Il-Papa f’Santa Marta: Intelliġenza, qalb, kontemplazzjoni

Print Friendly, PDF & Email

It-Tlieta, 22 ta’ Ottubru 2013: Alla ma salvaniex b’digriet jew b’liġi; salvana b’ħajtu. Dan huwa misteru li, biex nifhmuh, l-intelliġenza waħedha mhix biżżejjed; anzi, li tfittex li tispjegah bl-użu biss tal-intelliġenza jfisser li tissogra l-ġenn. Biex tifhmu trid ferm aktar, enfasizza l-Papa Franġisku fl-omelija tal-quddiesa ċċelebrata fid-Dar Santa Marta, nhar it-Tlieta 22 ta’ Ottubru 2013, filgħodu.

Naturalment din hija xi ħaġa li mhux lakemm tifhimha, lanqas li tispjegaha. Waqt li kkwota diversi passi mill-kapitlu 5 tal-ittra lir-Rumani (12, 15, 17-19, 20-21), il-Papa stqarr li ma kienx jaf jekk is-silta mill-ittra li kienet għadha kemm inqrat kinitx waħda mill-iktar diffiċli. Naraw lill-imsejken Pawlu jitħabat biex ixandar li Alla salvana b’ħajtu, biex forsi jifhmuh. Madankollu huwa jgħinna biex noqorbu lejn il-verità. U għal dan il-għan il-Qdusija Tiegħu indika tliet kelmiet li jistgħu jiffaċilitaw il-fehim tagħna: kontemplazzjoni, viċinanza u abbundanza.

Fuq kollox il-‘kontemplazzjoni’. Bla ebda dubju, ġegħilna ninnutaw il-Papa, dan huwa misteru straordinarju, tant li l-Knisja, meta trid tgħidilna xi ħaġa dwar dan il-misteru, tuża biss kelma waħda: meraviljożament. Hija tgħid: ‘O Alla, int li meraviljożament ħloqt id-dinja u iktar meraviljożament ħloqtha….’. Pawlu jridna nifhmu proprju dan: biex nifhmu hemm bżonn li ninżlu għarkupptejna, nitolbu u nikkontemplaw.  Il-kontemplazzjoni hija intelliġenza, qalb, irkupptejn, talb; u li tqiegħed dan kollu flimkien, ippreċiża l-Isqof ta’ Ruma, ifisser li tidħol fil-misteru. Mela, dak li San Pawl jgħid fir-rigward tal-fidwa u tar-redenzjoni mwettqa minn Ġesù jiftiehem biss għarkupptejk, fil-kontemplazzjoni; mhux unikament bl-intelliġenza, għaliex meta l-intelliġenza trid tispjega misteru, tiġġennen dejjem. Hekk ġara fl-istorja tal-Knisja.

It-tieni kelma li għaliha aċcenna l-Papa hija ‘viċinanza’. Huwa nnota li dan huwa kunċett li spiss ifiġġ fis-silta: bniedem għamel id-dnub, bniedem ieħor salvah. Dan huwa Alla qrib. Dan il-misteru jurina lil Alla qribna, qrib l-istorja tagħna.  Mill-ewwel waqt, meta għażel lil missierna Abraham, mexa mal-poplu tiegħu, u bagħat lil ibnu biex jagħmel dan ix-xogħol. Opra li Ġesù jwettaq bħal artiġjan, bħal ħaddiem.

F’dan ir-rigward il-Papa fada li x-xbiha li tiġih f’moħħu hija dik tal-infermier jew tal-infermiera fi sptar, li jfejqu l-ġrieħi waħda waħda, imma b’idejhom. Alla jitħallat fil-miżerji tagħna, joqrob lejn il-ġrieħi tagħna u jfejjaqhom b’idejh; u biex ikollu l-idejn sar bniedem. Dan hu xogħol ta’ Ġesù, personali: bniedem għamel id-dnub, bniedem jiġi biex ifejqu. Għaliex Alla ma jsalvaniex biss permezz ta’ digriet, b’liġi; isalvana bil-ħlewwa, isalvana biż-żegħil, isalvana b’ħajtu għalina.

It-tielet kelma hija ‘abbundanza’. Fl-ittra ta’ Pawlu ttenni ruħha diversi drabi: ‘Imma fejn kiber id-dnub, sopra kibret il-grazzja.’  Li d-dnub kiber fid-dinja u ġo qalb kull wieħed minna, huwa evidenti: kull wieħed minna jaf il-miżerji tiegħu, jagħrafhom sewwa. Dawn huma fl-abbundanza. Imma l-isfida ta’ Alla hija li jirbaħ id-dnub, ifejjaq il-ġrieħi bħalma għamel Ġesù. Anzi iktar minn hekk: jagħti r-rigal sopra abbundanti ta’ mħabbtu u tal-grazzja tiegħu.

Hekk tifhem ukoll il-preferenza ta’ Ġesù għall-midinbin. Akkużawh li kien imur dejjem mal-pubblikani, mal-midinbin. Li tmur tiekol mal-pubblikani kien skandlu, għaliex fil-qalb ta’ dawn in-nies kien jiffjorixxi d-dnub. Imma hu kien imur għandhom b’sopra abbundanza ta’ grazzja u ta’ mħabba. U l-grazzja ta’ Alla, spjega l-Papa, tirbaħ dejjem għaliex huwa Huwa stess li jirregalaha, li joqrob lejna, li jziegħel bina, li jfejjaqna.

Bla dubju, enfasizza l-Papa, li xi ħadd jisma’ lil min jgħid li l-midinbin huma eqreb lejn il-qalb ta’ Ġesù, li hu jmur ifittixhom, li jsejjaħ lil kulħadd: ‘Ejjew, ejjew…’ U meta jitolbuh spjega, huwa jgħid: ‘Imma dawk li huma b’saħħithom m’għandhomx bżonn tabib; jiena ġejt biex infejjaq, biex insalva bl-abbundanza.’

Xi qaddisin, fakkar il-Papa Franġisku fl-għeluq, jgħidu li wieħed mid-dnubiet l-iktar koroh huwa l-isfiduċja, li ma tafdax lil Alla. Imma kif nistgħu ma nafdawx lil Alla hekk qrib, hekk twajjeb, li jippreferixxi lil qalbna midinba? U hekk huwa dan il-misteru; mhux faċli li tifhmu, ma tifhmux sewwa, ma tistax tifhmu bl-intelliġenza biss. Forsi jgħinuna dawn it-tliet kelmiet: kontemplazzjoni – tikkontempla dan il-misteru; viċinanza – dan il-misteru moħbi fis-sekli ta’ Alla viċin, li joqrob lejna; u abbundanza – Alla li dejjem jirbaħ bis-sopra abbundanza tal-grazzja tiegħu, bil-ħlewwa tiegħu, jew, kif qrajna fit-talba tal-kolletta, bil-għana tal-ħniena tiegħu.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb