Il-Papa f’Santa Marta: Dik il-paċi storbjuża

It-Tlieta, 3 ta’ Diċembru 2013: Ma tistax taħseb dwar Knisja mingħajr ferħ, għaliex Ġesù, l-għarus tagħha, kien mimli ferħ. Mela, l-Insara kollha għandhom jgħixu bl-istess ferħ f’qalbhom u jikkomunikawh sa truf id-dinja. Dan kien fil-qosor is-sens tar-riflessjoni proposta mill-Papa Franġisku dalgħodu, it-Tlieta 3 ta’ Diċembru 2013, waqt l-omelija tal-quddiesa ċcelebrata fil-kappella tad-Dar Santa Marta, f’jum it-tifkira tal-kbir evanġelizzatur Franġisku Saverju.

Il-Papa beda billi qal li l-kelma t’Alla llum tkellimna dwar il-paċi u l-ferħ.  Fil-profezija tiegħu (11, 1-10) Iżaija jgħidilna kif se jkunu jiem il-Messija. Se jkunu jiem ta’ paċi għaliex, spjega Franġisku, Ġesù se jġib il-paċi bejnna u bejn Alla, u l-paċi fostna. Mela l-paċi li lkoll kemm aħna nixtiequ hija dik tal-Messija.

L-Evanġelju ta’ Luqa (10, 21-24) ipproklamat waqt il-liturġija jgħin biex nifhmu xi ħaga iktar dwar Ġesù.  Il-Papa speċifika li nistgħu niskopru daqsxejn ir-ruħ ta’ Ġesù, il-qalb ta’ Ġesù li hija qalb ferrieħa. Aħna infatti mdorrijin naħsbu dwar Ġesù waqt li jipprietka, waqt li jfejjaq, waqt li jimxi għal għonq it-toroq u jitkellem man-nies, jew waqt li jitla’ fuq is-salib. Imma m’aħniex tant imdorrijin, qal l-Isqof  ta’ Ruma, biex naħsbu dwar Ġesù mbissem, ferrieħ. Ġesù kien mimli ferħ. Ferħ li kien jiġih mill-intimità mal-Missier. Huwa proprju minn dan ir-rapport mal-Missier fl-Ispirtu Santu li jitwieled il-ferħ intern ta’ Ġesù. Dak il-ferħ, żied il-Qdusija Tiegħu, li huwa jagħti lilna. U dan il-ferħ huwa l-vera paċi. Mhijiex paċi statika, kwieta, trankwilla: il-paċi nisranija hija paċi ferriħija, għaliex Ġesù huwa ferrieħ, Alla huwa ferrieħi.

Fit-talba tal-bidu tal-quddiesa, kompla l-Papa, tlabna l-grazzja tal-fervur missjunarju għaliex il-Knisja titgħaxxaq b’ulied ġodda. Ma nistgħux naħsbu fuq Knisja mingħajr ferħ, għaliex Ġesù ried li għarustu, il-Knisja, tkun ferrieħa. U l-ferħ tal-Knisja huwa proprju x-xandir ta’ isem Ġesù biex tkun tista’ tgħid: ‘L-għarus tiegħi huwa l-Mulej, huwa Alla li jsalvana u jakkumpanjana.’

F’dan il-ferħ ta’ għarusa, il-Knisja ssir omm. Pawlu VI, enfasizza l-Papa Franġisku waqt li fakkar it-tagħlim tal-predeċessur tiegħu, kien jgħid li l-ferħ tal-Knisja huwa proprju li tevanġelizza u li tittrasmetti dan il-ferħ lil uliedha.  Hekk nifhmu li l-paċi li dwarha jkellimna Iżaija, kompla l-Papa, hija paċi ta’ ferħ, paċi ta’ tifħir, paċi, ngħidu aħna, storbjuża fit-tifħir;  paċi fertili fil-maternità ta’ wlied ġodda; paċi li tiġi proprju fil-ferħ tat-tifħir lit-Trinità u fl-evanġelizzazzjoni, jiġifieri f’li tmur tgħid lill-popli min hu Ġesù.

Paċi u ferħ, mela, tenna l-Qdusija Tiegħu. U kompla jispjega li l-ferħ dejjem, għaliex joħroġ minn dikjarazzjoni dommatika ta’ Ġesù li jgħid:  ‘Int iddeċidejt hekk, li tirrivela lilek innifsek mhux lill-għorrief imma liċ-ċkejknin.’  Ukoll f’affarijiet hekk serji, bħal din, Ġesù huwa ferrieħ. Hekk ukoll il-Knisja hemm bżonn li tkun ferrieħa. Dejjem, żied jgħid il-Papa;  ukoll fil-perjodu tagħha ta’ armla, hija tkun ferrieħa fit-tama.  Nitolbu, ikkonkluda Franġisku, li l-Mulej jagħti dan il-ferħ lilna lkoll.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb