Il-Papa f’Santa Marta: Kunjom Alla

Print Friendly, PDF & Email

It-Tlieta, 17 ta’ Diċembru 2013: Il-bniedem huwa l-kunjom ta’ Alla: il-Mulej, infatti, jieħu isem kull wieħed u waħda minna – sew jekk aħna qaddisin, kif ukoll jekk aħna midinbin – sabiex jagħmlu jsir proprju kunjomu. Għaliex meta inkarna, il-Mulej għamel storja mal-umanità: il-ferħ tiegħu kien li jaqsam ħajtu magħna.  U dan iġiegħlek tibki: tant imħabba, tant ħlewwa.

Kien bil-ħsieb mixħut fuq il-Milied, issa imminenti, li l-Papa Franġisku kkummenta, nhar it-Tlieta 17 ta’ Diċembru 2013, iż-żewġ qari proposti mil-liturġija tal-kelma, meħudin rispettivament mill-Ġenesi (49, 2, 8-10) u mill-Evanġelju ta’ Mattew (1, 1-17). F’jum għeluq is-sebgħa u sebgħin sena tiegħu, il-Qdusija Tiegħu ppresjieda bħas-soltu l-quddiesa ta’ filgħodu fil-kappella tad-Dar Santa Marta. Fost oħrajn ikkonċelebra miegħu l-Kardinal Dekan Angelo Sodano, li esprimielu l-awguri tal-kulleġġ kardinalizju kollu.

Fl-omelija, iċċentrata fuq il-preżenza ta’ Alla fl-istorja tal-umanità, l-Isqof ta’ Ruma individwa f’żewġ termini –  eredità u ġenealoġija – l-imfietaħ biex jinterpreta rispettivament l-ewwel qari (rigwardanti l-profezija ta’ Ġakobb li jlaqqa’ lil uliedu u jħabbrilhom dixxendenza glorjuża għal Ġuda) u s-silta evanġelika li fiha l-ġenealoġija ta’ Ġesù. Waqt li waqaf b’mod partikolari fuq din tal-aħħar, huwa enfasizza li din mhix elenku telefoniku, imma argument importanti: hija storja pura, għaliex Alla bagħat lil ibnu f’nofs il-bnedmin. U, żied il-Papa, Ġesù konsostanzjali mal-Missier Alla, imma wkoll konsostanzjali ma’ ommu, mara. U din hija dik il-konsostanzjalità tal-omm: Alla għamel l-istorja, Alla ried li jsir storja. U mexa magħna.

Mexa magħna.  Mixja, kompla l-Isqof ta’ Ruma, mibdija fil-bogħod, fil-Ġenna, eżatt wara d-dnub oriġinali. Infatti, minn dak il-waqt, il-Mulej kellu din l-idea:  jagħmel mixja magħna. Għalhekk sejjaħ lil Abraham, l-ewwel wieħed imsemmi f’din il-lista, f’dan l-elenku, u stiednu biex jimxi. U Abraham beda dik il-mixja: iġġenera lil Iżakk, u Iżakk lil Ġakobb, u Ġakobb lil Ġuda, u l-kumplament.  Navvanzaw fl-istorja tal-umanità.  Alla jimxi mal-poplu tiegħu, mela, għaliex ma riedx jiġi jsalvana mingħajr storja. 

Huwa ried jagħmel l-istorja magħna.  Storja, sostna l-Papa, magħmula minn qdusija u dnub, għaliex fl-elenku tal-ġenealoġija ta’ Ġesù kien hemm qaddisin u midinbin. Fost ta’ quddiem nett il-Papa fakkar lil missierna Abraham u lil David, li wara d-dnub ikkonverta. Fost tat-tieni individwa midinbin ta’ livell għoli, li wettqu dnubiet ħoxnin, imma li magħhom Alla xorta wettaq l-istorja. Midinbin li ma għarfux iwieġbu għall-proġett li Alla kien immaġina għalihom:  bħal Salamun, hekk kbir u intelliġenti, li spiċċa bħal imsejken li l-inqas biss ma kien jaf x’jismu. Madankollu, osserva l-Papa Franġisku, Alla kien miegħu wkoll.  U dan huwa s-sabiħ: Alla jagħmel l-istorja magħna. Iktar, meta Alla jrid jgħid min hu, jgħid: ‘Jien l-Alla ta’ Abraham, ta’ Iżakk, ta’ Ġakobb.’

Hekk hu, għaliex għall-mistoqsija: ‘X’inhu l-kunjom ta’ Alla?’, għall-Papa Franġisku huwa possibbli li jwieġeb: Huwa aħna, kull wieħed u waħda minna. Huwa jieħu isimna mingħandna biex jagħmel kunjomu. U fl-eżempju offrut mill-Papa m’hemmx biss l-isem tal-missirijiet tal-fidi tagħna, imma wkoll dak ta’ nies komuni. ‘Jien l-Alla ta’ Abraham, ta’ Iżakk, ta’ Ġakobb, ta’ Pedro, ta’ Marjetta, ta’ Harmony, ta’ Marisa, ta’ Xmun, tagħna lkoll.’  Mingħandna jieħu kunjomu. Il-kunjom ta’ Alla huwa kull wieħed u waħda minna, huwa spjega.

Minn hawn il-konstatazzjoni li waqt li ħa l-kunjom minn isimna, Alla għamel l-istorja flimkien magħna; anzi, iktar: ħalla li tinkiteb l-istorja minna. U aħna llum għandna nkomplu niktbu din l-istorja, li hija magħmula minn grazzja u minn dnub, waqt li l-Mulej ma jegħjiex jiġri warajna.  Din  hija l-umiltà ta’ Alla, il-paċenzja ta’ Alla, l-imħabba ta’ Alla. Mill-bqija, ukoll il-Ktieb tal-Għerf jgħid li l-ferħ tal-Mulej huwa fost ulied il-bniedem, magħna.

Hekk hu allura li, waqt li noqorbu lejn il-Milied, għall-Papa Franġisku – kif huwa nnifsu stqarr waqt li kkonkluda r-riflessjoni tiegħu – ġieh naturali li jaħseb: Jekk hu għamel l-istorja tiegħu magħna, jekk huwa ħa kunjomu mingħandna, jekk huwa ħalla li aħna niktbu l-istorja tiegħu, aħna min-naħa tagħna hemm bżonn li nħallu lil Alla jikteb l-istorja tagħna. Għaliex, huwa ċċara, il-qdusija hija proprju li nħallu lill-Mulej jikteb l-istorja tagħna. U dan huwa l-awgurju tal-Milied li l-Papa ried jagħmel lilna lkoll, awgurju li huwa stedina biex niftħu qalbna: Tagħmel li l-Mulej jiktiblek l-istorja u int tħalli li hu jiktibhielek.  

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb


Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading