Il-Papa f’Santa Marta: Il-flus iservu imma x-xeħħa toqtol

Print Friendly, PDF & Email

It-Tnejn, 21 ta’ Ottubru 2013: Il-flus iservu biex jitwettqu tant opri tajbin, biex jgħinu biex tavvanza l-umanità, imma ladarba jsiru l-unika raġuni tal-ħajja, jeqirdu lill-bniedem u l-irbit tiegħu mad-dinja ta’ barra. Dan huwa t-tagħlim li l-Papa Franġisku silet mis-silta liturġika tal-Evanġelju ta’ Luqa (12, 13-21) waqt il-quddiesa ċċelebrata dalgħodu, it-Tnejn 21 ta’ Ottubru 2013, ġewwa d-Dar Santa Marta.

Fil-bidu tal-omelija tiegħu l-Qdusija Tiegħu fakkar il-figura tal-bniedem li jitlob lil Ġesù biex jordna lil ħuh ħalli jaqsam miegħu l-wirt. Għall-Papa, infatti, il-Mulej ikellimna permezz ta’ dan il-persunaġġ dwar ir-rapport tagħna mal-għana u mal-flus. Dan huwa suġġett li mhuwiex biss ta’ elfejn sena ilu imma li jippreżenta ruħu wkoll illum, il-jiem kollha. Kemm familji rajna meqruda, huwa kkummenta,  minħabba problemi ta’ flus: aħwa kontra aħwa, missier kontra wliedu! Għaliex l-ewwel konsegwenza tar-rabta mal-flus hija l-qerda tal-individwu u ta’ dawk li għandu madwaru.  Meta persuna tkun marbuta mal-flus, spjega l-Isqof ta’ Ruma, din teqred lilha nfisha, teqred il-familja.

Bla dubju ta’ xejn, il-flus m’għandhomx ikunu ddemonizzati fis-sens assolut.  Il-flus, ippreċiża l-Papa Franġisku, iservu biex imexxu ’l quddiem tant affarijiet tajbin, tant xogħlijiet, biex niżviluppaw l-umanità. Dak li għandu jkun ikkundannat, għall-kuntrarju, huwa l-użu mgħawweġ tagħhom. Għal dan il-għan il-Papa tenna l-istess kliem ippronunzjat minn Ġesù fil-parabbola li nsibuh fl-Evanġelju: ‘Min igeddes għalih it-teżori, ma jagħnix lilu nnifsu quddiem Alla.’ Minn hawn it-twissija: ‘Attenti u żommu ’l bogħod minn kull xorta ta’ xeħħa.’ Infatti hija din li tgħarraq ir-rapport mal-flus:  hija t-tensjoni kostanti li jkollok dejjem iktar li twassal għall-idolatrija tal-flus u tispiċċa bil-qerda tar-rapport mal-oħrajn. Għaliex ix-xeħħa tmarrad il-bniedem billi twasslu fl-intern ta’ ċirku vizzjuż li fih kull ħsieb waħdieni huwa rigward il-funzjonament tal-flus.

Mill-bqija, il-karatteristika l-iktar perikoluża tax-xeħħa hija proprju dik li tkun strument tal-idolatrija; għaliex tmur għal għonq it-triq kuntrarja għal dik imfassla minn Alla għall-bnedmin. U fir-rigward ta’ dan il-Qdusija Tiegħu kkwota lil San Pawl li jfakkar li Ġesù Kristu, li kien għani, irrenda lilu nnifsu fqir biex jagħni lilna. Hemm mela t-triq ta’ Alla, dik tal-umiltà, tat-tbaxxija biex isservi, u triq li tmur fid-direzzjoni opposta, ta’ fejn iwasslu x-xeħħa u l-idolatrija: fejn int, li int imsejken bniedem, tagħmel lilek innifsek Alla għall-vanità.

Għal dan il-għan, żied il-Papa, Ġesù jgħid ħwejjeġ hekk iebsa u hekk qawwija kontra r-rabta mal-flus: per eżempju, meta jfakkar li ma nistgħux naqdu żewġ sidien: jew lil Alla inkella lill-flus; jew meta jħeġġeġ biex ma ninkwetawx, għaliex il-Mulej jaf sewwa x’għandna bżonn; u wkoll meta jwassalna għall-abbandun fiduċjuż lejn il-Missier, li jiffjorixxi l-ġilji tal-għelieqi u jitma’ lill-għasafar tal-ajru.

L-atteġġjament oppost sewwa għal din il-fiduċja fil-ħniena divina hija proprju tal-protagonista tal-parabbola evanġelika li ma kien jirnexxilu jaħseb f’xejn iktar għajr fl-abbundanza tal-qamħ miġbur fil-kampanja u tal-ġid akkumulat. Mistoqsi dwar x’seta’ jagħmel, spjega l-Papa Franġisku, seta’ jwieġeb:  ‘Nagħti dan lil xi ħadd ieħor sabiex ngħinu.’ Minflok, ix-xeħha wasslitu biex jgħid: ‘Nibni mħażen oħrajn u nimliehom.’ Dejjem iktar! Imġiba li, skont il-Papa, għandha l-ambizzjoni li tilħaq speċi ta’ divinità, kważi divinità idolatrika, kif jixhdu l-istess ħsibijiet tar-raġel: ‘Ruħ tiegħi, għandek bosta ġid għad-dispożizzjoni tiegħek, għal bosta snin; strieħ, kul, ixrob, iddeverti.’

Imma huwa proprju Alla li jreġġgħu lura għar-realtà tiegħu ta’ kreatura billi jiftaħlu għajnejh bis-sentenza: ‘Iblah, dal-lejl stess tintalab lura ħajtek.’ Għaliex, ikkonkluda l-Isqof ta’ Ruma, din it-triq, kuntrarja għat-triq ta’ Alla, hija bluha, tieħu ’l bogħod mill-ħajja, teqred kwalunkwe fraternità umana. Waqt li l-Mulej jurina l-vera triq, li mhix il-mixja tal-faqar għall-faqar; għall-kuntrarju hija l-mixja tal-faqar bħala strument.  Għaliex Alla huwa Alla; għaliex Hu huwa l-uniku Mulej, mhux l-idolu tad-deheb. Infatti l-ġid kollu li għandna, il-Mulej jagħtihulna biex imexxi ’l quddiem lid-dinja, biex imexxi ’l quddiem lill-umanità, biex ngħinu lill-oħrajn.

Minn hawn l-awgurju li tibqa’ llum f’qalbna l-kelma tal-Mulej, flimkien mal-istedina li nżommu ’l bogħod mix-xeħħa, għaliex ukoll jekk wieħed jinsab fl-abbundanza, ħajtu ma tiddependix fuq dak li għandu.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb