Katekeżi Kredu, Papa Franġisku, Udjenza Ġenerali

Nemmen fil-Qawmien mill-Imwiet


26. Katekeżi dwar il-Kredu mill-Papa Franġisku. 4 ta’ Diċembru 2013

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Il-lum nerġa’ lura għall-istqarrija: “Nemmen fil-qawmien mill-imwiet”. Din m’hix verità sempliċi u wisq inqas ovvja, għax, mgħaddsa kif aħna fil-ħajja ta’ din id-dinja, m’hux faċli għalina nifhmu r-realtajiet tal-futur. Imma l-Vanġelu jagħtina dawl: il-qawmien tagħna mill-imwiet hu strettament marbut mal-qawmien ta’ Ġesù; il-fatt li hu qam hu l-prova li jeżisti l-qawmien mill-imwiet. Għalhekk nixtieq nippreżenta xi aspetti li jolqtu r-rabta bejn il-qawmien ta’ Kristu u dak tagħna. Hu qam, u għax Hu qam, anki aħna għad inqumu.

Qabel xejn, l-istess Skrittura Mqaddsa tiġbor fiha mixja lejn il-fidi sħiħa fil-qawmien mill-imwiet. Din tesprimi ruħha bħala fidi f’Alla ħallieq tal-bniedem sħiħ – ruħ u ġisem –, u bħala fidi f’Alla ħellies, Alla li jibqa’ fidil lejn il-patt li għamel mal-poplu tiegħu. Il-Profeta Eżekjel, f’viżjoni, jikkontempla l-oqbra ta’ l-eżiljati li jerġgħu jinfetħu u l-għadam niexef jerġa’ jieħu l-ħajja grazzi għan-nifs ta’ ruħ li tagħti l-ħajja. Din il-viżjoni tesprimi t-tama fil-“qawmien ta’ Israel” li għad irid iseħħ, jiġifieri t-twelid mill-ġdid tal-poplu mirbuħ u umiljat (ara Eż 37:1-14).

Ġesù, fit-Testment il-Ġdid, iwettaq għal kollox din ir-rivelazzjoni, u jorbot il-fidi fil-qawmien mill-imwiet ma’ l-istess persuna tiegħu u jgħid: “Jiena hu l-qawmien u l-ħajja” (Ġw 11:25). Fil-fatt, għad ikun Ġesù l-Mulej li fl-aħħar jum iqajjem lil dawk kollha li jkunu emmnu fiH. Ġesù ġie fostna, sar bniedem bħalna f’kollox, minbarra d-dnub; b’dan il-mod waħħadna miegħu fil-mixja tiegħu lura lejn il-Missier. Hu, il-Verb inkarnat, li miet u qam għalina, jagħti lid-dixxipli tiegħu l-Ispirtu s-Santu bħala rahan tax-xirka sħiħa fis-Saltna glorjuża tiegħu, li għaliha qed nishru u lilha qed nistennew. Din l-istennija hi l-għajn u r-raġuni tat-tama tagħna: tama li, jekk nikkultivawha u nħarsuha, – it-tama tagħna, jekk nikkultivawha u nieħdu ħsiebha – issir dawl li jdawwal l-istorja personali tagħna u anki l-istorja komunitarja. Dan jeħtieġ niftakruh dejjem: aħna dixxipli ta’ Dak li ġie, jiġi kuljum u għad jiġi fit-tmiem. Jekk jirnexxielna nżommu din ir-realtà dejjem iżjed quddiem għajnejna, ma nibqgħux maħkuma daqshekk mill-ħwejjeġ ta’ kuljum, insiru inqas ilsiera ta’ dak li jgħaddi u iżjed lesti li nimxu b’qalb mimlija ħniena fit-triq tas-salvazzjoni.

Aspett ieħor: Xi jfisser tqum mill-imwiet? Il-qawmien tagħna lkoll għad iseħħ fl-aħħar jum, fi tmiem id-dinja, bil-qawwa ta’ Alla li jista’ kollox, li jagħti l-ħajja mill-ġdid lill-ġisem tagħna billi jgħaqqdu mill-ġdid mar-ruħ, grazzi għall-qawmien ta’ Ġesù. Din hi t-tifsira fundamentali: la Ġesù qam, aħna wkoll għad inqumu; aħna għandna t-tama fil-qawmien għax Hu fetħilna l-bieb għal dan il-qawmien. U t-triq għal din it-trasformazzjoni, din it-trasfigurazzjoni ta’ ġisimna tibda titħejja f’din il-ħajja stess permezz tar-relazzjoni li nibnu ma’ Ġesù, fis-Sagramenti, speċjalment fl-Ewkaristija. Aħna li f’din il-ħajja nkunu trejjaqna bil-Ġisem u d-Demm tiegħu, għad inqumu bħalU, miegħU u permezz tiegħU. Kif Ġesù qam mill-mewt bl-istess ġisem tiegħu, imma ma reġax lura lejn ħajja fuq din l-art, hekk aħna għad inqumu bil-ġisem tagħna li jkun mibdul f’ġisem glorjuż. Imma din m’hix xi gidba! Dan minnu. Aħna nemmnu li Ġesù qam, li Ġesù hu ħaj f’dan il-mument. Imma intom temmnu li Ġesù hu ħaj? U jekk Ġesù hu ħaj, taħsbu li sa jħallina mmutu u ma jqajjimniex? Le! Hu qed jistenniena, u għax Hu qam, il-qawwa tal-qawmien tiegħu għad tqajjem lilna lkoll.

L-aħħar punt: Diġà minn din il-ħajja għandna fina sehem mill-Qawmien ta’ Kristu. Jekk hu minnu li Ġesù għad iqajjimna fl-aħħar taż-żmien, hu wkoll minnu li, f’ċertu sens, miegħU aħna diġà mqajmin. Il-ħajja ta’ dejjem diġà tibda minn issa, tibda tul il-ħajja kollha, li hi orjentata lejn dak il-mument tal-qawmien ta’ l-aħħar. U fil-fatt diġà aħna mqajmin permezz tal-Magħmudija, aħna nidħlu fil-mewt u l-qawmien ta’ Kristu u nieħdu sehem fil-ħajja ġdida, li hi l-ħajja tiegħu. Għalhekk, fl-istennija ta’ l-aħħar jum, aħna għandna fina stess iż-żerriegħa tal-qawmien, fejn nistgħu nduqu minn qabel dak il-qawmien sħiħ li għad nirċievu b’wirt. Għalhekk anki l-ġisem ta’ kull wieħed u waħda minna hu riżonanza ta’ l-eternità, għalhekk għandna nirrispettawh dejjem; u fuq kollox għandna nirrispettaw u nħobbu l-ħajja ta’ dawk kollha li jbatu, biex jistgħu jħossu li s-Saltna ta’ Alla tinsab fil-qrib, dik il-kundizzjoni tal-ħajja ta’ dejjem li lejha aħna mexjin. Dan il-ħsieb jimliena bit-tama: ninsabu mexjin lejn il-qawmien. Naraw lil Ġesù, niltaqgħu ma’ Ġesù: dan hu l-ferħ tagħna! Għad inkunu lkoll flimkien – mhux hawn fil-pjazza, imma xi mkien ieħor – imma hienja ma’ Ġesù. Dan hu d-destin tagħna!

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s