda li ssir b’mod partikolari lil persuni speċifiċi, f’dan il-każ lill-Appostli: ‘Imma intom min tgħidu li jien?’ Din id-domanda, kompla l-Papa, issir ukoll lilna f’dan il-waqt li fih il-Mulej jinsab f’nofsna f’din iċ-ċelebrazzjoni, f’Kelmtu, fl-Ewkaristija fuq l-altar, fis-sagrifiċċju tiegħu. U llum, lil kull wieħed u waħda minna jistaqsina: ‘Imma għalik min jien jien:  Is-sid ta’ din id-ditta? Profeta tajjeb? Mgħallem tajjeb? Wieħed li jagħmel tajjeb lill-qalb? Wieħed li jimxi flimkien miegħek fil-ħajja, li jgħinek timxi ’l quddiem, biex tkun xi ftit tajjeb?’

Iva, dan kollu minnu imma ma jiqafx hawn, għaliex kien l-Ispirtu s-Santu li mess qalb Pietru u ġiegħlu jgħid min kien Ġesù: ‘Int il-Kristu, Bin Alla l-ħaj.’ Min minna, kompla fl-ispjega tiegħu l-Papa, fit-talb tiegħu, waqt li jħares lejn it-tabernaklu, jgħid lill-Mulej: ‘Int il-Kristu, Bin Alla l-ħaj’, għandu jkun jaf żewġ ħwejjeġ. L-ewwel hija li dan ma jistax jgħidu waħdu; ikun l-Ispirtu s-Santu li jgħidu fih. It-tieni ħaġa hija li għandu jkun ippreparat għaliex huwa żgur li jwieġbek.

Il-Qdusija Tiegħu mbagħad waqaf biex jiddeskrivi l-atteġġjamenti diversi li Nisrani jista’ jieħu: min isegwih sa ċertu punt, min mill-banda l-oħra jservih sal-aħħar. Il-periklu li jgħaddi minnu, wissa l-Papa, huwa dak li jċedi għat-tentazzjoni tal-ġid spiritwali, jiġifieri li jaħseb li għandna kollox: il-Knisja, Ġesù Kristu, is-sagramenti, il-Madonna, u allura m’għandna għalfejn infittxu xejn iktar. Jekk naħsbuha hekk, aħna tajbin, ilkoll, għaliex almenu rridu naħsbu dan; jekk naħsbu l-kuntrarju, huwa dnub. Imma dan mhux biżżejjed.  

Il-Papa spjega li l-konfort spiritwali huwa sa ċertu punt. Dak li jonqos biex tkun Nisrani tassew huwa d-dlik tas-salib, id-dlik tal-umiljazzjoni. Hu umilja lilu nnifsu sal-mewt  u sal-mewt tas-salib. Din hija l-ġebla tal-paragun, il-verifika tar-realtà tagħna nisranija. Jien Nisrani tal-kultura tal-konfort jew jien Nisrani li nsegwi lill-Mulej sas-salib? Biex nifhmu jekk aħniex dawk li jakkumpanjaw lil Ġesù sas-salib, is-sinjal ġust  huwa l-ħila li nissaportu l-umiljazzjonijiet. In-Nisrani li ma jaqbilx ma’ dan il-programm tal-Mulej huwa Nisrani ta’ nofs mixja: biered. Huwa tajjeb, jagħmel ħwejjeġ tajbin, imma jkompli ma jaċċettax l-umiljazzjonijiet u jkompli jistaqsi: għaliex lil dan iva u lili le. L-umiljazzjoni lili le. U għaliex iseħħ lil dan u lili le? U għaliex lil dan jaħtruh monsinjur u lili le?

Naħsbu dwar Ġakbu u Ġwanni, kompla l-Qdusija Tiegħu, meta talbu lill-Mulej il-favur tal-onorefiċenza. ‘Ma tafux, ma tifhmu xejn,’ jgħidilhom il-Mulej. L-għażla hija ċara: ‘Bin il-Bniedem jeħtieġ li jbati ħafna, ikun rifjutat mix-xjuħ, mill-kapijiet tal-qassissin u tal-iskribi, ikun maqtul u jerga’ jqum fit-tielet jum.’

Imma aħna lkoll irridu li nwettqu t-tmiem ta’ dan il-paragrafu. Ilkoll irridu nqumu mat-tielet jum. Huwa tajjeb, hemm bżonn li nkunu rridu dan. Imma, kompla l-Papa, aħna mhux ilkoll disposti li, biex nilħqu dan l-oġġettiv, insegwu din it-triq, it-triq ta’ Ġesù.  Iħossu li jkun skandlu jekk issirilhom xi ħaġa li huma jħossu li jkun tort, u allura jgergru. Mela s-sinjal biex nifhmu jekk Nisrani huwiex tassew Nisrani huwa l-ħila tiegħu li jġorr l-umiljazzjonijiet bil-ferħ u bis-sabar.

Din hija ħaġa li xejn ma togħġob, enfasizza fl-aħħar il-Papa Franġisku; b’danakollu hemm bosta Nsara li, waqt li jħarsu lejn il-Mulej, jitolbuh l-umiljazzjonijiet biex ikunu iktar jixbhu lilu.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb


%d bloggers like this: