Katekeżi Kredu, Papa Franġisku, Udjenza Ġenerali

Marija hija xbieha u mudell tal-Knisja


20. Katekeżi dwar il-Kredu mill-Papa Franġisku. 23 t’Ottubru 2013

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Inkomplu bil-katekeżi fuq il-Knisja, u l-lum nixtieq inħares lejn Marija bħala xbieha u mudell tal-Knisja. Biex nagħmel dan nixtieq naqbad espressjoni tal-Konċilju Vatikan II. Tgħidilna l-Kostituzzjoni Lumen gentium: “Omm Alla, kif diġà għallem San Ambroġ, hija xbieha tal-Knisja fl-ordni tal-fidi, tal-karità u ta’ l-għaqda perfetta ma’ Kristu” (nru 63).

1. Nitilqu mill-ewwel aspett, Marija bħala mudell tal-fidi. F’liema sens Marija tirrappreżenta mudell għall-fidi tal-Knisja? Naħsbu ftit f’min kienet il-Verġni Marija: tfajla Lhudija, li kienet tistenna b’qalbha kollha l-fidwa tal-poplu tagħha. Imma f’dik il-qalb ta’ bint żagħżugħa ta’ Israel kien hemm moħbi sigriet li hi stess kienet għadha ma tafx bih: fil-pjan ta’ mħabba ta’ Alla kienet iddestinata biex issir l-Omm tal-Feddej. Fit-Tħabbira, il-Mesaġġier ta’ Alla jsejħilha “mimlija bil-grazzja” u juriha liema hu dan il-pjan. Marija twieġeb “iva” u minn dak il-waqt il-fidi ta’ Marija tilqa’ fiha dawl ġdid: tikkonċentra fuq Ġesù, l-Iben ta’ Alla li minnha ħa l-ġisem u li fih jitwettqu l-wegħdiet ta’ l-istorja kollha tas-salvazzjoni. Il-fidi ta’ Marija hi t-twettiq tal-fidi ta’ Israel, sewwa sew fiha tinġabar il-mixja kollha, it-triq kollha ta’ dak il-poplu li kien qed jistenna l-fidwa, u f’dan is-sens hi l-mudell tal-fidi tal-Knisja, li għandha bħala ċ-ċentru tagħha lil Kristu, inkarnazzjoni ta’ l-imħabba infinita ta’ Alla.

Kif għexitha Marija din il-fidi? Għexitha fis-sempliċità ta’ l-elf ħsieb u preokkupazzjoni li ta’ kuljum ikollha kull omm, fuq kif ħa tħejji l-ikel, il-ħwejjeġ, u tieħu ħsieb id-dar… Kienet propju din l-eżistenza normali tal-Madonna l-art li fuqha kibret relazzjoni singulari u djalogu profond bejnha u bejn Alla, bejnha u bejn Binha. L-“iva” ta’ Marija, diġà perfetta fil-bidu, issoktat tikber sas-siegħa tas-Salib. Hemm il-maternità tagħha twessgħet biex ħaddnet magħha lil kull wieħed u waħda minna, il-ħajja tagħna, biex twassalna għal għand Binha. Marija għexet dejjem mgħaddsa fil-misteru ta’ Alla magħmul bniedem, bħala l-ewwel dixxiplu perfett tiegħu, taħseb fuq kull ħaġa bejnha u bejn ruħha fid-dawl ta’ l-Ispirtu s-Santu, biex tista’ tifhem ir-rieda ta’ Alla u tqegħidha kollha fil-prattika.

Nistgħu nistaqsu lilna nfusna: Qed inħallu ddawwalna l-fidi ta’ Marija, li hi l-Omm tagħna? Jew nistħajluha ’l bogħod minna, wisq differenti minna? Fil-mumenti ta’ diffikultà, ta’ prova, ta’ dalma, qed inħarsu lejha bħala mudell ta’ fiduċja f’Alla, li trid dejjem u biss il-ġid tagħna? Naħsbu fuq dan, forsi jiswielna li nerġgħu nsibu f’Marija mudell u figura tal-Knisja f’din il-fidi li hi kellha!

2. Niġu għat-tieni aspett: Marija mudell ta’ karità. B’liema mod Marija hi għall-Knisja eżempju dejjem ħaj ta’ mħabba? Naħsbu ftit fuq id-disponibbiltà tagħha fil-konfront ta’ qaribtha Eliżabetta. Meta marret iżżurha, il-Verġni Marija ma ħaditilhiex biss għajnuna materjali, dan ukoll, imma wasslitilha lil Ġesù, li diġà kien jinsab f’ġufha. Li ħadet lil Ġesù f’dik id-dar kien ifisser li ħadet il-ferħ, il-ferħ sħiħ. Eliżabetta u Żakkarija kienu ferħana b’dik it-tqala li kienet tidher impossibbli għall-età tagħhom, imma hi x-xbejba Marija li twasslilhom il-ferħ sħiħ, dak li jiġi minn Ġesù u mill-Ispirtu s-Santu u jesprimi ruħu f’li nagħmlu karità bla ma nistennew ħlas, f’li naqsmu ma’ l-oħrajn, f’li ngħinu lil xulxin, f’li nifhmu lil xulxin.

Anki lilna l-Madonna trid iġġibilna, lilna lkoll, id-don kbir li hu Ġesù; u miegħU twasslilna l-imħabba tiegħu, il-paċi tiegħu, il-ferħ tiegħu. Hekk il-Knisja hi bħal Marija: il-Knisja m’hix negozju, m’hix xi aġenzija umanitarja, il-Knisja m’hix NGO, il-Knisja hi mibgħuta biex twassal lil Kristu u l-Vanġelu tiegħu għand kulħadd; ma twassalx lilha nfisha – sew jekk żgħira, sew jekk kbira, sew jekk b’saħħitha, sew jekk dgħajfa, il-Knisja twassal lil Ġesù u trid tkun bħal Marija meta marret iżżur lil Eliżabetta. X’ħaditilha magħha Marija? Lil Ġesù. Il-Knisja ġġorr lil Ġesù: din hi l-qalba tal-Knisja, li twassal lil Ġesù! Nagħmlu mod xi darba jiġri li l-Knisja ma twassalx lil Ġesù, dik tkun Knisja mejta! Il-Knisja trid twassal il-karità ta’ Ġesù, l-imħabba ta’ Ġesù, il-karità ta’ Ġesù.

Tkellimna dwar Marija, dwar Ġesù. U aħna? Aħna li aħna l-Knisja? Liema mħabba qed inwasslu lill-oħrajn? Hi l-imħabba ta’ Ġesù, li taqsam ma’ l-oħrajn, li taħfer, li takkumpanja, jew hi mħabba miżjuda bl-ilma, kif jispiċċa l-inbid li jidher qisu ilma? Hi mħabba qawwija, jew dgħajfa tant li timxi mas-simpatiji, li tfittex x’ħa tikseb lura, imħabba interessata? Mistoqsija oħra: Lil Ġesù togħġbu l-imħabba interessata? Le, ma togħġbux, għax l-imħabba trid tkun gratuwita, bħal tiegħu. Kif qed ikunu r-relazzjonijiet fil-parroċċi tagħna, fil-komunitajiet tagħna? Qed nittrattaw lil xulxin ta’ aħwa? Jew niġġudikaw lil xulxin, nitkellmu ħażin fuq xulxin; nagħtu kas tal-“ġnien ċkejken” tagħna, jew nagħtu kas ta’ xulxin? Huma mistoqsijiet ta’ karità!

3. U l-aħħar aspett fil-qosor: Marija mudell ta’ għaqda ma’ Kristu. Il-ħajja tal-Verġni Mqaddsa kienet ħajja ta’ mara tal-poplu tagħha: Marija kienet titlob, taħdem, tmur is-sinagoga… Imma kull għemil tagħha kienet twettqu dejjem f’għaqda perfetta ma’ Ġesù. Din l-għaqda tilħaq il-qofol tagħha fuq il-Kalvarju: hawn Marija tingħaqad ma’ Binha fil-martirju tal-qalb u fl-offerta ta’ ħajtu lill-Missier għall-fidwa tal-bnedmin. Il-Madonna daqet propju mill-uġigħ ta’ Binha u miegħU laqgħet ir-rieda tal-Missier, b’dik l-ubbidjenza li tagħti l-frott, li ġġib ir-rebħa vera fuq il-ħażen u fuq il-mewt.

Kemm hi sabiħa din ir-realtà li tgħallimna Marija: li nkunu dejjem magħqudin ma’ Ġesù! Nistgħu nistaqsu lilna nfusna: Niftakru f’Ġesù biss meta tmur xi ħaġa żmerċ jew niġu bżonn xi ħaġa, jew għandna miegħu relazzjoni kontinwa, ħbiberija profonda, anki meta dan ifisser li nimxu warajh fit-triq tas-salib?

Nitolbu lill-Mulej jagħtina l-grazzja tiegħu, il-qawwa tiegħu, biex ħajjitna u l-ħajja ta’ kull komunità ekkleżjali jirriflettu l-mudell ta’ Marija, Omm il-Knisja. Hekk ikun!

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s