Il-Papa f’Santa Marta: Il-bniedem tal-għajn penetranti

Print Friendly, PDF & Email

It-Tnejn, 16 ta’ Diċembru 2013: Meta l-profezija tonqos li tokkupa l-post, ikun il-klerikaliżmu l-iskema riġida tal-legalità li tagħlaq il-bieb f’wiċċ il-bniedem.  Minn hawn it-talb li, fil-prospettiva tal-Milied, l-ispirtu tal-profezija jagħmel lilu nnifsu jinħass fost il-poplu.

Fil-quddiesa ċċelebrata fil-kappella tad-Dar Santa Marta, it-Tnejn, 16 ta’ Diċembru 2013, filgħodu, il-Papa Franġisku ried ifakkar li li nkunu profeti hija vokazzjoni tal-imgħammdin kollha. U dan għamlu, bħas-soltu, billi ħa spunt mill-kelma ta’ Alla tal-liturġija tal-jum. Il-Papa rripeta l-kliem tal-ktieb tan-Numri (24, 2-7, 15-17b) li jpinġu l-figura tal-profeta,  ‘oraklu ta’ Balaam bin Beor u oraklu tal-bniedem tal-għajn penetranti; oraklu ta’ min jisma’ l-kelma ta’ Alla’.  Hekk hu, huwa spjega, dan huwa l-profeta: bniedem li għandu għajnejh penetranti u li jisma’ u jgħid il-kliem ta’ Alla; li jaf jara fil-waqt u jmur fuq il-futur. Imma l-ewwel ikun sema’, ikun ħass il-kelma ta’ Alla.

U infatti l-profeta għandu ġewwa fih dawn it-tliet waqtiet. Qabel xejn il-passat: il-profeta, qal il-Qdusija Tiegħu, huwa kuxjenti tal-wegħda u ġewwa qalbu għandu l-wegħda ta’ Alla; għandu lilha ħajja, ifakkarha, jirrepetiha. Imma mbagħad iħares lejn il-preżent, iħares lejn il-poplu tiegħu, u jħoss il-qawwa tal-ispirtu biex jgħid kelma li tgħinu biex jimbotta, biex ikompli l-mixja lejn il-futur.

Mela, kompla l-Papa, il-profeta huwa bniedem ta’ tliet żminijiet: wegħda tal-passat, kontemplazzjoni tal-preżent, kuraġġ biex jindika l-mixja lejn il-futur. Huwa fakkar illi l-Mulej dejjem indokra l-poplu tiegħu bil-profeti fil-waqtiet diffiċli, fil-waqtiet li fihom il-poplu kien tilef il-kuraġġ jew kien distrutt; meta t-tempju ma kienx hemm; meta Ġerusalemm kienet taħt il-poter tal-għedewwa; meta l-poplu kien jistaqsi ġewwa fih, ‘Imma Mulej inti wegħedtna dan u issa x’se jiġri?’ Għal dan il-għan il-Papa żied li l-istess forsi seħħ f’qalb il-Madonna, meta kienet f’riġlejn is-salib: ‘Mulej, inti għidtli li dan kellu jkun il-ħellies ta’ Iżrael, il-mexxej, dak li jagħtina r-redenzjoni; u issa?’

F’dak il-waqt tal-poplu ta’ Iżrael, kompla l-Papa, ikun meħtieġ l-intervent tal-profeta. U mhux dejjem il-profeta jkun milqugħ tajjeb. Tant drabi jkun imwarrab. L-istess Ġesù jgħid lill-Fariżej li missirijiethom kienu qatlu lill-profeti għaliex kienu jgħidu ħwejjeġ skomdi, kienu jgħidu l-verità, kienu jfakkru l-wegħda. Imma, enfasizza l-Papa, meta fil-poplu ta’ Alla tonqos il-profezija, ikun jonqos xi ħaġa: ikun jonqos il-ħajja tal-Mulej.

Eżemplari, f’dan ir-rigward, l-istorja taż-żagħżugħ Samwel li, waqt li kien rieqed, kien sema’ s-sejħa tal-Mulej imma ma kienx jaf x’inhi. U l-Bibbja tgħid li f’dawk iż-żminijiet ‘il-kelma tal-Mulej kienet rari u l-viżjonijiet ma kinux frekwenti’. (1 Ktieb ta’ Samwel 3, 1). Kien żmien li fih Iżrael ma kellux profeti. Imma, innota l-Isqof ta’ Ruma, l-istess iseħħ meta jiġi profeta u l-poplu ma jilqgħux, kif naqraw fis-silta tal-Evanġelju ta’ Mattew (21, 23-27).

Meta m’hemmx profezija, ikkummenta Franġisku, il-qawwa taqa’ fuq il-legalità. U dawn is-saċerdoti marru għand Ġesù biex jitolbu l-folder tal-legalità: ‘B’liema awtorità tagħmel dawn il-ħwejjeġ?’  Dawn bħal donnhom qalu: ‘Aħna s-sidien tat-tempju; int b’liema awtorità tagħmel dawn il-ħwejjeġ?’  Fir-realtà ma kinux fehmu l-profeziji, kienu nsew il-wegħda. Ma kinux jafu jaqraw is-sinjali tal-mument, la kellhom għajnejn penetranti u lanqas smigħ tal-kelma ta’ Alla. Kellhom biss l-awtorità.

Hekk, fiż-żmien ta’ Samwel, meta l-kelma tal-Mulej kienet rara u l-viżjonijiet ma kinux frekwenti, kien l-istess: il-legalità u l-awtorità. U dan kien seħħ għaliex meta fil-poplu ta’ Alla ma jkunx hemm profezija, il-vojt li jitħalla jiġi okkupat mill-klerikaliżmu. U proprju dan il-klerikaliżmu li jitlob lil Ġesù: ‘B’liema awtorità tagħmel dawn il-ħwejjeġ, b’liema legalità?’

Hekk it-tifkira tal-wegħda u t-tama li navvanzaw jitnaqqsu biss għall-preżent: la passat, la futur u lanqas tama. Ikun bħallikieku li biex tavvanza jkun jgħodd biss dak li huwa preżent, dak li huwa legali.

Bla dubju, spjega l-Papa, forsi l-poplu ta’ Alla li kien jemmen, li kien imur biex jitlob fit-tempju, kien jibki f’qalbu għaliex ma kienx isib il-Mulej. Kien jonqos il-profezija. Kien jibki f’qalbu bħal ma kienet tibki Anna, omm Samwel, waqt li kienet titlob il-fekondità tal-poplu.  Dik il-fekondità, speċifika l-Papa, li tiġi mill-qawwa ta’ Alla, meta huwa jqajmilna t-tifkira tal-wegħda tiegħu u jimbuttana lejn il-futur bit-tama. Dan huwa l-profeta. Dan huwa l-bniedem tal-għajn penetranti u li jisma’ l-kliem ta’ Alla.

Il-Papa Franġisku kkonkluda l-omelija tiegħu billi ppropona talba f’dawn il-jiem li fihom qegħdin inħejju għall-Milied tal-Mulej. Talba lill-Mulej sabiex, huwa invoka, ma jonqsux il-profeti fil-poplu tiegħu – aħna l-imgħammdin aħna kollha profeti:  Mulej, sabiex ma ninsewx il-wegħda tiegħek; sabiex ma negħjewx navvanzaw; li ma ningħalqux fil-legalitajiet li jagħlqu l-bibien. Mulej, eħles il-poplu tiegħek mill-ispirtu tal-klerikaliżmu u għinu bl-ispirtu tal-profezija.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb