Il-Papa f’Santa Marta: Ilum niċċelebraw żewġ festi…  it-tħabbira tal-maternità tal-Madonna u l-inkarnazzjoni tal-Iben t’Alla

Print Friendly, PDF & Email

It-Tlieta, 25 ta’ Marzu 2014: Disa’ xhur mil-lum ikun il-Milied.  F’dan il-jum, il-Knisja tfakkarna meta l-Mulej Alla, permezz tal-Arkanġlu Gabrijel, stieden lill-Madonna biex issir Omm il-Messija, u hi aċċettat.  F’dak il-mument, bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, tnissel fiha Ġesù.  Għalhekk nistgħu ngħidu li llum qed niċċelebraw żewġ festi: it-tħabbira tal-maternità tal-Madonna u l-inkarnazzjoni tal-Iben ta’ Alla.

Din il-ġrajja nsibuha rrakkontata tajjeb ferm fl-Evanġelju:  ‘Fis-sitt xahar Alla bagħat l-anġlu Gabrijel f’belt tal-Galilija, jisimha Nazaret, għand xebba mgħarrsa ma’ raġel, jismu Ġużeppi, mid-dar ta’ David; u x-xebba kien jisimha Marija.  L-anġlu daħal għandha u qalilha: ‘Ifraħ, mimlija bil-grazzja, il-Mulej miegħek.’  Hi tħawdet ħafna għal dan il-kliem, u bdiet taħseb bejnha u bejn ruħha x’setgħet qatt tfisser din it-tislima.  Iżda l-anġlu qalilha:  ‘Tibżax, Marija, għax inti sibt grazzja quddiem Alla.  Ara, inti se tnissel fil-ġuf u jkollok iben u ssemmih Ġesù.  Hu jkun kbir, u jkun jissejjaħ Bin l-Għoli.  Il-Mulej Alla jagħtih it-tron ta’ David missieru u jsaltan għal dejjem fuq dar Ġakobb, u ma jkunx hemm tmiem għas-saltna tiegħu.’  Iżda Marija qalet lill-anġlu: ‘Kif ikun dan, ladarba jiena verġni?’  Wieġeb l-anġlu u qalilha: ‘L-Ispirtu s-Santu jiġi fuqek, u l-qawwa tal-Għoli tixħet id-dawl tagħha fuqek.  U għalhekk dak li jitwieled minnek ikun qaddis, u jissejjaħ Bin Alla.  Ara, il-qariba tiegħek Eliżabetta, fi xjuħitha, hi wkoll nisslet iben fil-ġuf, u ġa għandha sitt xhur dik li għaliha kienu jgħidu li ma jistax ikollha tfal, għax għal Alla ma hemm xejn li ma jistax isir.’   Imbagħad qalet Marija: ‘Ara, jiena l-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skond kelmtek!’  U l-anġlu telaq minn quddiemha.’ (Lq. 1:26-38)

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija, Rabat, Malta

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading