Ir-Relazzjonijiet mal-Lhud

Print Friendly, PDF & Email

Mill-Evangelii Gaudium (par. 247-249).

Fl-Eżortazzjoni Appostolika tiegħu, Evangelii Gaudium, il-Papa ma jonqosx li jitkellem dwar il-relazzjonijiet tal-Knisja Kattolika mal-poplu Lhudi.  Kif jgħid huwa stess, il-Knisja tħares lejn dawn ir-relazzjonijiet b’mod speċjali għaliex il-Patt ta’ Alla mal-Poplu Lhudi, qatt ma tħassar.

Fir-ritratt il-Papa jidher waqt pranzu li huwa kellu fis-16 ta’ Jannar 2014 ma’ 15-il Mexxej Lhudi mill-Arġentina.

Ara t-test mill-Evanġelli Gaudium, {par. 247 – 249}

Fr1_Lhud

247. Inħarsu b’mod speċjali ħafna lejn il-poplu Lhudi, li l-Patt tiegħu ma’ Alla qatt ma tħassar, għax “Alla ma jreġġax lura d-doni u s-sejħa tiegħu” (Rum 11:29).  Il-Knisja, li flimkien mal-Lhud taqsam parti importanti mill-Iskrittura Mqaddsa, tqis lill-poplu tal-Patt u l-fidi tiegħu bħala għerq qaddis tal-identità Nisranija tagħha (ara Rum 11:16-18).  Bħala Nsara ma nistgħux inħarsu lejn ir-reliġjon Lhudija bħala waħda barranija, kif lanqas nistgħu nqisu lil-Lhud fost dawk li huma msejħa jitilqu l-idoli biex iduru lejn Alla l-veru (ara 1 Tess 1:9).  Aħna nemmnu flimkien magħhom f’Alla wieħed li jaġixxi fl-istorja, u nilqgħu flimkien magħhom il-Kelma rivelata li hi waħda għat-tnejn li aħna.

248. Id-djalogu u l-ħbiberija ma’ wlied Israel huma parti mill-ħajja tad-dixxipli ta’ Ġesù.  Il-ħbiberija li kibret bejnietna twassalna biex bi mrar u sinċerità f’qalbna jiddispjaċina għall-persekuzzjonijiet koroh li tagħhom kienu u huma oġġett, partikularment għal dawk li fihom huma jew kienu mdaħħla l-Insara.

249. Alla jissokta jaħdem fil-poplu tal-Patt il-Qadim u jwelled teżori ta’ għerf li joħorġu mil-laqgħa tiegħu mal-Kelma divina.  Għalhekk anki l-Knisja tistagħna meta tilqa’ l-valuri tal-Ġudaiżmu.  Anki jekk hemm twemmin Nisrani li mhux aċċettabbli għar-reliġjon Lhudija, u l-Knisja ma tistax tiċħad milli xxandar lil Ġesù bħala Mulej u Messija, hemm kumplimentarjetà għanja li tippermettilna li naqraw flimkien it-testi tal-Bibbja Lhudija u ngħinu lil xulxin niskopru l-għana tal-Kelma, kif ukoll li naqsmu ma’ xulxin bosta konvinzjonijiet etiċi u t-tħassib komuni għall-ġustizzja u l-iżvilupp tal-ġnus.

One thought on “Ir-Relazzjonijiet mal-Lhud”

  1. Tassew napprezza informazzjoni bhal din ghax b’hekk nitghallem kif ghandi inhares lejn huti ta’ religjon differenti.

Leave a Reply

%d bloggers like this: