Il-Papa f’Santa Marta: Meta nħabbru l-Evanġelju se nħabbtu wiċċna  mal-persekuzzjoni 

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ġimgħa, 4 ta’ April 2014: Meta nħabbru l-Evanġelju se nħabbtu wiċċna mal-persekuzzjoni, afferma l-Papa Franġisku dalgħodu, waqt il-quddiesa fid-Dar Santa Marta.  Mill-ġdid il-Qdusija Tiegħu qal li llum hemm aktar martri nsara mill-ewwel żminijiet tal-Knisja u ħeġġeġ lill-fidili biex ma jibżgħux meta jsibu min ma jifhimhomx jew min jippersegwitahom.

Il-Papa bena l-omelija fuq il-ħsieb tal-ewwel silta tal-qari tal-ġurnata meħuda mill-Ktieb tal-Għerf.  Il-qalb tal-ħżiena li jinqatgħu minn ma’ Alla trid taħtaf ir-reliġjon taħt idejha.  Għalhekk, osserva l-Papa, l-għedewwa ta’ Ġesù jagħmlulu n-nases, ixerrdu l-kalunji biex itebbgħulu l-fama. Kienu qishom qed iħejju l-brodu biex jeqirdu lill-Ġust.

Dan għaliex Hu kien jeħodha kontra l-azzjonijiet tagħhom, kien jikkundanna l-ħtijiet tagħhom kontra l-liġi, kien jiqfilhom għal kif kienu jmorru kontra l-edukazzjoni li rċevew.  Tul l-istorja kollha tas-salvazzjoni, kompla josserva l-Papa, il-profeti ġew ippersegwitati.  Ġesù stess jgħid dan lill-fariżej.

Dejjem, tul l-istorja tas-salvazzjoni, fiż-żmien ta’ Iżrael – u anke fil-Knisja –  il-profeti ġew ippersegwitati.  Ippersegwitati għax jgħidu: ‘Intom żbaljajtu t-triq! Erġgħu lura lejn it-triq ta’ Alla!’  Dan, afferma l-Papa, lin-nies li għandhom is-setgħa ta’ dik it-triq żbaljata, idejjaqhom.

L-Evanġelju tallum huwa ċar, mhux hekk?  Ġesù kien mistoħbi, f’dawn l-aħħar jiem, għax kienet għadha ma waslitx is-siegħa tiegħu.  Imma hu kien jaf x’kellu jkun it-tmiem tiegħu, kif kellu jispiċċa.  Ġesù hu ppersegwitat sa mill-bidu: niftakru kif fil-bidu tal-predikazzjoni tiegħu, meta jmur lura pajjiżu u jmur is-sinagoga biex jipprietka, mill-ewwel, wara l-istagħġib tal-bidu, jibdew:  ‘Imma dan ma nafux mnejn hu?  Dan wieħed minna.  B’liema awtorità jiġi biex jgħallimna?  Fejn tgħallem?’  Jiskwalifikawh mill-ewwel.  Huwa l-istess diskors, mhux hekk?

‘Imma dan nafu minn fejn hu.  Iżda meta jiġi Kristu, ħadd mhu se jkun jaf fejn qiegħed!’  Niskwalifikaw lill-Mulej u lill-profeti biex inneħħulhom l-awtorità! Jiskwalifikawh, żied jgħid il-Qdusija Tiegħu, għax Ġesù kien joħroġ u kien jgħin lil ħaddieħor, joħroġ minn dak l-ambjent reliġjuż, minn dik il-gaġġa.  Il-profeta jitqabad kontra min jagħlaq lill-Ispirtu s-Santu f’gaġġa.  Għal din ir-raġuni hu dejjem ippersegwitat!

Il-profeti, kompla jirrifletti l-Papa, huma kollha ppersegwitati u mhux mifhuma, imwarrbin fil-ġenb.  Ma jħallulhomx wisa’!  Din is-sitwazzjoni, żied jgħid, ma ntemmitx mal-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù: kompliet fil-Knisja!  Ippersegwitati minn barra u minn ġewwa!

Meta naqraw il-ħajjiet tal-qaddisin, qal Franġisku, naraw kemm ma fehmuhomx, kemm il-qaddisin sfaw ippersegwitati għax kienu profeti! Ukoll ħafna ħassieba tal-Knisja sfaw ippersegwitati.  Qed naħseb f’wieħed issa, li mhux bogħod minna, raġel ta’ rieda tajba, verament profeta, li bil-kitbiet tiegħu kien iċanfar lill-Knisja għax kienet qed titbiegħed mill-Mulej. Mill-ewwel ġie mċanfar, il-kotba tiegħu daħlu fl-indiċi, ħadulu l-katedri tat-tagħlim, u hekk temm ħajtu dal-bniedem, mhux wisq żmien ilu.  Għadda ż-żmien u issa beatu!  Kif jista’ jkun li lbieraħ kien eretiku u llum beatu?  Il-fatt hu li dawk li lbieraħ kellhom is-setgħa, għalqulu ħalqu għax dak li kien jgħid ma kienx jogħġobhom.  Illum, il-Knisja, li bil-grazzja t’Alla taf tindem, tgħid: ‘Le, dan hu bniedem tajjeb!’  U aktar minn hekk:  miexi fit-triq tal-kanonizzazzjoni; huwa beatu!

Il-persuni kollha li l-Ispirtu s-Santu jagħżilhom biex iwasslu l-verità lill-poplu t’Alla, żied il-Papa, isofru l-persekuzzjoni.  Ġesù hu proprju l-mudell, l-ikona.  Il-Mulej ħa fuq spallejh il-persekuzzjonijiet kollha tal-poplu tiegħu.  U llum ukoll, osserva b’diżappunt il-Papa, l-Insara huma ppersegwitati.  Nazzarda ngħid li forsi llum hemm ħafna, jew aktar, martri mill-ewwel żminijiet, għax għas-soċjetà mondana, għal din is-soċjetà għajjiena li ma tridx problemi, dawn jgħidulha l-verità, iħabbrulha lil Ġesù Kristu.

Illum, f’ċerti nħawi, hemm il-piena tal-mewt jew il-ħabs għal min ikollu l-Evanġelju d-dar jew jgħallem il-Katekiżmu! Kien qed jgħidli Kattoliku minn dawn il-pajjiżi, li huma ma jistgħux jitolbu flimkien.  Ipprojbit!  Jistgħu jitolbu biss waħedhom u bil-moħbi.  Imma huma jridu jiċċelebraw l-Ewkaristija.  Allura kif jagħmlu?  Jorganizzaw festa ta’ għeluq snin xi ħadd, jagħmlu tabirruħhom li qed issir festa tal-birthday, u hemmhekk jiċċelebraw l-Ewkaristija qabel ma tibda l-festa!  Imbagħad ġara wkoll li, meta jaraw lill-pulizija ġejjin, jaħbu kollox u jibdew ikantaw u jagħtu l-awguri u jkomplu l-festa.  Meta l-pulizija jitilqu, jispiċċaw l-Ewkaristija.  Hekk ikollhom jagħmlu għax ipprojbit li jitolbu flimkien. Illum dan!

Din l-istorja tal-persekuzzjonijiet, irrimarka l-Papa, hija l-mixja tal-Mulej, hija l-mixja ta’ dawk li jimxu wara l-Mulej.  Imma, żied jgħid, dejjem tispiċċa bħalma spiċċa l-Mulej: bil-qawmien, imma wara li jkunu għaddew mis-Salib!

Il-Papa fakkar lil Padre Matteo Ricci, l-evanġelizzatur taċ-Ċina, li ma fehmuhx.  Imma hu obda bħalma għamel Ġesù!  Dejjem se jkun hemm il-persekuzzjonijiet, kompla jgħid Franġisku, dejjem jiġri li l-profeta ma jkunx mifhum! Imma Ġesù hu l-Mulej u din hi l-isfida u s-salib tal-fidi tagħna! Jalla l-Mulej itina l-grazzja li nimxu fit-triq tiegħu u, jekk ikun il-każ, nimxu wkoll bis-salib tal-persekuzzjoni, temm jgħid il-Papa Franġisku.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija, Rabat, Malta

%d