Il-Papa f’Santa Marta: Jekk il-bniedem jipprova jsalva waħdu

Il-Ħamis, 19 ta’ Diċembru 2013: Il-bniedem ma jsalvax waħdu u min kellu l-kburija li jipprova, ukoll fost l-Insara, falla. Għaliex Alla biss jista’ jagħti l-ħajja u s-salvazzjoni.  Din kienet il-meditazzjoni, fil-prospettiva tal-Avvent, li l-Papa Franġisku ppropona waqt il-quddiesa ċċelebrata dalgħodu, il-Ħamis 19 ta’ Diċembru 2013, fil-kappella tad-Dar Santa Marta.

Waqt li ħa spunt, bħas-soltu, mil-liturġija tal-jum, il-Papa ried ifakkar li l-ħajja, il-ħila li tagħti l-ħajja, u s-salvazzjoni, jiġu biss mill-Mulej u mhux mill-bniedem li m’għandux l-umiltà li dan jagħrfu u li jitlob l-għajnuna. Tant drabi fl-Iskrittura nsibu dwar nisa sterili, dwar l-isterilità, l-inkapaċità li jikkonċepixxu u jagħtu l-ħajja. Imma huma wkoll ħafna drabi li fihom iseħħ il-miraklu tal-Mulej, li jagħmel li dawn in-nisa sterili jkunu jistgħu jkollhom wild.

Il-Papa Franġisku għamel riferiment qabel kollox għal omm Sansun, li l-istorja tagħha kienet riproposta llum bis-silta mill-ktieb tal-Imħallfin (13, 2-7, 24-25a). U mbagħad fakkar ukoll dak li jseħħ lil mart missierna Abraham: hija ma setgħetx temmen li se jkollha tifel minħabba l-età avvanzata tagħha u daħket minn wara t-tieqa minn fejn kienet qiegħda tispija dwar xiex kien qed jitkellem żewġha. U daħket għaliex ma setgħetx temmen. Imma kellha iben. L-Evanġelju tal-lum (Luqa 5, 25), kompla l-Papa, ifakkar ukoll dwar dak li seħħ lil Eliżabetta u l-istejjer kollha bibliċi ta’ nisa li, spjega l-Papa, juru kif mill-impossibiltà li jagħtu l-ħajja, tiġi l-ħajja. U dan seħħ ukoll lil nisa li ma kinux sterili imma li kienu tilfu kull tama għal ħajjithom. Naħsbu f’Noemi, speċifika l-Isqof ta’ Ruma, li, fl-aħħar, kellha neputi. F’kelma waħda l-Mulej jintervjeni f’ħajjet dawn in-nisa biex jgħidilna: ‘Jien kapaċi nagħti l-ħajja!’

Il-Papa Franġisku ġibed l-attenzjoni li fi kliem il-profeti hemm ix-xbiha tad-deżert: l-art deżerta, li mhix kapaċi tkabbar siġra, frotta, iġgiegħel xi ħaġa tnibbet. Madankollu, proprju d-deżert isir bħal foresta. Jgħidu l-profeti: ‘Ikun kbir, jiffjorixxi!’ Mela d-deżert jista’ jiffjorixxi u l-mara sterili tista’ tagħti l-ħajja biss fil-prospettiva tal-wegħda tal-Mulej:  ‘Jien nista’! Jien nista’ mix-xott tagħkom inkabbar il-frott!’ Is-salvazzjoni hija l-intervent ta’ Alla li jagħmilna fertili, li jagħtina l-ħila li nagħtu l-ħajja, li tgħinna fil-mixja tal-qdusija.

Ħaġa hija ċerta: aħna ma nistgħux insalvaw waħedna.  Bosta kienu dawk li ppruvaw, ukoll diversi Nsara, fakkar il-Papa waqt li kkwota lill-Peleġġjani. Imma huwa biss l-intervent ta’ Alla li jwassalna għas-salvazzjoni.

Minn hawn id-domanda tal-Papa: Imma min-naħa tagħna xi rridu nagħmlu? Qabel xejn, wieġeb il-Papa Franġisku, nagħrfu n-nixfa tagħna, in-nuqqas ta’ ħila tagħna li nagħtu l-ħajja. Imbagħad nistaqsu – u hekk ifformula l-mistoqsija li rridu nitolbu: Mulej, jien irrid insir fertili; jien irrid li ħajti tagħti l-ħajja, il-fidi tiegħi tkun fertili u tavvanza u tkun tista’ tagħti lill-oħrajn. Mulej, jiena sterili; jiena ma nistax, inti tistà. Jiena desert; jiena ma nistax, inti tista’. U din tkun – kien l-awgurju tiegħu – it-talba ta’ dawn il-jiem ta’ qabel il-Milied.

Iġegħelna naħsbu, imbagħad kompla l-Papa, kif il-kburin, dawk li jemmnu li jistgħu jagħmlu kollox waħedhom, jiġu milquta. U rrefera b’mod partikolari għal dik il-mara li ma kinitx sterili, imma kienet kburija u ma kinitx tifhem x’kien ifisser li tfaħħar lill-Mulej: Mikal, bint Sawl. Bdiet tidħak bit-tifħir. Din ġiet ikkastigata bl-isterilità. L-umiltà hija don meħtieġ biex inkunu fertili. Kemm nies, huwa rrimarka, jemmnu li huma ġusti, bħalha, u finalment mhumiex għajr imsieken!

Mill-banda l-oħra hija importanti l-umiltà li ngħidu, ‘Mulej jiena sterili, jien deżert.’ Kemm hu importanti li nirrepetu f’dawn il-jiem dawk l-antifoni sbieħ li l-Knisja tridna nitolbu: ‘O bin David, o Adonai, o Għerq ta’ Jesse, o Emmanuel, ejja tina l-ħajja, ejja salvana għaliex Int biss tista’;  jien waħdi ma nistax.’  Hekk, ikkonkluda l-Papa, b’din l-umiltà, umiltà tad-deżert, umiltà ta’ ruħ sterili, hemm bżonn li nirċievu l-grazzja: il-grazzja li niffjorixxu, li nagħtu l-frott u li nagħtu l-ħajja.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb