Il-Papa f’Santa Marta: It-talb hu taqbida ma’ Alla

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħamis, 3 ta’ April 2014: It-talb hu taqbida ma’ Alla u għandu jsir bil-libertà u bl-insistenza bħal djalogu sinċier ma’ ħabib.  Dan il-kwalità ta’ talb jibdlilna qalbna għax jgħinna nagħrfu aħjar Alla kif inhu realment.  Dan hu fi ftit kliem dak li qal il-Papa Franġisku dalgħodu waqt il-quddiesa fid-Dar Santa Marta.

Id-djalogu ta’ Mosè ma’ Alla fuq il-muntanja Sinaj kien il-qofol tal-omelija tal-Papa Franġisku.  Alla jrid jikkastiga lill-poplu tiegħu għax dan għamel idolu – l-għoġol tad-deheb;  Mosè jitlob bil-forza lill-Mulej biex jerġa’ lura minn dal-ħsieb.  Din it-talba hija verament taqbida ma’ Alla, taqbida tal-mexxej tal-poplu biex isalva lill-poplu tiegħu li hu l-poplu t’Alla.

Mosè jitkellem liberament quddiem il-Mulej u jgħallimna kif nitolbu, mingħajr biża’, liberament, u anke b’insistenza.  Mosè jinsisti, hu kuraġġuż.  It-talb għandu jkun ukoll ‘negozjar ma’ Alla’ fejn wieħed iġib ukoll l-argumenti tiegħu.  Fl-aħħar Mosè jikkonvinċi lil Alla u l-qari jgħidilna li l-Mulej sogħobbih għal dak li kien se jagħmel.  Imma, staqsa l-Papa, min inbidel hawn?  Il-Mulej inbidel? Jien naħseb li le, żied Franġisku.

Kien inbidel Mosè għax Mosè kien jemmen li l-Mulej kien se jagħmel dak li ħaseb, li l-Mulej kien se jeqred lill-poplu tiegħu, bħalma kien ħarġu mill-iskjavitù tal-Eġittu u mexxieh bil-wegħda.  B’dawn l-argumenti, jipprova jikkonvinċi lil Alla, imma waqt li kien qed jagħmel hekk, hu jsib mill-ġdid il-memorja tal-poplu tiegħu, u jsib ukoll il-ħniena t’Alla.  Dan Mosè li kien qed jibża’ li Alla kien se jagħmel dan, jinżel minn fuq il-muntanja b’xi ħaġa kbira ħafna f’qalbu:  Alla tagħna hu Alla tal-ħniena.  Jaf jaħfer.   Jibdielu mid-deċiżjonijiet tiegħu.  Hu Missier.  Dan kollu, osserva l-Papa Franġisku, Mosè kien jafu, imma kien jafu ftit jew wisq imċajpar u skoprieh bit-talb.   Dan jagħmel it-talb fina: jibdlilna qalbna.

It-talb jibdlilna qalbna u jurina aktar ċar kif inhu Alla tagħna.  Għalhekk hu importanti li nitkellmu mal-Mulej, mhux bi kliem fieragħ kif jgħid Ġesù, ‘bħall-pagani’.  Le u le.  Nitkellmu bir-realtà: ‘Ara Mulej, għandi dil-problema fil-familja, ma’ ibni, ma’ dak, mal-ieħor…  X’nista’ nagħmel?  Ara Int, Mulej, ma tistax tħallini hekk.’  Dan hu t-talb.

U kemm jieħu żmien talb bħal dan?  Iva, jieħu ż-żmien:  iż-żmien meħtieġ biex inkunu nafu aħjar lil Alla, kif nagħmlu ma’ ħabib.  Għax Mosè – tgħidilna l-Bibbja – kien jitkellem mal-Mulej bħala ħabib, ħabib ma’ ieħor.  Għalhekk hekk għandu jkun it-talb: liberu, insistenti, bl-argumentazzjoni.  U forsi anke b’xi ċanfira żgħira lill-Mulej – ‘Imma int wegħedtni dan u m’għamiltux…’ – hekk kif wieħed jitkellem ma’ ħabib, b’qalb miftuħa għal talb bħal dan.

Mosè niżel minn fuq il-muntanja aktar imħeġġeġ: ‘Sirt naf lill-Mulej aħjar.’  U bil-qawwa li tah dak it-talb jerġa’ jibda mill-ġdid imexxi lill-poplu lejn l-Art Imwiegħda.  Għax it-talb jagħti l-enerġija.  Jalla l-Mulej itina lkoll din il-grazzja, għax it-talb huwa grazzja.

F’kull ma nitolbu, fakkar il-Papa, hemm l-Ispirtu s-Santu.  Ma nistgħux nitolbu mingħajr l-Ispirtu s-Santu.  Huwa Hu li jitlob fina, huwa Hu li jibdel il-qlub, huwa Hu li jsejjaħ lil Alla ‘Missier’.  Nitolbu lill-Ispirtu s-Santu – temm il-Papa – biex jgħallimna nitolbu, iva, kif talab Mosè, ninnegozjaw ma’ Alla bi spirtu ħieles, bil-kuraġġ.  U l-Ispirtu s-Santu, li hu dejjem preżenti fit-talb tagħna, imexxina f’din it-triq.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija, Rabat, Malta

%d