L-Ordni Sagri, Sagrament li jagħti l-qawwa għat-tħaddim tal-ministeru, fdat mill-Mulej Ġesù lill-Appostli


8. Katekeżi dwar is-Sagramenti mill-Papa Franġisku. 26 ta’ Marzu 2014

Għeżież ħuti,

Diġà kellna l-okkażjoni nirrimarkaw li t-tliet Sagramenti tal-Magħmudija, tal-Konfirmazzjoni u ta’ l-Ewkaristija flimkien isawru l-misteru ta’ l-“inizjazzjoni Nisranija”, ġrajja unika u kbira ta’ grazzja li tnissilna mill-ġdid fi Kristu. Din hi s-sejħa fundamentali li hi komuni għal dawk kollha li jagħmlu parti mill-Knisja, bħala dixxipli tal-Mulej Ġesù. Imbagħad hemm żewġ Sagramenti li jikkorrispondu ma’ żewġ vokazzjonijiet speċifiċi: dawn huma l-Ordni Sagri u ż-Żwieġ. Huma żewġ toroq kbar li permezz tagħhom in-Nisrani jista’ jagħmel don ta’ mħabba minn ħajtu, fuq l-eżempju u f’isem Kristu, u hekk jikkopera fil-bini tal-Knisja.

L-Ordni Sagri, espress fit-tliet gradi ta’ l-episkopat, il-presbiterat u d-djakonat, hu s-Sagrament li jagħti l-qawwa għat-tħaddim tal-ministeru, fdat mill-Mulej Ġesù lill-Appostli, li jirgħu l-merħla tiegħu, imsaħħin mill-Ispirtu tiegħu u skond il-qalb tiegħu. Jirgħu l-merħla ta’ Ġesù mhux bil-qawwa tas-saħħa umana jew bis-setgħa tagħhom infushom, imma b’dik ta’ l-Ispirtu u skond il-qalb tiegħu, il-qalb ta’ Ġesù li hi qalb kollha mħabba. Is-saċerdot, l-isqof, id-djaknu jrid jirgħa l-merħla tal-Mulej bi mħabba. Jekk ma jagħmilx dan bi mħabba, ma jiswiex. U f’dan is-sens, il-ministri li jiġu magħżula u kkonsagrati għal dan is-servizz itawlu l-preżenza ta’ Ġesù fiż-żmien, jekk dan jagħmluh bil-qawwa ta’ l-Ispirtu s-Santu, f’isem Alla u bi mħabba.

1. L-ewwel aspett. Dawk li huma ordnati huma mqiegħda f’ras il-komunità. Huma “f’ras”, iva, imma għal Ġesù dan ifisser li tqiegħed l-awtorità tiegħek għas-servizz, kif Hu nnifsu wera u għallem lid-dixxipli b’dan il-kliem: “Tafu intom, fost il-pagani l-kapijiet qegħdin biex jikkmandawhom, u l-kbarat biex iħaddmu fuqhom is-setgħa. Fostkom ma għandux ikun hekk; imma min irid ikun kbir fostkom, għandu jkun qaddej tagħkom, u min irid ikun l-ewwel fostkom, għandu jkun l-ilsir tagħkom. Hekk ukoll Bin il-bniedem, ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra (Mt 20:25-28 // Mk 10:42-45). Isqof li m’hux għas-servizz tal-komunità ma jagħmilx sew; saċerdot, qassis li m’hux għas-servizz tal-komunità tiegħu ma jagħmilx sew, jiżbalja.

2. Karatteristika oħra li ġejja dejjem minn din l-għaqda sagramentali ma’ Kristu hi l-imħabba kollha passjoni għall-Knisja. Ejjew naħsbu f’dik is-silta mill-Ittra lill-Efesin li fiha San Pawl jgħid li Kristu “ħabb il-Knisja u ta ħajtu għaliha. U dan għamlu biex iqaddisha u jnaddafha bil-ħasil ta’ l-ilma u l-kelma u biex iressaqha quddiemu, din il-Knisja, sabiħa, bla tebgħa, bla tikmix, bla għajb, u b’xejn minn dan, imma qaddisa u bla tmaqdir minn ħadd” (5:25-27). Bil-qawwa li jagħtih l-Ordni Sagri l-ministru jiddedika lilu nnifsu kollu kemm hu għall-komunità tiegħu u jħobbha b’qalbu kollha: hi l-familja tiegħu. L-isqof, is-saċerdot iħobbu lill-Knisja fil-komunità tagħhom, iħobbuha b’qawwithom kollha. Kif? Kif Kristu jħobb lill-Knisja. L-istess imbagħad jgħid San Pawl dwar iż-żwieġ: ir-raġel iħobb lil martu bħalma Kristu jħobb lill-Knisja. Hu misteru kbir ta’ mħabba: dan tal-ministeru saċerdotali u dak taż-żwieġ, żewġ Sagramenti li huma t-triq li minnha normalment jgħaddu n-nies biex jaslu għand il-Mulej.

3. L-aħħar punt. L-Appostlu Pawlu jirrikkmanda lid-dixxiplu Timotju biex ma jittraskurax, anzi, biex dejjem iġedded id-don li hemm fih. Id-don li rċieva bit-tqegħid ta’ l-idejn (ara 1 Tim 4:14; 2 Tim 1:6). Meta l-ministeru – il-ministeru ta’ l-isqof, il-ministeru tas-saċerdot – ma nitimgħuhx bl-ikel tat-talb, tas-smigħ tal-Kelma ta’ Alla, u biċ-ċelebrazzjoni ta’ l-Ewkaristija ta’ kuljum u anki billi nfittxu s-Sagrament tal-Penitenza, bla dubju jispiċċa jaħarbilna minn taħt idejna s-sens awtentiku tas-servizz tagħna u l-ferħ li jiġi mill-għaqda profonda ma’ Ġesù.

4. L-isqof li ma jitlobx, l-isqof li ma jismax il-Kelma ta’ Alla, li ma jqaddisx kuljum, li ma jmurx iqerr ta’ spiss, u l-istess is-saċerdot li ma jagħmilx dawn il-ħwejjeġ, fl-aħħar jispiċċaw jitilfu l-għaqda tagħhom ma’ Ġesù u jsiru medjokri, ħaġa li lill-Knisja ma tagħmlilhiex ġid. Għalhekk irridu ngħinuhom lill-isqfijiet u lis-saċerdoti biex jitolbu, biex jisimgħu l-Kelma ta’ Alla li hi l-ikel ta’ kuljum, biex jiċċelebraw ta’ kuljum l-Ewkaristija u jmorru jqerru ta’ spiss. Dan hu importanti ħafna għax jolqot sewwa sew it-tqaddis ta’ l-isqfijiet u tas-saċerdoti.

5. Nixtieq nagħlaq b’ħaġa li qed tiġini f’moħħi: Imma kif tagħmel biex issir saċerdot, mnejn jinxtraw il-biljetti tad-dħul għas-saċerdozju? Le. Ma jinbigħux. Din hi inizjattiva li jeħodha l-Mulej. Il-Mulej li jsejjaħ. Isejjaħ lil kull wieħed minn dawk li Hu jridhom isiru saċerdoti. Forsi hemm xi żgħażagħ li fil-qalb tagħhom semgħu din is-sejħa, ix-xewqa li jsiru saċerdoti, ix-xewqa li jaqdu lill-oħrajn fil-ħwejjeġ li jiġu minn Alla, ix-xewqa li jagħtu ħajjithom kollha b’servizz biex jgħallmu, jgħammdu, jaħfru d-dnubiet, jiċċelebraw l-Ewkaristija, ifejqu l-morda… u hekk għal ħajjithom kollha. Jekk hemm fostkom minn ħass din il-ħaġa f’qalbu, hu Ġesù li poġġihielu hemm. Għożżuha din l-istedina u itolbu biex tikber u tħalli frott fil-Knisja kollha.

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.