Il-Papa f’Santa Marta: L-umiltà hija l-qawwa tal-Evanġelju

Print Friendly, PDF & Email

It-Tlieta, 1 ta’ Ottubru 2013: ‘Illum hawn, fil-Vatikan, tibda l-laqgħa mal-Kardinali konsulturi li qegħdin jikkonċelebraw fil-quddiesa. Nitolbu lill-Mulej li x-xogħol tagħna tallum jagħmilna iktar umli, iktar mansweti, iktar paċenzjużi, iktar fiduċjużi f’Alla, għaliex hekk il-Knisja tista’ tagħti xiehda tajba lill-bnedmin. U waqt li l-poplu ta’ Alla jaraw lill-Knisja, iħossu x-xewqa li jiġu magħna.’ Dan kien il-kliem tal-Papa Franġisku fi tmiem l-omelija tal-quddiesa ċċelebrata mal-komponenti tal-Kunsill tal-Kardinali t-Tlieta filgħodu, l-1 ta’ Ottubru 2013, fil-kappella tad-Dar Santa Marta. U fil-jum tal-festa ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesù, patruna tal-missjonijiet, il-Papa ried ifakkar ix-xiehda ta’ fidi u ta’ umiltà.

Il-Papa Franġisku beda l-omelija tiegħu billi kkummenta s-silta tal-Evanġelju ta’ Luqa (9, 51-56).  Ġesù, huwa qal, iċanfar lil dawn iż-żewġ Appostli, Ġakbu u Ġwanni, għaliex riedu li jinżel in-nar mis-sema fuq dawk li ma ridux jilqgħuh f’raħal tas-Samaritani. U jista’ jkun li f’moħħu kien hemm l-arċitip tan-nar li kien niżel fuq Sodoma u Gomorra u li kien qered kollox. Iż-żewġ Appostli, spjega l-Papa, ħassew li l-għeluq tal-bieb lil Ġesù kienet offiża kbira: dawn in-nies kien ħaqqhom li jkunu kkastigati. Imma l-Mulej dar fuqhom u ċanfarhom: ‘Dan mhux l-ispirtu tagħna.’ Infatti, żied il-Papa Franġisku, il-Mulej dejjem imur ’il quddiem, iġegħilna nagħrfu kif inhi t-triq nisranija. Mhijiex, f’dan il-każ, triq ta’ vendetta. L-ispirtu nisrani huwa ħaġ’oħra, jgħid il-Mulej. Huwa l-ispirtu li se jurina Hu fil-waqt l-iktar qawwi ta’ ħajtu, fil-passjoni: spirtu ta’ umiltà, spirtu ta’ manswetudni.

U llum, it-tifkira ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesù, enfasizza l-Isqof ta’ Ruma, iġġegħilna naħsbu sewwa dwar dan l-ispirtu ta’ umiltà, ta’ ħlewwa, ta’ tjubija. Dan l-ispirtu manswet huwa proprju dak li l-Mulej irid minna lkoll. Fejn hi l-qawwa li twassalna għal dan l-ispirtu? Proprju fl-imħabba, fil-karità, fl-għarfien li aħna ninsabu f’idejn il-Missier. Bħal ma qrajna fil-bidu tal-quddiesa: Il-Mulej jeħodna, jeħodna ’l fuq, imexxina ’l quddiem, huwa magħna, jidderiġina.

Il-ktieb tad-Dewteronomju, kompla l-Papa, jgħid li Alla jidderiġina bħalma missier jiddirieġi lil ibnu: bil-ħlewwa. Meta jħoss dan, ma tiġihx ix-xewqa li jġiegħel jinżel in-nar mis-sema. Le, ma tiġihx. Jiġih l-ispirtu l-ieħor: l-ispirtu ta’ dik il-karità li ssofri kollox, li taħfer kollox, li ma tiftaħarx, li hija umli, li ma tfittixx lilha nfisha.

Il-Papa Franġisku f’dan il-punt reġa’ ppropona  l-qawwa u l-attwalità tal-figura ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesù. Il-Knisja għarfa ħatret lil din il-qaddisa umli, ċkejkna, fiduċjuża f’Alla, mansweta, patruna tal-missjonijiet. Dan ma jiftiehemx. Il-qawwa tal-Evanġelju hija proprju hemm, għaliex l-Evanġelju jasal proprju fil-punt l-iktar umli ta’ Ġesù. Umiltà li ssir umiljazzjoni. U l-qawwa tal-Evanġelju tinsab proprju fl-umiltà: umiltà ta’ tifel żgħir li jħalli lilu nnifsu jitmexxa mill-imħabba u l-ħlewwa tal-Missier.

Il-Papa allura reġa’ dar fuq l-ewwel qari taċ-ċelebrazzjoni, meħud mill-ktieb ta’ Żakkarija (8, 20-23).  F’dawk il-jiem, għaxra min-nies tal-lingwi kollha tan-nazzjonijiet qabdu Lhudi minn tarf il-mantell u qalulu: ‘Irridu niġu miegħek għaliex smajna li Alla huwa magħkom.’ U mbagħad żied li l-Knisja, kif qalilna Benedittu XVI, tikber bl-attrazzjoni, bix-xiehda. U meta l-popli jaraw din ix-xiehda ta’ umiltà, ta’ manswetudni, ta’ ħlewwa, iħossu l-bżonn li dwaru jitkellem il-profeta Żakkarija: ‘Irridu niġu magħkom!’ Il-popli jħossu dak il-bżonn quddiem ix-xiehda tal-karità. Hija din il-karità pubblika, mingħajr prepotenza, mhix suffiċjenti, umli, li tadura u taqdi… Hija sempliċi l-karità: tadura lil Alla u taqdi lill-oħrajn. Din ix-xiehda tkabbar lill-Knisja. Huwa proprju għalhekk, ikkonkluda l-Papa Franġisku, li Santa Tereża tal-Bambin Ġesù, tant umli imma tant fiduċjuża f’Alla, kienet nominata patruna tal-missjonijiet, għaliex l-eżempju tagħha jġiegħel lin-nies jgħidu: ‘Irridu niġu magħkom.’

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb