It-Tnejn, 7 ta’ April 2014:Il-ħniena divina hija dawl kbir ta’ mħabba u tenerezza, hija t-tmellisa ta’ Alla fuq il-feriti ta’ dnubietna. Din kienet l-affermazzjoni li għamel il-Papa Franġisku dalgħodu waqt il-quddiesa fid-Dar Santa Marta.
L-Evanġelju tal-mara adultera li nħafrulha dnubietha tat spunt lill-Papa biex ifisser x’inhi l-ħniena t’Alla. L-episodju hu magħruf: l-iskribi u l-fariżej iressqu quddiem Ġesù mara li nqabdet f’adulterju, u jistaqsuh x’għandhom jagħmlu peress li l-liġi ta’ Mosè kienet tgħid li din għandha titħaġġar għax dnubha kien meqjus gravi ħafna.
Iż-żwieġ, afferma l-Papa, huwa simbolu u anke realtà umana tar-relazzjoni fidila ta’ Alla mal-poplu tiegħu. U meta ż-żwieġ jirvina ruħu minħabba l-adulterju, din ir-relazzjoni bejn Alla u l-poplu tiegħu, titħammeġ. Imma l-iskribi u l-fariżej jagħmlulu l-mistoqsija biex ikollhom raġuni għalfejn jakkużawh. Kieku Ġesù qalilhom, ‘Iva, ħaġġruha,’ kienu jgħidu lin-nies: ‘Dan hu l-Imgħallem tant twajjeb tagħkom? Ara x’għamlilha lil din l-imsejkna mara!’ U kieku Ġesù weġibhom: ‘Le, miskina, aħfrulha!’, kienu jgħidu li qed jikser il-liġi! Huma ma kienx jimpurtahom mill-mara, ma kienx jimpurtahom mill-adulteri… forsi anke xi wieħed minnhom kien adulteru! Ma kienx jimpurtahom minn dan! Kull ma kien jimpurtahom kien li jonsbu lil Ġesù!
Minn hawn toħroġ it-tweġiba tal-Mulej: ‘Min minnkom hu bla ħtija, jitfgħalha l-ewwel ġebla!’ B’ċerta ironija, l-Evanġelju jgħid li dawk li kienu qed jixluha telqu wieħed wieħed, ibda mill-anzjani. Jidher, osserva l-Papa, li fil-bank tas-sema, il-kont tagħhom kien bid-dejn. U Ġesù jibqa’ waħdu mal-mara u, bħall-konfessur, jgħidilha: ‘Mara, fejn qegħdin? Ħadd ma kkundannak? Fejn huma?’ Qegħdin waħedna, int u jien, int quddiem il-Mulej, mingħajr akkużi, mingħajr tqassis.
Il-mara twieġeb: ‘Ħadd, Mulej.’ Imma ma tgħidx, ‘Kienet akkuża falza, jien m’għamiltx adulterju!’ Tagħraf id-dnub tagħha. U Ġesù jafferma: ‘Lanqas jien ma nikkundannak!’ Mur u tidnibx iżjed biex ma terġax tgħaddi minn waqt ikrah bħal dan, biex ma jkollokx għalfejn tistħi, biex ma toffendix lil Alla, biex ma ttebbax ir-relazzjoni tiegħek bejn Alla u l-poplu tiegħu. Ġesù jaħfer, afferma l-Papa.
Imma hawn, hawn xi ħaġa li hi akbar mill-maħfra, żied jgħid Franġisku. Ġesù jmur lil hinn mil-liġi. Ma jgħidilhiex li l-adulterju mhux dnub. Ma jgħidx hekk! Imma lanqas jikkundannaha bil-liġi. Dan hu l-misteru tal-ħniena. Dan hu l-misteru tal-ħniena ta’ Ġesù. Il-ħniena, kompla jgħid il-Papa, hi xi ħaġa li diffiċli tifhimha.
‘Imma, padre, il-ħniena tħassar id-dnubiet?’ Le, dak li jħassar id-dnubiet hu l-maħfra t’Alla! Il-ħniena hi l-mod kif jaħfer Alla. Għax Ġesù seta’ jgħid: ‘Jiena naħfirlek. Mur!’, kif kien qal lill-paralitiku li kienu niżżlu quddiemu minn ġos-saqaf: ‘Dnubietek maħfura.’
Hawnhekk jgħid: ‘Mur bis-sliem!’ Ġesù jmur lil hinn u jirrikmandalha biex ma tidnibx aktar. Hekk naraw l-atteġġjament ta’ ħniena ta’ Ġesù: jiddefendi lill-midneb mill-għedewwa; jiddefendi lill-midneb minn kundanna ġusta. Anke aħna, kemm minna forsi nistgħu mmorru l-infern? Kemm hemm minna li jistgħu jmorru l-infern? Dik hi kundanna ġusta… Imma Hu jaħfer aktar minn hekk. Kif? B’din il-ħniena.
Il-ħniena, afferma l-Papa, tmur lil hinn mill-ħajja tal-persuna tant li d-dnub jiġi mwarrab fil-ġenb. Aħna nħarsu lejn is-sema u naraw tant stilel, imma meta tasal ix-xemx, b’tant dija, l-istilel ma jidhrux aktar. Hekk hi l-ħniena t’Alla: dawl kbir ta’ mħabba, ta’ tenerezza. Alla ma jaħfirx b’xi digriet, imma bi tmellisa, billi jmelles il-feriti ta’ dnubietna. Għax Hu jinvolvi ruħu fil-maħfra, jinvolvi ruħu fis-salvazzjoni tagħna.
B’hekk Ġesù jsir konfessur: ma jumiljahiex, ma jgħidilhiex, ‘X’għamilt? Għidli: u meta għamiltu? Kif għamiltu? Ma’ min?’ Le, jgħidilha: ‘Mur u minn issa ‘l quddiem tidnibx aktar!’ Hija kbira l-ħniena t’Alla, hija kbira l-ħniena ta’ Ġesù. Jaħfrilna bi tmellisa, spiċċa jgħid il-Papa.
Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija, Rabat, Malta