Il-Papa f’Santa Marta: L-arja tal-Knisja

Print Friendly, PDF & Email

It-Tnejn, 30 ta’ Settembru 2013: Paċi u ferħ: din hija l-arja tal-Knisja. Waqt li kkummenta l-qari tal-quddiesa ċċelebrata fil-kappella tad-Dar Santa Marta, fil-għodwa tat-Tnejn 30 ta’ Settembru 2013, il-Papa Franġisku waqaf fuq l-atmosfera li wieħed jieħu meta l-Knisja tkun taf tilqa’ l-preżenza kostanti tal-Mulej. Atmosfera ta’ paċi, appuntu fejn jirrenja l-ferħ tal-Mulej.

L-episodji li rrefera għalihom kienu dawk meħuda mill-ktieb ta’ Żakkarija (8, 1-8) – bil-profezija tal-pjazez ta’ Ġerusalemm li jimtlew bix-xjuħ mistrieħa fuq il-bsaten, biex jimmanifesta l-valur tal-ħajja twila tagħhom, maġemb iż-żgħażagħ li jilagħbu kuntenti, biex juri l-ferħ tal-poplu ta’ Alla – u mis-silta tal-Evanġelju ta’ Luqa (9, 46-50) li jirrakkonta dwar id-disputa fost l-Appostli fuq min kien l-ikbar fosthom.

Fiż-żewġ siltiet il-Papa jara speċi ta’ diskussjoni, jew aħjar bdil ta’ opinjoni dwar l-organizzazzjoni tal-Knisja. Imma huwa fakkar li l-Mulej jieħu gost jissorprendi u hekk jisposta ċ-ċentru tad-diskussjoni: jiġbed ħdejh it-tifel u jgħid: ‘Min jilqa’ lil dan it-tifel f’ismi, jilqa’ lili. Infatti min hu l-iżgħar fostkom ilkoll, dan huwa l-ikbar.’  U d-dixxipli ma fehmux.

Fl-ewwel qari, sostna l-Papa, smajna l-wegħda ta’ Alla lill-poplu tiegħu: ‘Nerġa’ lura f’Sion, ngħammar f’Ġerusalemm u Ġerusalemm tissejjaħ il-belt fidila.’ Il-Mulej jerga’ lura. Imma liema huma s-sinjali li l-Mulej reġa’ lura: Organizzazzjoni sabiħa? Gvern li jimxi ’l quddiem kollu nadif, kollu perfett?, staqsa l-Papa. Biex iwieġeb il-Qdusija Tiegħu reġa’ ppropona l-immaġni tal-pjazza ta’ Ġerusalemm mimlija xjuħ u tfal.

Mela dawk li nħallu fil-ġenb meta naħsbu fi programm ta’ organizzazzjoni, enfasizza l-Papa, ikunu s-sinjal tal-preżenza ta’ Alla: ix-xjuħ u t-tfal. Ix-xjuħ għaliex iġorru magħhom l-esperjenza, l-esperjenza ta’ ħajjithom, l-esperjenza tat-tradizzjoni, l-esperjenza tal-istorja, l-esperjenza tal-liġi ta’ Alla; u t-tfal għaliex huma wkoll il-qawwa, il-futur, dawk li jkomplu mexjin ’il quddiem bil-qawwa tagħhom u b’ħajjithom fil-futur.

Il-futur ta’ poplu, reġa’ tenna l-Papa Franġisku, jinsab proprju hawn, fix-xjuħ u fit-tfal. U poplu li ma jiħux ħsieb ix-xjuħ u t-tfal tiegħu m’għandux futur, għaliex ma jkollux memorja u ma jkollux wegħda. Ix-xjuħ u t-tfal huma l-futur ta’ poplu.

Sfortunatament, huwa żied, hija konswetudni ta’ niket li twarrab fil-ġenb lit-tfal b’xi karamella jew b’xi logħba. L-istess bħal ma hu li ma tħallix lix-xjuħ jitkellmu u tgħaddi mingħajr il-pariri tagħhom. Madankollu Ġesù rrakkomanda li tingħata l-ikbar attenzjoni lit-tfal, li ma tiskandalizzahomx; hekk kif ifakkar li l-uniku kmandament li jġorr miegħu barka huwa proprju r-raba’, dak dwar il-ġenituri, dwar ix-xjuħ: Onorahom.

Id-dixxipli, naturalment, riedu li l-Knisja tkompli miexja ’l quddiem mingħajr problemi. Imma dan, wissa l-Papa, jista’ jsir tentazzjoni għall-Knisja: il-Knisja tal-funzjonaliżmu, il-Knisja organizzata sewwa, kollox f’postu. Imma mhuwiex hekk, għaliex tkun Knisja mingħajr memorja u mingħajr wegħda.  U dan, bla ebda dubju, ma jistax ikun.

Il-profeta, kompla l-Qdusija Tiegħu, jgħidilna dwar il-vitalità tal-Knisja. Iżda ma jgħidilniex: ‘Imma jien se nkun magħkom u kull ġimgħa jkollkom dokument biex taħsbu; kull xahar nagħmlu laqgħa biex nippjanifikaw.’ Dan kollu  huwa meħtieġ, żied jgħid il-Papa, imma mhuwiex is-sinjal tal-preżenza ta’ Alla. Xi jkun dan is-sinjal jgħidilna l-Mulej: Xjuħ irġiel u nisa jkunu bilqiegħda fil-pjazez ta’ Ġerusalemm, kull wieħed u waħda minnhom bil-bastun f’idejhom minħabba l-ħajja twila tagħhom. U l-pjazez tal-ibliet jimtlew bħan-nemel bi tfal bniet u subien li jilagħbu fil-pjazez.

Il-logħob, temm jgħid l-Isqof ta’ Ruma, iġegħilna naħsbu dwar il-ferħ. Dan huwa l-ferħ tal-Mulej. U dawn ix-xjuħ bilqiegħda bil-bastun f’idejhom iġegħluna naħsbu fil-paċi. Paċi u ferħ, din hija l-arja tal-Knisja.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb


%d bloggers like this: