It-Tnejn, 2 ta’ Diċembru 2013: Ejjew niltaqgħu ma’ Ġesù mingħajr ebda għassa, miftuħin, sabiex hu jkun jista’ jġeddidna mill-profond ta’ ruħna. Din kienet l-istedina tal-Papa Franġisku fil-bidu ta’ zmien l-Avvent. Il-Papa indirizza lill-fidili waqt il-quddiesa ċċelebrata dalgħodu, it-Tnejn 2 ta’ Diċembru 2013, fil-kappella tad-Dar Santa Marta.
Huwa beda billi qal li l-mixja li qegħdin nibdew f’dawn il-jiem hija mixja ġdida tal-poplu ta’ Alla lejn il-Milied. U nimxu għal-laqgħa tal-Mulej. Il-Milied huwa infatti laqgħa: mhux biss rikorrenza temporali jew, speċifika l-Papa, tifkira ta’ xi ħaġa sabiħa. Il-Milied huwa aktar. Aħna se nmorru għal għonq din it-triq biex niltaqgħu mal-Mulej. Mela fil-perjodu tal-Avvent se nimxu biex niltaqgħu miegħu. Niltaqgħu miegħu bil-qalb, bil-ħajja; niltaqgħu miegħu ħaj, kif inhu hu; niltaqgħu miegħu bil-fidi.
Fil-fatt, mhux faċli li tgħix bil-fidi, innota l-Isqof ta’ Ruma. U fakkar l-episodju taċ-ċenturjun li, skont ir-rakkont tal-Evanġelju ta’ Mattew (8, 5-11), jinxteħet quddiem Ġesù biex jitolbu jfejjaqlu lill-qaddej tiegħu. Il-Mulej, fil-kelma li għadna kemm smajna, spjega l-Papa, baqa’ mistagħġeb b’dan iċ-ċenturjun. Baqa’ mistagħġeb bil-fidi li huwa kellu. Kien għamel mixja biex jiltaqa’ mal-Mulej. Imma kien għamilha bil-fidi. Minħabba f’dan mhux biss iltaqa’ mal-Mulej, imma ħass il-ferħ li kien ġie milqugħ mill-Mulej. U huwa proprju din il-laqgħa li aħna rridu, il-laqgħa tal-fidi. Niltaqgħu mal-Mulej, imma nħallu lilna nfusna li nkunu milqugħa minnu. Dan huwa tassew importanti!
Meta nillimitaw irwieħna biss li niltaqgħu mal-Mulej, ippuntwalizza l-Papa, inkunu aħna s-sidien ta’ din il-laqgħa. Meta minflok inħallu lilna nfusna niġu milqugħa minnu, ikun hu li jidħol ġewwa fina, u jġeddidna kompletament. Dan, saħaq il-Qdusija Tiegħu, huwa dak li jfisser meta jiġi Ġesù Kristu: jerġà jagħmel kollox mill-ġdid, jerġa’ jagħmel il-qalb, ir-ruħ, il-ħajja, it-tama, il-mixja.
F’dan il-perjodu tas-sena liturġika, mela, ninsabu mexjin biex niltaqgħu mal-Mulej, imma wkoll u fuq kollox biex inħallu lilna nfusna niġu milqugħa minnu. U dan hemm bżonn li nagħmluh b’qalb miftuħa, sabiex huwa jiltaqa’ miegħi, jgħidli dak li jrid jgħidli, li mhux dejjem huwa dak li jien irrid li jgħidli! Ma ninsewx allura li huwa hu l-Mulej u hu jgħidli dak li jgħodd ghalija[u1] , għal kull wieħed u waħda minna, għaliex il-Mulej, ippreċiża l-Papa, ma jħarisx lejna kollha f’salt, bħala massa: le u le! Huwa jħares lejna wieħed wieħed, f’wiċċna, f’għajnejna, għax l-imħabba mhix imħabba astratta imma hija mħabba konkreta. Persuna, persuna: il-Mulej iħares lejna persuna, persuna. Hekk hu. Għaliex li nħallu lilna nfusna niġu milqugħa mill-Mulej ifisser fl-aħħar mill-aħhar li nħallu li nkunu maħbuba mill-Mulej.
Fit-talba fil-bidu tal-quddiesa, fakkar il-Papa, tlabna l-grazzja li nagħmlu din il-mixja b’xi atteġġjamenti li jgħinuna – il-perseveranza fit-talb: nitolbu iktar; l-operożità fil-karità fraterna: nersqu ftit iktar viċin milli hemm bżonn; u l-ferħ fit-tifħir tal-Mulej. Mela nibdew din il-mixja bit-talb, bil-karità u bit-tifħir, b’qalb miftuħa, għax il-Mulej se jiltaqa’ magħna. Imma, talab il-Papa fl-għeluq: Jekk jogħġobkom, li jiltaqa’ magħna mingħajr ebda għassa, miftuħin!
Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb
[u1]jgħodd għalija?